L-Unjoni Ewropea hija entità politika unika, li l-pajjiżi Membri sovrani tagħha jaqsmu l-awtorità f’oqsma ewlenin ta’ ggvernar biex jilħqu għanijiet komuni. Kull ċittadin ta’ pajjiż membru huwa wkoll ċittadin tal-UE, bid-dritt li jieħu sehem fil-ħajja demokratika tal-blokk.
Bħal Stat, l-UE għandha fergħa leġiżlattiva (il-Parlament + il-Kunsill), fergħa eżekuttiva (il-Kummissjoni) u ġudikatura indipendenti (il-Qorti tal-Ġustizzja).
Is-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-UE ġew stabbiliti permezz tat-trattati fundaturi negozjati u ratifikati mill-pajjiżi membri. F'oqsma ta' politika li mhumiex koperti mit-Trattati, il-gvernijiet nazzjonali huma ħielsa li jeżerċitaw is-sovranità tagħhom stess.
L-aktar 2 trattati importanti huma:
Trattati oħrajn huma l-Att Uniku Ewropew (1987), li fassal il-qafas għas-Suq Uniku Ewropew, u t-Trattati ta' Amsterdam (1999) u ta' Nizza (2003). L-aktar reċenti hu t-Trattat ta’ Lisbona (2009), li emenda wħud mit-trattati preċedenti.
Hemm 3 istituzzjonijiet responsabbli għat-tfassil ta' politika u għat-teħid tad-deċiżjonijiet:
Il-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew kien imwaqqaf biex jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE direttament. Is-setgħat tiegħu ġew estiżi permezz ta’ bidliet suċċessivi tat-Trattati bażiċi tal-UE. L-ewwel darba li ġie elett direttament miċ-ċittadini tal-UE kien fl-1979. Il-Parlament attwali ġie elett għal ħames snin f'Mejju 2014 u għandu 751 MPE mit-28 pajjiż kollha.
Il-funzjoni prinċipali tal-Parlament hi li jadotta, flimkien mal-Kunsill, l-abbozzi leġiżlattivi mressqa mill-Kummissjoni. Funzjoni oħra hija l-kontroll u l-approvazzjoni tal-baġit tal-UE. Il-Parlament jeżerċita wkoll is-superviżjoni demokratika tal-Kummissjoni, li tinkludi s-setgħa li jwaqqa’ l-Kummissjoni bħala ħaġa waħda, permezz ta’ vot ta’ ċensura.
Il-Kunsill Ewropew
Il-kapijiet ta' stat jew gvern mill-pajjiżi membri tal-UE jiltaqgħu tal-anqas erba' darbiet fis-sena bħala l-Kunsill Ewropew. Il-President tal-Kunsill jista’ jsejjaħ laqgħat addizzjonali kif u meta jkun meħtieġ. Il-laqgħat huma maħsubin biex jipprovdu stimolu u jiddefinixxu l-prijoritajiet politiċi. Id-deċiżjonijiet normalment jittieħdu b'kunsens.
Il-Kunsill - essenzjalment laqgħa tas-summit - kiseb status ta' istituzzjoni tal-UE, flimkien ma' president elett, bit-Trattat ta' Lisbona.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Il-Kunsill huwa leħen il-gvernijiet nazzjonali, fejn il-ministri ta' kull pajjiż jiltaqgħu diversi drabi fix-xahar. Għandu funzjoni kemm leġiżlattiva, flimkien mal-Parlament Ewropew, kif ukoll eżekuttiva, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. Il-ministri rilevanti jiltaqgħu biex jiddiskutu u jiddeċiedu dwar politika speċifika dwar ir-relazzjonijiet esterni (barranin), l-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji, it-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, eċċ. Spiss jissejjaħ il-Kunsill tal-Ministri, jew sempliċiment il-Kunsill.
Il-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta' vot kwalifikat ta' maġġoranza, għalkemm bosta kwistjonijiet bħat-tassazzjoni, il-kenn politiku u l-immigrazzjoni, jew il-politika barranija u ta' sigurtà jirrikjedu l-unanimità.
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea hija indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali, u tirrappreżenta l-interessi tal-UE kollha kemm hi. Għandha 4 funzjonijiet essenzjali:
Kull ħames snin jinħatar sett ġdid ta' Kummissarji, wara l-elezzjonijiet Ewropej. Il-President tal-Kummissjoni jiġi elett mill-Parlament, abbażi ta' proposta mill-Kunsill Ewropew. Il-Kummissarji – attwalment 1 minn kull pajjiż, inkluż il-President u l-Viċi Presidenti – jgħaddu mill-għarbiel tal-Parlament qabel jieħdu l-kariga tagħhom.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li l-legiżlazzjoni tal-UE tiġi interpretata u applikata bl-istess mod fil-pajjiżi membri kollha.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tagħti l-verdett tagħha f'tilwimiet li jinvolvu l-pajjiżi tal-UE, l-istituzzjonijet tal-UE, negozji jew individwi. Tinsab fil-Lussemburgu u hi ffurmata minn imħallfin minn kull pajjiż tal-UE.
L-UE għandha 8 entitajiet prinċipali oħra b’kompiti speċifiċi:
Għall-implimentazzjoni fid-dettall tal-liġi tal-UE fl-oqsma kollha varji tagħha, l-UE għandha 40 aġenzija ta' daqs u natura differenti mxerrdin mal-UE kollha.