European Union website, the official EU website

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE)

Ħarsa ġenerali: 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tinterpreta l-liġi tal-UE biex tiżgura li tiġi applikata bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE, u tirriżolvi tilwimiet legali bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE.

F'ċerti ċirkostanzi, tista’ tintuża wkoll minn individwi, kumpaniji jew organizzazzjonijiet biex jieħdu azzjoni kontra istituzzjoni tal-UE, jekk iħossu li d-drittijiet tagħhom ġew miksura.

X’tagħmel il-QtĠ-UE?

Il-QtĠ toħroġ deċiżjonijiet dwar il-każijiet miġjuba quddiemha. L-aktar tipi ta' każijiet komuni huma:

  • l-interpretazzjoni tal-liġi (deċiżjonijiet preliminari) – il-qrati nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jiżguraw li l-liġi tal-UE tiġi applikata sew, iżda l-qrati fil-pajjiżi differenti jistgħu jinterpretawha b'mod differenti. Jekk qorti nazzjonali jkollha dubju dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ liġi tal-UE, din tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika. L-istess mekkaniżmu jista’ jintuża biex jiġi ddeterminat jekk liġi jew prattika nazzjonali hix kompatibbli mal-liġi tal-UE.
  • l-infurzar tal-liġi (proċedimenti ta' ksur) – dan it-tip ta' każ jittieħed kontra gvern nazzjonali għan-nuqqas ta' konformità ma' liġi tal-UE. Jista' jinbeda mill-Kummissjoni Ewropea jew minn pajjiż ieħor tal-UE. Jekk il-pajjiż jinstab li kien fi ksur, irid jirrimedja l-affarijiet minnufih, jew jirriskja li jitressaq it-tieni każ kontrih, li jista’ jirriżulta f’multa.
  • l-annullament tal-atti legali tal-UE (azzjonijiet għal annullament) – jekk att tal-UE jitqies li jikser it-trattati tal-UE jew id-drittijiet fundamentali, il-Qorti tista' tintalab biex tannullah – minn gvern tal-UE, il-Kunsill tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea jew (f'xi każijiet) il-Parlament Ewropew.
    Individwi privati jistgħu wkoll jitolbu lill-Qorti biex tannulla att tal-UE li jikkonċernahom direttament.
  • l-iżgurar li l-UE tieħu azzjoni (azzjonijiet għal nuqqas ta' aġir) – il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu ċerti deċiżjonijiet taħt ċerti ċirkostanzi. Jekk ma jagħmlux dan, il-gvernijiet tal-UE, istituzzjonijiet oħra tal-UE jew (taħt ċerti kundizzjonijiet) individwi jew kumpaniji jistgħu jressqu lment quddiem il-Qorti.
  • is-sanzjonar tal-istituzzjonijiet tal-UE (azzjonijiet għal danni) – kwalunkwe persuna jew kumpanija li tkun sofriet ħsara minħabba xi azzjoni li saret jew li ma saritx mill-UE jew il-persunal tagħha, tista’ tieħu azzjoni kontrihom quddiem il-Qorti.

Kompożizzjoni

Il-QtĠ hija maqsuma f’żewġ qrati:

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja – tittratta rikjesti għal deċiżjonijiet preliminari mill-qrati nazzjonali, ċerti azzjonijiet għall-annullament u l-appelli.
  • Il-Qorti Ġenerali – tittratta azzjonijiet għall-annullament imressqa minn individwi, kumpaniji u, f'xi każijiet, mill-gvernijiet tal-UE. Fil-prattika, dan ifisser li din il-qorti tittratta prinċipalment mal-liġi tal-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat, il-kummerċ, l-agrikoltura, il-marki kummerċjali.

Kull imħallef jew avukat ġenerali jinħatar għal terminu ta' 6 snin li jista' jiġġedded, mill-gvernijiet nazzjonali. F'kull Qorti, l-imħallfin jagħżlu President b'terminu ta' 3 snin li jista' jiġġedded.

Kif taħdem il-QtĠ-UE?

Fil-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ jiġi assenjat imħallef wieħed (l-“imħallef relatur”) u avukat ġenerali wieħed. Il-każijiet huma pproċessati f'żewġ stadji

  • Stadju bil-miktub
    • Il-partijiet jagħtu dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja – u l-osservazzjonijiet jistgħu wkoll jiġu ppreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u xi kultant individwi privati.
    • Dan kollu huwa miġbur fil-qosor mill-imħallef relatur u mbagħad diskuss fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti, li jiddeċiedi:
      • Kemm imħallfin se jittrattaw il-każ? 3, 5 jew 15-il imħallef (il-Qorti kollha), skont l-importanza u l-kumplessità tal-każ. Il-biċċa l-kbira tal-każijiet jiġu ttrattati minn 5 imħallfin, u huwa rari ħafna li l-Qorti kollha tisma’ l-każ.
      • Jekk ikunx hemm bżonn seduta ta' smigħ (stadju orali) u jekk ikunx hemm bżonn opinjoni uffiċjali mill-avukat ġenerali.
  • Stadju oralismigħ pubbliku
    • L-avukati miż-żewġ naħat jistgħu jippreżentaw il-każ tagħhom lill-imħallfin u l-avukat ġenerali, li jistgħu jagħmlulhom mistoqsijiet.
    • Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li hemm bżonn tal-Opinjoni tal-avukat ġenerali, din tingħata ftit ġimgħat wara s-seduta ta’ smigħ.
    • L-imħallfin imbagħad jiddeliberaw u jagħtu s-sentenza tagħhom.
  • Il-proċedura tal-Qorti Ġenerali hija simili, ħlief li l-biċċa l-kbira tal-każijiet jinstemgħu minn 3 imħallfin u ma jkun hemm l-ebda avukat ġenerali.

Il-QtĠ-UE u int

Jekk inti - bħala individwu privat jew kumpanija - sofrejt ħsara minħabba xi azzjoni li saret jew li ma saritx minn istituzzjoni tal-UE jew il-persunal tagħha, tista' tieħu azzjoni kontrihom quddiem il-Qorti, f'wieħed minn żewġ modi:

  • indirettament permezz tal-qrati nazzjonali (li jistgħu jiddeċiedu li jirreferu l-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja)
  • direttament quddiem il-Qorti Ġenerali – jekk deċiżjoni minn istituzzjoni tal-UE tkun affettwatek b'mod dirett u individwali.

Jekk tħoss li l-awtoritajiet fi kwalunkwe pajjiż ikunu kisru l-liġi tal-UE, għandek timxi mal-proċedura uffiċjali għall-ilmenti.

Aktar dwar id-drittijiet legali tiegħek

Dettalji ta' kuntatt: 

il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Dettalji ta' kuntatt

Indirizz: 

Palais de la Cour de Justice

Boulevard Konrad Adenauer

Kirchberg

L-2925 Luxembourg

Luxembourg

Tel: 
+352 4303 1
Fax: 
+352 4303 2600
Żur: 

Tip ta’ żjara: Żjara ta’ studju, sessjoni ta’ informazzjoni, seminar, smigħ pubbliku

Daqs minimu ta’ grupp: 7 persuni (ħlief għal seduti pubbliċi)

Viżitaturi individwali: Biss għal seduti pubbliċi

Ħtieġa ta' riżervazzjoni bil-quddiem: Gruppi: 6 xhur (ħlief għal seduti pubbliċi). Viżitaturi individwali: 15-il minuta qabel is-smigħ pubbliku

Età minima tal-viżitaturi: 18-il sena

Żur il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea