Unjoni Ewrope

Perjodu ta' tkabbir ekonomiku

Perjodu ta' tkabbir ekonomiku


1960 | 1961 | 1962 | 1963 | 1964 | 1965 | 1966 | 1967 | 1968 | 1969

Perjodu ta' tkabbir ekonomiku

Is-sittinijiet huma perjodu tajjeb għall-ekonomija, megħjun mill-fatt li l-pajjiżi tal-UE ma jibqgħux jitolbu d-dazji fit-twettiq tan-negozju bejniethom. Jaqblu wkoll dwar kontroll konġunt fuq il-produzzjoni tal-ikel biex kulħadd ikollu biżżejjed x'jiekol - u f'qasir żmien ikun hemm saħansitra produzzjoni agrikola eċċessiva. Ix-xahar ta' Mejju 1968 isir magħruf għall-irvellijiet tal-istudenti f'Pariġi, u ħafna tibdil fis-soċjetà u fl-imġiba jibda jiġi assoċjat mal-"ġenerazzjoni tal-1968".

13 ta' Awissu 1961

L-awtoritajiet komunisti fil-Ġermanja tal-Lvant jibdew jibnu ħajt f'Berlin biex iwaqqfu lill-popolazzjoni fil-Lvant milli taħrab lejn ħajja iktar libera fil-Punent. Xi nies jirnexxilhom jaħarbu; oħrajn jisparaw fuqhom l-għassiesa waqt li jippruvaw jaħarbu.

30 ta' Lulju 1962

L-UE tvara l-"politika agrikola komuni" tagħha biex il-pajjiżi jkollhom kontroll konġunt fuq il-produzzjoni tal-ikel. Il-bdiewa jitħallsu l-istess prezz għall-produzzjoni tagħhom. L-UE tkabbar biżżejjed ikel għall-bżonnijiet tagħha u l-bdiewa jaqilgħu paga deċenti. L-effett mhux mixtieq hu l-produzzjoni żejda b'muntanji ta' produzzjoni eċċessiva. Mis-snin disgħin 'il quddiem, l-UE bdiet tiffoka biex tonqos il-produzzjoni eċċessiva u togħla l-kwalità tal-ikel.

20 ta' Lulju 1963

L-UE tiffirma l-ewwel ftehim internazzjonali kbir tagħha - ftehim biex tgħin lil 18-il eks kolonja fl-Afrika. Sal-2015, għandha sħubijiet speċjali ma' 79 pajjiż fir-reġjuni tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP). L-UE hi l-ikbar fornitur ta' għajnuna għall-iżvilupp lill-pajjiżi ifqar. L-għajnuna hi marbuta ma' riċevituri li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem.

Mejju 1968

L-irvellijiet tal-istudenti u l-ħaddiema fi Franza jgħeżżu l-pedamenti tal-Istat. F'pajjiżi oħra tal-UE jkun hemm protesti iżgħar tal-istudenti. Dawn jesprimu l-frustrazzjoni quddiem gvernijiet imbiegħda mir-realtà u bla ħeġġa u kontra l-Gwerra fil-Vjetnam u t-tellieqa tal-armi nukleari.

1 ta' Lulju 1968

Is-sitt pajjiżi fundaturi jneħħu d-dazji doganali fuq il-prodotti impurtati mingħand xulxin biex għall-ewwel darba jkun hemm kummerċ ħieles bejn il-fruntieri. Jiġu applikati wkoll l-istess dazji fuq l-importazzjonijiet tagħhom minn pajjiżi mhux fl-UE. Jitwieled l-ikbar grupp kummerċjali fid-dinja. Il-kummerċ bejn is-sitt pajjiżi kif ukoll tal-UE mal-bqija tad-dinja jikber malajr.

Awwissu 1968

It-tankijiet Sovjetiċi jgħeżżu lil Praga biex irażżnu l-hekk imsejħa "Rebbiegħa ta' Praga" fiċ-Ċekoslovakkja. B'iktar minn 600,000 suldat, iċ-Ċeki u s-Slovakki jsibu ruħhom darhom mal-ħajt.

20 ta' Lulju 1969

Ir-rokit spazjali Amerikan Apollo 11 jinżel fuq il-qamar. Neil Armstrong isir l-ewwel raġel li jimxi fuq wiċċ il-qamar, segwit minn Buzz Aldrin. It-tielet astronawta fit-tim, Michael Collins, jibqa’ fl-orbita fl-inġenju spazjali li jmexxi l-missjoni.

1960 | 1961 | 1962 | 1963 | 1964 | 1965 | 1966 | 1967 | 1968 | 1969
Ara wkoll: 
Back to top