Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea (KtR) huwa korp konsultattiv tal-UE magħmul minn rappreżentanti eletti lokali u reġjonali mit-28 Stat Membru tal-UE. Permezz tal-KtR huma jistgħu jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE li jista’ jkollha impatt dirett fuq ir-reġjuni u l-ibliet.
Il-KtR jagħti lir-reġjuni u l-ibliet leħen formali fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE li jiżgura li l-pożizzjoni u l-bżonnijiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu rispettati.
Il-membri tal-KtR huma rappreżentanti eletti li jservu fl-awtoritajiet lokali jew reġjonali. Kull pajjiż jaħtar il-membri tal-għażla tiegħu li jinħatru għal mandat ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded mill-Kunsill tal-UE. L-għadd ta’ membri għal kull pajjiż jiddependi mid-daqs tal-popolazzjoni ta’ dak il-pajjiż.
Membri minn pajjiż wieħed jiffurmaw id-delegazzjoni nazzjonali li tirrifletti l-bilanċ politiku, ġeografiku, reġjonali u lokali ta' pajjiżhom.
Kull Membru jista’ jagħżel ukoll li jkun parti minn grupp politiku fil-KtR. Bħalissa hemm ħames gruppi politiċi li jirriflettu firxa ta' affiljazzjonijiet politiċi: il-Partit Popolari Ewropew (PPE), il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE), il-Grupp tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE), il-Grupp tal-Alleanza Ewropea (AE) u l-Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej (ECR). Il-membri jistgħu jagħżlu wkoll li ma jkunux parti minn parti politiku jekk jixtiequ jagħmlu dan (mhux affiljati).
Il-KtR jaħtar President minn fost il-membri tiegħu, għal terminu ta' sentejn u nofs.
Il-KtR jaħtar relatur (wieħed mill-membri tiegħu) li jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u jipprepara l-opinjoni. It-test jiġi diskuss u adottat mill-kummissjoni tal-KtR responsabbli mill-qasam ta' politika kkonċernat. L-opinjoni mbagħad tiġi ppreżentata lill-membri kollha f’sessjoni plenarja fejn jivvutaw biex jemendawha u jadottawha. Fl-aħħar nett, l-opinjoni tiġi maqsuma u kkomunikata fl-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE.
Isiru sa 6 sessjonijiet plenarji kull sena, fejn jiġu adottati opinjonijiet li jkopru minn 50 sa 80 proġett leġiżlattiv tal-UE.
Il-KtR jinkuraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-livelli kollha, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali saċ-ċittadini individwali. L-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-assoċjazzjonijiet, l-NGOs, l-esperti u l-akkademiċi jistgħu jipparteċipaw fi stħarriġiet, konsultazzjonijiet u avvenimenti online. Il-Premjijiet għar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew huma miftuħa għar-reġjuni kollha b’kompetenzi politiċi, filwaqt li l-kompetizzjonijiet tat-teżijiet huma miftuħa għall-akkademiċi.
Il-KtR stabbilixxa għadd ta' netwerks biex jippermettu lir-reġjuni u l-ibliet tal-UE jiskambjaw l-aħjar prattiki, jaħdmu flimkien u jikkontribwixxu fid-dibattitu tal-UE dwar temi bħat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-kooperazzjoni transfruntiera, l-iżvilupp u s-sussidjarjetà.
L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu wkoll jiffirmaw Karta għall-Governanza f’Diversi Livelli fl-Ewropa li tikkontribwixxi biex tirreklama l-leġittimità u r-responsabbiltà tal-ibliet u r-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi tal-UE.
Bâtiment Jacques Delors/Jacques Delors Gebouw
Rue Belliard/Belliardstraat 99-101
B-1040 Bruxelles/Brussel
Belgique/België
Tip ta’ żjara: sessjoni ta' informazzjoni
Daqs minimu tal-grupp: 15-il persuna
Rekwiżit tar-Riżervazzjoni bil-quddiem: Ħmistax-il (2-il) xahar
L-età minima tal-viżitaturi: 14-il sena