Mur għall-kontenut ewlieni

L-Istorja tal-Unjoni Ewropea 1980-89

Wiċċ l-Ewropa li qed jinbidel - il-kollass tal-komuniżmu.

It-trade union Pollakka, Solidarjetà (Solidarność), u l-mexxej tagħha Lech Walesa, isiru famużi f’pajjiżhom wara l-istrikes fit-tarzna ta' Gdansk fis-sajf tal-1980 għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-bidla politika. Fl-1981, il-Greċja ssir l-10 membru tal-Komunitajiet Ewropej, u Spanja u l-Portugall isegwu 5 snin wara. It-tmiem tad-deċennju jara l-kollass tar-reġimi komunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Awwissu 1980 – Strikes tat-tarzna għad-drittijiet tal-ħaddiema

Il-ħaddiema tat-tarzna fil-belt Pollakka ta’ Gdansk, immexxija minn Lech Walesa, jistrajkaw għal aktar drittijiet. Strikes oħrajn isegwu fil-bqija tal-pajjiż. Jaqa' l-gvern u f’Settembru tinħoloq Solidarność bħala trade union indipendenti. Il-Gvern gradwalment jerġa’ jafferma s-setgħa tiegħu u jimponi liġi marzjali f’Diċembru 1981, u b’hekk tintemm l-esperjenza qasira tal-Polonja mal-poter tan-nies, iżda tinżera’ ż-żerriegħa għal aktar tard.

1 ta’ Jannar 1981 – Il-Greċja ssir l-10 pajjiż li jissieħeb

Il-Greċja tissieħeb fil-Komunitajiet Ewropej. Hija kienet eliġibbli biex tagħmel dan hekk kif tneħħa r-reġim militari u reġgħet ġiet stabbilita d-demokrazija fl-1974.

28 ta’ Frar 1984 – L-ewwel programm Ewropew ta’ riċerka

Il-kompjuters u l-awtomazzjoni issa qed ibiddlu l-mod kif ngħixu u naħdmu. Sabiex jibqa’ fuq quddiem nett tal-innovazzjoni, fl-1984, il-programm “Esprit” iniedi l-ewwel wieħed minn ħafna programmi ta’ riċerka u innovazzjoni fil-livell Ewropew.

1 ta’ Jannar 1986 – Żewġ membri ġodda – Spanja u l-Portugall

Spanja u l-Portugall jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, u b’hekk is-sħubija titla’ għal 12.

Frar 1986 – Lejn suq uniku

Għalkemm id-dazji doganali sparixxew fl-1968, il-kummerċ mhux għaddej b’mod ħieles bejn il-fruntieri tal-pajjiżi membri. Id-differenzi fir-regolamenti nazzjonali huma l-ostaklu ewlieni. L-Att Uniku Ewropew iniedi programm vast ta’ 6 snin biex dawn jiġu solvuti u b’hekk jinħoloq suq uniku. L-att, li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1987, jagħti wkoll vuċi akbar lill-Parlament Ewropew u jsaħħaħ is-setgħat tal-Komunitajiet Ewropej fil-protezzjoni ambjentali.

13 ta’ Ġunju 1987 – Tnedija tal-Programm Erasmus

Jitnieda l-programm Erasmus biex jiffinanzja studenti universitarji li jixtiequ jistudjaw f’pajjiż Ewropew ieħor. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-programm ta aktar minn 10 miljun persuna l-opportunità li jistudjaw, jitħarrġu, jagħmlu volontarjat jew jiksbu esperjenza ta’ xogħol barra minn pajjiżhom.

9 ta’ Novembru 1989 - Il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin

Il-ħajt ta’ Berlin jaqa’ u l-fruntiera bejn il-Lvant u l-Punent tinfetaħ għall-ewwel darba fi 28 sena. Il-Ġermanja tingħaqad wara aktar minn 40 sena, u n-nofs tal-Lvant tagħha jingħaqad mal-Komunitajiet Ewropej f’Ottubru 1990