Skip to main content
NextGenerationEU
Next Generation EU

Ta' vera

NextGenerationEU hu aktar minn pjan ta’ rkupru – hu opportunità ta’ darba li noħorġu aktar b’saħħitna mill-pandemija, nittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, u nfasslu Ewropa li taħdem għal kulħadd.

Għandna kulma neħtieġu biex dan inwettquh. Għandna viżjoni, għandna pjan u qbilna li ninvestu €806.9 biljun* flimkien.

Skopri kif l-UE qed tagħmel l-Ewropa aktar b’saħħitha, aktar ekoloġika u aktar diġitali, u kif tista’ tkun parti mill-bidla. Hekk kif il-finanzjament tan-NextGenerationEU jsir disponibbli u l-proġetti jibdew, se ssib aktar informazzjoni hawnhekk dwar l-inizjattivi fiż-żona tiegħek.

Flimkien, se nagħmluha Realtà.

*Din iċ-ċifra hija fi prezzijiet attwali. Din tammonta għal €750 biljun fi prezzijiet tal-2018.

Ekoloġika

green future

L-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba biex issir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 – aħna m'aħniex se nipproduċu aktar gassijiet serra milli l-ekosistemi tagħna jistgħu jassorbu b’mod naturali. Permezz tan-NextGenerationEU, se ninvestu f’teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent, nintroduċu vetturi u trasport pubbliku aktar ekoloġiċi, u nagħmlu l-bini u l-ispazji pubbliċi tagħna aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Iżda jeħtieġ ukoll li nipproteġu l-ambjent naturali tagħna. Aħna:

  • se ntejbu l-kwalità tal-ilma fix-xmajjar u fl-ibħra tagħna, innaqqsu l-iskart u l-iskart tal-plastik, inħawlu biljuni ta’ siġar u nġibu lura n-naħal
  • se noħolqu spazji ekoloġiċi fil-bliet tagħna u nżidu l-użu tal-enerġija rinnovabbli
  • se nagħmlu l-biedja aktar ekoloġika sabiex l-ikel tagħna jkun aktar tajjeb għas-saħħa.

L-UE se tkun minn ta’ quddiem fl-azzjoni klimatika, iżda kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu: billi taqbad it-trasport pubbliku jew tuża r-rota, billi tiekol aktar ħxejjex u anqas laħam, billi tixtri oġġetti użati, tirriċikla u terġa’ tuża.

Dan hu n-NextGenerationEU. Ejjew nagħmluha ekoloġika!

Diġitali

Make it Digital

Il-futur se jkun xprunat mit-teknoloġija. Għalhekk qed nagħmlu l-għaxar snin li ġejjin id-deċennju diġitali tal-Ewropa! Man-NextGenerationEU:

  • se tkun tista’ tikkonnettja kullimkien bil-5G u l-broadband ultraveloċi fl-UE kollha
  • se tirċievi identità diġitali (eID), li tagħmilha aktar faċli biex taċċessa s-servizzi pubbliċi online u tagħtik aktar kontroll fuq id-data personali tiegħek
  • il-bliet tagħna se jsiru aktar intelliġenti u aktar effiċjenti
  • ix-xiri online se jkun aktar sigur
  • l-intelliġenza artifiċjali se tgħinna niġġieldu t-tibdil fil-klima u ntejbu l-kura tas-saħħa, it-trasport u l-edukazzjoni.

L-UE qed tiffinanzja korsijiet ta’ taħriġ online sabiex kulħadd, żagħżugħ jew anzjan, ikun jista’ jtejjeb il-ħiliet diġitali tiegħu. Qed ngħinu lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju biex imorru online. U qed nagħmlu l-edukazzjoni elettronika aktar aċċessibbli.

Interessat? Ingħaqad f’sessjoni ta’ taħriġ, sib apprendistat fit-teknoloġiji diġitali, u skopri kif tista’ tibqa’ sikur online.

Bin-NextGenerationEU, ninsabu lesti biex nagħmlu l-Ewropa diġitali, int magħna?

B’saħħitna

make it healthy

Il-pandemija tal-coronavirus affettwatna lkoll b’xi mod jew ieħor – fiżikament, mentalment, soċjalment. Issa, irridu nibnu UE aktar sikura u aktar b’saħħitha sabiex inkunu ppreparati aħjar għal kwalunkwe kriżi futura.

