European Union website, the official EU website

Aktar espansjoni


2000 | 2001 | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009

Aktar espansjoni

L-euro issa ssir il-munita ġdida għal bosta Ewropej. Matul dawn l-għaxar snin, aktar u aktar pajjiżi jadottaw l-euro. Il-11 ta' Settembru 2001 jsir sinonimu mal-"Gwerra kontra t-Terroriżmu" wara li jinħatfu l-ajruplani u jittajru f'bini fi New York u f'Washington. Il-pajjiżi tal-UE jibdew jaħdmu iktar mill-qrib flimkien biex jiġġieldu l-kriminalità. Il-qasmiet politiċi bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ewropa fl-aħħar jispiċċaw meta 10 pajjiżi ġodda jingħaqdu mal-UE fl-2004, segwiti mill-Bulgarija u r-Rumanija fl-2007. Il-kriżi finanzjarja tolqot l-ekonomija globali f’Settembru 2008. It-Trattat ta’ Lisbona jiġi ratifikat mill-pajjiżi kollha tal-UE qabel jidħol fis-seħħ fl-2009. Huwa jipprovdi l-UE b’istituzzjonijiet moderni u b'metodi ta’ ħidma aktar effiċjenti.

11 ta' Settembru 2001

Jinħatfu l-ajruplani u jittajru fiż-żewġ torrijiet tal-World Trade Centre fi New York u fil-bini tal-Pentagon f'Washington. Imutu kważi 3000 persuna. Il-pajjiżi tal-UE jappoġġjaw lill-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali.

1 ta' Jannar 2002

Il-karti u l-muniti tal-euro jsiru valuta legali fi 12-il pajjiż tal-UE. L-istampar, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tagħhom fi 12-il pajjiż hi operazzjoni loġistika kbira. Huma involuti iktar minn 80 biljun munita. Il-karti huma l-istess għall-pajjiżi kollha. Il-muniti għandhom wiċċ komuni, li juri l-valur, filwaqt li fuq il-wiċċ l-ieħor hemm emblema nazzjonali. Kollha jiċċirkolaw b'mod liberu. Malajr nidraw li b'munita Finlandiża (jew ta' pajjiż ieħor) nistgħu nixtru biljett tal-karozza tal-linja f'Malta.

2003

Tkompli r-rivoluzzjoni fil-komunikazzjonijiet. Bosta skejjel u djar issa għandhom aċċess b'veloċità għolja għall-Internet. Il-messaġġi bit-test huma l-mod preferut tan-nies biex jibqgħu f'kuntatt ma' xulxin. Aktar tard fl-ewwel għaxar snin tas-seklu 21, in-nies jibdew jikkomunikaw ħafna permezz tal-midja soċjali u bl-użu tal-ismartphones.

31 ta' Marzu 2003

Bħala parti mill-politika barranija u ta' sigurtà komuni, l-UE tassumi t-tmexxija ta' operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi fil-Balkani, l-ewwel fl-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, imbagħad fil-Bożnija-Ħerzegovina. Fiż-żewġ każijiet, il-forzi mmexxija mill-UE jieħdu post l-unitajiet tan-NATO. Internament, l-UE taqbel li toħloq żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini kollha sal-2010.

1 ta' Mejju 2004

Tmien pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant - ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja - jissieħbu fl-UE, biex sa fl-aħħar tispiċċa d-diviżjoni fl-Ewropa deċiża mill-"Poteri l-Kbar" 60 sena qabel fil-Konferenza ta' Yalta fil-Krimea. Ċipru u Malta wkoll isiru membri.

Stati Membri Stati Membri: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Belġju, il-Lussemburgu, id-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Greċja, Spanja, il-Portugall, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja.

Stati Membri ġodda Stati Membri ġodda: ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja.

Pajjiżi Kandidati Pajjiżi Kandidati: il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija.

 Mappa - stati membri tal-UE 2004 © Unjoni Ewropea

29 ta' Ottubru 2004

Il-25 pajjiż tal-UE jiffirmaw Trattat li jistabbilixxi "Kostituzzjoni Ewropea". Hi mfassla biex tissimplifika l-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ġestjoni f'UE b'25 pajjiż jew aktar. Meta ċ-ċittadini kemm fi Franza kif ukoll fin-Netherlands jivvutaw "Le" għall-kostituzzjoni fl-2005, il-mexxejja tal-UE jiddikjaraw "perjodu ta' riflessjoni".

 

16 ta' Frar 2005

Jidħol fis-seħħ il-Protokoll ta' Kjoto, trattat internazzjonali biex jillimita t-tisħin globali u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-UE dejjem ħadet rwol ta' tmexxija fl-isforzi biex tnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima. L-Istati Uniti mhijiex parti mill-Protokoll.

1 ta' Jannar 2007

Żewġ pajjiżi oħra mill-Ewropa tal-Lvant - il-Bulgarija u r-Rumanija - jissieħbu fl-UE, biex b'hekk issa hemm 27 Stat Membru. Il-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija huma wkoll pajjiżi kandidati għal sħubija futura.

Stati Membri Stati Membri: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Belġju, il-Lussemburgu, id-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Greċja, Spanja, il-Portugall, l-Awstrija, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja.

Stati Membri ġodda Stati Membri ġodda: Il-Bulgarija u r-Rumanija.

Pajjiżi Kandidati Il-pajjiżi kandidati: il-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija.

Mappa - stati membri tal-UE 2007 © Unjoni Ewropea

13 ta' Diċembru 2007

Is-27 pajjiż tal-UE jiffirmaw it-Trattat ta' Lisbona, li jemenda t-trattati ta' qabel. Hu mfassal biex jagħmel lill-UE iktar demokratika, effiċjenti u trasparenti, biex b'hekk tkun tista' tindirizza l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli. It-Trattat ta’ Lisbona jiġi ratifikat mill-pajjiżi kollha tal-UE qabel jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.

Settembru 2008

L-ekonomija dinjija tintlaqat minn kriżi ekonomika serja. Il-problemi jibdew b’self ipotekarju fl-Istati Uniti. Diversi banek Ewropej ukoll jesperjenzaw diffikultajiet. Il-kriżi twassal għal kooperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-UE.

2000 | 2001 | 2002 | 2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009
Ara wkoll: