Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, 21 ta' Mejju 2014

Azzjoni favur il-klima: Il-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn trakkijiet, karozzi tal-linja u kowċis

Bl-istrateġija li ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea llum, it-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċis mistennija jużaw inqas fjuwil u jemettu ammonti aktar baxxi ta’ diossidu tal-karbonju (CO2). Dawn il-vetturi heavy-duty (HDVs) jiġġeneraw madwar kwart mill-emissjonijiet ta' CO2 li jiġu mit-trasport bit-triq fl-UE. Jekk ma titteħidx azzjoni, l-emissjonijiet mill-HDVs bejn l-2030 u l-2050 huma mistennija li jibqgħu qrib il-livelli kurrenti, li mhumiex sostenibbli.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard, qalet "Illum qed nieħdu l-passi li jmiss biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq. L-ewwel irregolajna l-karozzi u l-vannijiet, u issa nistgħu naraw ir-riżultati: l-emissjonijiet tnaqqsu, it-tniġġis tal-arja fil-bliet qed jonqos u issa l-konsumaturi jistgħu jixtru vetturi aktar innovattivi u li jaħlu inqas fjuwil. Huwa għalhekk li issa qed nindirizzaw it-trakkijiet u l-karozzi tal-linja. Din l-istrateġija tindika miżuri ġodda li maż-żmien se jnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn dawn il-vetturi, jiffrankaw il-flus lill-operaturi u l-UE ssir inqas dipendenti fuq iż-żejt importat." 

Fokus fuq azzjoni għal żmien qasir

Filwaqt li l-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi u vannijiet ġodda qed jitnaqqsu bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni reċenti tal-UE, l-istrateġija tal-lum1 hija l-ewwel waħda li tindirizza l-emissjonijiet minn HDVs.

L-istrateġija tiffoka fuq azzjoni għal żmien qasir biex jiġu ċċertifikati, irrapportati u mmonitorjati l-emissjonijiet minn HDVs. Dan huwa l-ewwel pass essenzjali biex jonqsu l-emissjonijiet, u sa issa kien diffiċli li jsir paragun bejn l-HDVs, l-iktar minħabba l-varjetà konsiderevoli ta’ mudelli u daqsijiet ta’ trakkijiet disponibbli, li spiss jiġu adattati għall-bżonnijiet tas-suq u prodotti fi kwantitajiet ferm iżgħar milli għall-karozzi u l-vannijiet.

Il-Kummissjoni żviluppat għodda ta’ simulazzjoni bil-kompjuter, VECTO, biex jitkejlu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ġodda. Bl-appoġġ ta’ din l-għodda l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li s-sena d-dieħla tressaq proposti għal leġiżlazzjoni li tkun tesiġi li l-emissjonijiet ta' CO2 minn HDVs ġodda jiġu ċċertifikati, irrappurtati u mmonitorjati. Dan se jikkontribwixxi għal suq aktar trasparenti u kompetittiv u biex jiġu adottati l-aktar teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Miżuri ulterjuri possibbli għal terminu medju

Meta din il-leġiżlazzjoni tkun fis-seħħ, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra miżuri oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn HDVs. L-aktar alternattiva ċara hija li jiġu stabbiliti limiti obbligatorji fuq il-medja tal-emissjonijiet ta' CO2 minn HDVs reġistrati għall-ewwel darba, kif diġà jsir għall-karozzi u l-vannijiet. Alternattivi oħra jistgħu jinkludu l-iżvilupp ta’ infrastruttura moderna li tgħin biex jiżdied l-użu ta' fjuwils alternattivi għall-HDVs, prezzar aktar intelliġenti għall-użu tal-infrastruttura, l-użu effettiv u koerenti tat-tassazzjoni tal-vetturi mill-Istati Membri u mekkaniżmi oħra bbażati fuq is-suq. Se ssir valutazzjoni tal-impatt biex jiġu identifikati l-aktar alternattiva jew alternattivi kosteffikaċi.

L-istudji mwettqa waqt it-tħejjija tal-istrateġija jindikaw li t-teknoloġiji l-aktar moderni jistgħu jiksbu tnaqqis kosteffikaċi tal-emissjonijiet ta' CO2 minn HDVs ġodda, ta’ mill-inqas 30%.

Sfond

L-emissjonijiet minn HDVs jammontaw għal madwar kwart tal-emissjonijiet tat-trasport bit-triq u 5 % tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt, li hija l-bażi tal-Istrateġija HDV, turi li bejn l-1990 u l-2010 l-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport ta' HDVs żdiedu b’madwar 36%.

Il-projezzjonijiet abbażi ta' xenarju ta’ “l-ebda bidla ta' politika” jimplikaw li bejn l-2030 u l-2050 l-emissjonijiet totali minn HDVs fl-UE għandhom jibqgħu qrib il-livelli attwali, jiġifieri madwar 35% ogħla milli fl-1990. Dan huwa b’mod ċar inkompatibbli mal-objettiv tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport b’madwar 60% tal-livelli tal-1990 sal-2050, kif stipulat fil-White Paper u l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni tal-2011 dwar it-Trasport biex fl-2050 noqorbu lejn ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

Passi li jmiss

L-istrateġija hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li huma mistiedna jappoġġawha u jgħinu fit-twettiq tal-azzjonijiet deskritti.

Għal aktar tagħrif:

Il-paġna web tad-DĠ Azzjoni Klimatika għal vetturi heavy-duty

MEMO/14/366

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Mirna Bratoz (+32 2 298 72 78)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefon 00 800 6 7 8 9 10 11 jew permezz ta' e­mail

1 :

Komunikazzjoni: Strateġija għat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet ta' CO2 minn Vetturi Heavy-Duty


Side Bar