Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, it-8 ta’ Mejju 2014

L-UE tqis l-innovazzjoni fl-oċeani bħala sors ta' tkabbir sostenibbli

Żewġ terzi tal-pjaneta tagħna jikkonsistu f'oċeani u ibħra. Jekk nużawhom b'mod responsabbli, l-ibħra u l-oċeani jistgħu jipprovdu sorsi ta' ikel, mediċina u enerġija filwaqt li l-ekosistemi jitħarsu għall-ġenerazzjoni li għad iridu jiġu. Madanakollu, biex dan ikun jista' jseħħ, jeħtieġ li jkollna iktar għarfien dwar l-ibħra u l-oċeani tagħna. Għaldaqstant, il-Kummissjoni llum ressqet Pjan ta' Azzjoni għall-Innovazzjoni fl-"Ekonomija l-Blu" biex tgħin fl-użu tar-riżorsi tal-oċeani b'mod sostenibbli u biex l-istess riżorsi jgħinu fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd qalet: "Illum, qed nibnu s-sisien biex il-ġenerazzjoni tal-Ewropej ta' għada ikollha l-għarfien u l-ħiliet biex iġġesti aħjar l-oċeani tagħna u tisfrutta l-benefiċċji kollha li jistgħu jagħtuna, b'rispett lejn il-bilanċ tal-ekosistema tal-baħar." Hija żiedet tgħid: "Pereżempju, l-inizjattiva tagħna li tinħoloq mappa diġitali tal-qigħan kollha tal-ibħra Ewropej se żżid il-previdibbiltà għan-negozji biex jinvestu, għat-tnaqqis tal-ispejjeż u għall-istimolu ta' iktar innovazzjoni għat-tkabbir blu sostenibbli."

Il-Kummissjoni tidentifika għadd ta' xkilijiet li għandhom jintgħelbu: l-għarfien tagħna dwar il-baħar għadu limitat, inizjattivi ta' riċerka marittima bejn l-Istati Membri mhumiex koordinati, filwaqt li l-forza tax-xogħol Ewropea ta' għada se tkun teħtieġ iktar inġiniera u xjenzati biex japplikaw teknoloġiji ġodda fl-ambjent marin.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni qalet: "Aktarx li aktar nafu dwar wiċċ il-Qamar u wiċċ Marte milli nafu dwar il-qigħan fondi tal-ibħra. L-innovazzjoni marittima għanda potenzjal enormi għall-ekonomija tagħna, u se tgħinna nilħqu sfidi bħall-bidla fil-klima u s-sigurtà alimentari. Għaldaqstant, it-Tkabbir Blu huwa qasam ta' attenzjoni ffukata għal Orizzont 2020, il-programm ġdid ta' riċerka u innovazzjoni tagħna."

Il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni mressaq illum jipproponi:

It-tlestija ta' mapep diġitali tal-qigħan kollha tal-ibħra Ewropej sal-2020.

Il-ħolqien ta' pjattaforma onlajn tal-informazzjoni, li għandha tkun operattiva qabel tmiem l-2015, dwar proġetti ta' riċerka marina matul il-programm Orizzont 2020 kif ukoll riċerka marina ffinanzjata mil-livell nazzjonali, u l-qsim ta' riżultati minn proġetti mlestija.

It-twaqqif ta' Forum tan-Negozju u x-Xjenza tal-Ekonomija l-Blu, li se jinvolvi lis-settur privat, xjenzati u NGOs biex jgħinu fit-tifsil tal-ekonomija l-blu tal-ġejjieni u jaqsmu ideat u riżultati. L-ewwel laqgħa se sseħħ fil-marġini tal-avveniment tal-Jum Marittimu 2015 f'Piraeus, il-Greċja.

L-inkoraġġiment għal atturi fir-riċerka, in-negozju u l-edukazzjoni biex sal-2016 jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-ħiliet għall-forza tax-xogħol ta' għada fis-settur marittimu.

