Mur għall-kontenut ewlieni

L-Istorja tal-Unjoni Ewropea 1970-79

Komunità li qed tikber – jissieħbu l-ewwel membri ġodda

Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jingħaqdu mal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta’ Jannar 1973, u b’hekk l-għadd ta’ pajjiżi membri jiżdied għal 9. Il-gwerra bejn l-Għarab u l-Iżraeljani ta’ Ottubru 1973 tikkawża kriżi tal-enerġija u problemi ekonomiċi fl-Ewropa.

Id-demokrazija tinfirex fl-Ewropa bit-twaqqigħ tad-dittatorjati fil-Greċja, il-Portugall u Spanja. Il-politika reġjonali tibda tittrasferixxi somom kbar ta’ flus biex jinħolqu l-impjiegi u l-infrastruttura f’żoni aktar foqra. L-ewwel elezzjonijiet diretti miċ-ċittadini ta’ membri tal-Parlament Ewropew isiru fl-1979.

Is-snin 70 – Il-protezzjoni ambjentali fuq l-aġenda

Il-Komunitajiet Ewropej jadottaw liġijiet biex jipproteġu l-ambjent u jintroduċu l-kunċett ta’ “min iniġġes iħallas”. Jitwaqqfu ħafna NGOs ambjentali.

1 ta’ Jannar 1973 – minn 6 għal 9 pajjiżi membri

Is-6 membri jsiru 9 meta d-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jissieħbu formalment mal-Komunitajiet Ewropej.

1973 – Il-kriżi taż-żejt tolqot l-Ewropa

Wara gwerra bejn l-Għarab u l-Iżraeljani f’Ottubru, in-nazzjonijiet li jipproduċu ż-żejt fil-Lvant Nofsani jimponu żidiet kbar fil-prezzijiet u jillimitaw il-bejgħ lil ċerti pajjiżi Ewropej. Dan joħloq problemi ekonomiċi fl-KEE kollha.

10 ta’ Diċembru 1974 - Tnaqqis fis-disparitajiet bejn ir-reġjuni

Biex juru s-solidarjetà tagħhom, il-mexxejja tal-KEE jaqblu li jwaqqfu fond ġdid ewlieni taħt il-politika reġjonali Ewropea. L-għan tiegħu huwa li jittrasferixxi flus minn reġjuni sinjuri għal reġjuni foqra – biex tittejjeb l-infrastruttura, jiġi attirat l-investiment u jinħolqu l-impjiegi. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jinħoloq is-sena ta’ wara.

1974-75 – Demokraziji ġodda fil-Portugall, il-Greċja u Spanja

It-tneħħija tar-reġim ta’ Salazar fil-Portugall u l-kollass tat-tmexxija militari fil-Greċja fl-1974, flimkien mal-mewt tal-Ġeneral Franco ta’ Spanja fl-1975, jimmarkaw it-tmiem ta’ dawn id-dittaturi fl-Ewropa. It-3 pajjiżi jimpenjaw ruħhom għal gvern demokratiku — pass importanti lejn il-kwalifikazzjoni għal sħubija futura fil-Komunitajiet Ewropej.

Ġunju 1979 – L-ewwel elezzjonijiet diretti tal-Parlament Ewropew

Iċ-ċittadini Ewropej jeleġġu direttament il-membri tal-Parlament Ewropew għall-ewwel darba. Qabel, il-membri kienu jiġu delegati mill-parlamenti nazzjonali. Il-membri jpoġġu fi gruppi politiċi pan-Ewropej, mhux f’delegazzjonijiet nazzjonali.