Bin-NextGenerationEU, aħna:

  • se naħdmu mal-pajjiżi kollha tal-UE biex nipproteġu kontra t-theddid għas-saħħa
  • se ninvestu aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati vaċċini u trattamenti, mhux biss għal mard ġdid bħall-coronavirus, iżda wkoll għall-kanċer
  • se nimmodernizzaw is-sistemi tas-saħħa tagħna sabiex l-isptarijiet f’kull pajjiż tal-UE jkollhom aċċess aħjar għal teknoloġija ġdida u għal provvisti mediċi
  • se niffinanzjaw taħriġ għall-professjonisti mediċi u tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa.

Flimkien, nistgħu nagħmlu l-Ewropa aktar b’saħħitha. Madankollu, dan ma jikkonsistix biss f’azzjonijiet kbar. Dieta tajba u eżerċizzju regolari jistgħu jagħmlu ħafna biex itejbu l-benesseri fiżiku u mentali tagħna.

Bin-NextGenerationEU, ninsabu lesti biex nagħmlu l-Ewropa b’saħħitha, int magħna?

Qawwija

Make it Strong

Il-pandemija ħalliet impatt fuq ħajjitna kollha. Ħafna sofrew mard jew mewt, oħrajn tilfu l-impjieg jew id-dħul tagħhom. Issa rridu nibnu Ewropa aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti.

Bin-NextGenerationEU, aħna:

  • qed ninkuraġġixxu liż-żgħażagħ biex jistudjaw ix-xjenza u t-teknoloġija, li jiftħu bibien għall-impjiegi ekoloġiċi u diġitali tal-futur
  • qed nappoġġjaw aktar edukazzjoni u apprendistati
  • qed noffru self u għotjiet lil imprendituri żgħażagħ.

Iżda l-UE qed tgħin ukoll lil ħafna setturi jirkupraw. Qed nagħtu spinta lill-appoġġ għat-turiżmu, il-kultura u l-arti fl-Unjoni kollha, u nagħmluhom aktar diġitali u sostenibbli.

Ara kif l-appoġġ tal-UE jista’ jgħinek tkompli l-edukazzjoni tiegħek jew issib ix-xogħol tal-ħolm tiegħek. Iċċekkja l-opportunitajiet tagħna ta’ Erasmus+ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE tagħna. Skopri x’appoġġ hu disponibbli għan-negozju tiegħek biex isir aktar ekoloġiku u diġitali.

Bin-NextGenerationEU, ninsabu lesti biex nagħmlu l-Ewropa qawwija, int magħna?

Ugwali

Make it Equal

Mit-Tramuntana san-Nofsinhar, mil-Lvant sal-Punent, irridu nibnu Ewropa li taħdem għal kulħadd. Irridu li l-Ewropej kollha jkollhom opportunitajiet indaqs, irrispettivament minn fejn ikunu u fejn jgħixu. U nixtiequ niċċelebraw id-diversità fil-forom kollha tagħha.

Bin-NextGenerationEU, aħna:

  • qed niġġieldu kontra r-razziżmu u l-ksenofobija
  • qed nippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa
  • qed nipproteġu d-drittijiet tal-komunità LGBTQI+ u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
  • qed insaħħu l-liġi tal-UE biex tkopri l-forom kollha ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda.

L-ugwaljanza tfisser ukoll opportunitajiet ekonomiċi u soċjali għal kulħadd. Bin-NextGenerationEU, qed nagħtu spinta lill-opportunitajiet ta’ impjieg għall-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll għal dawk li jgħixu f’żoni rurali, remoti jew żvantaġġati. Qed ngħinu lil aktar nies jiksbu akkomodazzjoni deċenti u adegwata. U qed ninvestu fl-edukazzjoni inklużiva għat-tfal, irrispettivament mill-isfond, is-sitwazzjoni jew il-ħtiġijiet speċjali tagħhom.

Kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu – billi jippromwovi opportunitajiet indaqs u jiġbed l-attenzjoni dwar id-diskriminazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda, fil-ħajja reali u online.

Bin-NextGenerationEU, ninsabu lesti biex nagħmlu l-Ewropa għal kulħadd, int magħna?

Stejjer ta’ rkupru

Hawnhekk dalwaqt se tkun tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati min-NextGenerationEU fiż-żona tiegħek. U sadanittant, dawn huma biss xi wħud mill-51 storja ta’ nies u komunitajiet reali fl-Ewropa kollha li, bl-għajnuna mill-UE, għelbu l-isfidi maħluqin mill-pandemija.

Iċċekkja l-Irkupru mill-coronavirus: stejjer ta' suċċess oħrajn.