L-eżaminazzjoni tal-possibbiltà li atturi ewlenin mill-komunità tar-riċerka, in-negozju u l-edukazzjoni jiffurmaw Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (jew KKI) għall-ekonomija l-blu wara l-2020. Il-KKI, li jiffurmaw parti mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jistgħu jistimulaw l-innovazzjoni b'għadd ta' modi, pereżempju billi jmexxu programmi ta' taħriġ u edukazzjoni, isaħħu l-passaġġ mir-riċerka għas-suq u jwaqqfu proġetti ta' innovazzjoni u inkubaturi tan-negozju.

Sfond

L-ekonomija marittima jew "blu" tal-UE hija vasta, b'iktar minn ħames miljun impjegat f'firxa wiesgħa ta' setturi fosthom is-sajd, it-trasport, il-bijoteknoloġija marina u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta.

Bejn l-2007 u l-2013, il-Kummissjoni Ewropea ikkontribwiet medja ta' €350 miljun fis-sena għar-riċerka marina u marittima permezz tas-seba' Programm Qafas. Ammont sostanzjali ta' riċerka marina jitwettaq ukoll permezz tal-programmi tal-Istati Membri (pereżempju madwar €300 miljun fis-sena fi Franza u l-Ġermanja) It-tkabbir blu huwa "qasam ta' attenzjoni ffukata" fil-programm il-ġdid Orizzont 2020, b'baġit speċifiku ta' €145 miljun għall-2014-2015 biss, u iktar opportunitajiet matul il-programm.

Madwar 30% ta' qiegħ il-baħar ta' madwar l-Ewropa għad ma ġiex imkejjel. Dan ivarja minn 5 % fil-Golf ta' Biskajja u l-Kosta Iberika għal 40 % fil-Baħar tat-Tramuntan, il-Jonju u l-Mediterran ċentrali. Fehim aħjar ta' x'qed jiġri taħt wiċċ il-baħar se jagħti għarfien aqwa tar-riżorsi tal-ibħra u fehim aħjar ta' kif dawn jistgħu jintużaw b'mod sostenibbli.

Id-distakki fil-ħiliet diġà jidhru fis-settur tal-enerġija mir-riħ. Fl-2012, dan il-qasam lil hinn mill-kosta kien responsabbli għal 10 % tal-kapaċità tar-riħ installata, u kien iħaddem 58,000 persuna direttament jew indirettament madwar l-Ewropa. Huwa proġettat li sal-2020, il-proporzjon ta' enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta se jilħaq it-30 % tat-tagħmir għall-enerġija mir-riħ installat. Dan ifisser 191,000 impjieg sal-2020, ċifra li tiżdied għal 318,000 sal-2030. Iżda s-settur jista' jesperjenza nuqqas fil-ħiliet li jikber mis-7,000 ta' bħalissa għal 14,000 ta' ekwivalenti full-time jekk il-forza tax-xogħol tal-ġejjieni ma tingħatax il-ħiliet f'oqsma bħal, pereżempju, il-manutenzjoni u l-manifattura.

Għal aktar tagħrif

L-innovazzjoni fl-Ekonomija l-Blu: Ir-realizzar tal-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/marine_knowledge_2020/index_mt.htm

MEMO/14/336: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-innovazzjoni fl-ekonomija l-blu

MEMO/14/337: Innovazzjoni tal-Ekonomija l-Blu: eżempji ta' riċerka marina tal-UE

Fuljett dwar proġetti ta' riċerka tal-UE għall-"Oċeani ta' Għada" (fajl PDF) http://ec.europa.eu/research/bioeconomy/pdf/ocean-of-tomorrow-2014_en.pdf

Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/

It-tkabbir blu fl-UE - sett ta' studji: https://webgate.ec.europa.eu/maritimeforum/en/community/msexperts/articles/blue-growth-eu-set-studies

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)

Għall-pubbliku: Europe Direct permezz tat-telefon00 800 6 7 8 9 10 11 jew bl-e­mail


Side Bar