European Union website, the official EU website

Deċennju ta’ opportunitajiet u sfidi

Deċennju ta’ opportunitajiet u sfidi

Għaxar snin ta’ sfida

Il-kriżi ekonomika globali tolqot sew lill-Ewropa. L-UE tgħin lil pajjiżi diversi jikkonfrontaw id-diffikultajiet tagħhom u tistabbilixxi l-"Unjoni Bankarja" għall-ħolqien ta’ settur bankarju aktar sikur u affidabbli. Fl-2012, l-Unjoni Ewropea tingħata l-Premju Nobel għall-Paċi. Fl-2013, il-Kroazja ssir it-28 membru tal-UE. It-tibdil fil-klima għadu prijorità fl-aġenda u l-mexxejja jaqblu li jnaqqsu l-emissjonijiet. Fl-2014 isiru l-elezzjonijiet Ewropej u jiġu eletti aktar Ewroxettiċi fil-Parlament Ewropew. Hi stabbilita politika tas-sigurtà ġdida wara l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja. L-estremiżmu reliġjuż jiżdied fil-Lvant Nofsani u f'diversi pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja, u dan iwassal għal kunflitti u gwerer li jirriżultaw f’ħafna persuni jaħarbu minn djarhom u jfittxu refuġju fl-Ewropa. L-UE mhux biss qed taffaċċja d-dilemma ta’ kif tieħu ħsiebhom, iżda wkoll issib lilha nnifisha fil-mira ta’ diversi attakki terroristiċi.

2010

Wara l-kriżi ekonomika li bdiet fl-2008, diversi pajjiżi ltaqgħu ma’ problemi fir-rigward tal-finanzi pubbliċi. Is-16-il pajjiż taż-żona tal-euro jappoġġjaw pjan biex jgħinhom jittrattaw id-defiċits tagħhom.

Marzu 2011

Iqumu protesti favur id-demokrazija fis-Sirja. Wara li l-forzi tas-sigurtà sparaw fuq id-dimostranti, teskala l-vjolenza u jiffurmaw brigati ribelli kontra l-forzi tas-sigurtà tal-istat. Tibda gwerra ċivili fis-Sirja li se tiddomina l-politika dinjija għal ħafna snin li ġejjin.

Ottubru 2011

Il-varar tal-ewwel żewġ satelliti Galileo jressaq lill-UE aktar viċin li jkollha sistema ta' navigazzjoni bis-satellita tagħha. Galileo se jgħin fit-titjib tat-trasport, tas-servizzi tas-salvataġġ, tat-tranżazzjonijiet bankarji u tal-provvista tal-elettriku.

April 2012

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej issir operazzjonali u tagħti l-possibbiltà li ċ-ċittadini jipproponu direttament il-ħolqien ta' liġi lill-Kummissjoni Ewropea.

10 ta' Diċembru 2012

L-UE tingħata l-Premju Nobel għall-Paċi "għal iktar minn sitt deċennji ta' kontribuzzjoni għall-avvanz tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa".

11 ta' Marzu 2013

Jintemm il-perjodu ta’ għeluq gradwali sabiex jiġu ttestjati l-prodotti kożmetiċi fuq l-annimali, biex b'hekk il-kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali ma jistgħux jibqgħu jiġu kkumerċjalizzati fl-UE.

1 ta' Lulju 2013

Il-Kroazja tissieħeb fl-UE, u ssir it-28 membru tagħha.

Stati Membri Stati Membri: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Belġju, il-Lussemburgu, id-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Greċja, Spanja, il-Portugall, l-Awstrija, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Bulgarija u r-Rumanija.

Stati Membri ġodda Stat Membru Ġdid: il-Kroazja.

Pajjiżi Kandidati Pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo, il-Montenegro u t-Turkija.

 Mappa - stati membri tal-UE 2013 © Unjoni Ewropea

22 ta' Frar 2014

Il-President tal-Ukrajna jitkeċċa mill-parlament tiegħu wara bosta xhur ta’ protesti popolari u taqlib. Ir-relazzjoni tal-pajjiż mal-UE u r-Russja hija fil-qalba ta’ perjodu twil ta’ inċertezza. Il-Krimea, reġjun tal-Ukrajna, hi illegalment annessa mir-Russja, azzjoni kkundannata mill-UE.

15 ta' Lulju 2014

Il-Parlament Ewropew itella' b'elezzjoni lil Jean-Claude Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, wara l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju.

Ottubru 2014

Il-mexxejja tal-UE jwiegħdu €1 biljun għall-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika, l-aktar fil-Guinea, Sjerra Leone u l-Liberja. Din hi l-akbar u l-aktar tifqigħa kumplessa minn meta l-Ebola ġiet osservata għall-ewwel darba fl-1976. Sa tmiem l-2015, il-virus hu prattikament eliminat f’dawn il-pajjiżi.

 

26 ta' Novembru 2014

Il-Kummissjoni tħabbar pjan ta' investiment ta' €315 biljun bil-ħsieb li toħloq sa 1.3 miljun xogħol ġdid.

Lulju 2015

Il-Greċja hija l-pajjiż tal-UE li ntlaqat l-agħar mill-kriżi ekonomika. Id-diskussjonijiet dwar riformi fil-pajjiż u l-appoġġ mill-UE jwasslu għal ftehim ġdid.

13 ta' Novembru 2015

130 ruħ jinqatlu f’attakki terroristiċi f’Pariġi. Ftit wara, il-ministri tal-UE jaqblu dwar miżuri ta’ sigurtà tal-fruntieri aktar stretti fiż-żona ta’ Schengen li ma teħtieġx passaport.

Diċembru 2015

Sa tmiem l-2015, madwar miljun persuna li jfittxu l-ażil jaslu l-Ewropa matul is-sena, b'ħafna minnhom ikunu qed jaħarbu l-gwerra ċivili fis-Sirja u fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Il-mexxejja tal-UE jżidu l-isforzi biex jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri esterni u jnaqqsu l-għadd tal-persuni li jfittxu l-ażil billi jikkooperaw mal-Istati ġirien bħat-Turkija.

Diċembru 2015

F’konferenza dwar il-klima f’Pariġi, 195 pajjiż jaqblu li jillimitaw iż-żieda fit-temperatura globali għal inqas minn 2°C.

Ara wkoll: