Mur għall-kontenut ewlieni

L-Istorja tal-Unjoni Ewropea 1945-59

Il-paċi fl-Ewropa u l-bidu tal-kooperazzjoni

Bl-għan li jintemmu l-kunflitti frekwenti u mdemmija li laħqu l-qofol tagħhom fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-politiċi Ewropej jibdew il-proċess tal-bini ta’ dak li nafu llum bħala l-Unjoni Ewropea.

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li twaqqfet fl-1951, hi l-ewwel pass biex tinkiseb paċi dejjiema. Fl-1957, it-Trattat ta’ Ruma jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u era ġdida ta’ kooperazzjoni dejjem eqreb fl-Ewropa. Madankollu, dan il-perjodu jara wkoll il-ħolqien ta’ Gwerra Bierda li taqsam il-kontinent għal aktar minn 40 sena.

8 ta’ Mejju 1945 – tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa

It-Tieni Gwerra Dinjija tintemm fl-Ewropa. Il-kontinent huwa devastat. Miljuni ta’ nies imutu, jindarbu jew jiġu spostati. Sitt miljun Lhud inqatlu fl-Olokawst.

4 ta’ April 1949 – Tinħoloq in-NATO

Tiġi stabbilita l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), alleanza intergovernattiva tas-sigurtà bejn l-Istati Uniti, il-Kanada u 10 pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent. Sal-2020, NATO għandha 30 pajjiż membru, inklużi 21 Stat Membru tal-UE.

5 ta’ Mejju 1949 – Jiġi stabbilit il-Kunsill tal-Ewropa

10 pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent joħolqu l-Kunsill tal-Ewropa biex jippromwovu d-demokrazija u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Fit-3 ta’ Settembru 1953 il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tidħol fis-seħħ.

9 ta’ Mejju 1950 – Pjan għal kooperazzjoni politika ġdida fl-Ewropa

Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin Robert Schuman jippreżenta pjan għal iktar kooperazzjoni. Huwa jipproponi l-integrazzjoni tal-industriji tal-faħam u l-azzar tal-Ewropa tal-Punent. Aktar tard, l-Unjoni Ewropea tiċċelebra d-9 ta’ Mejju bħala “Jum l-Ewropa”.  

18 ta’ April 1951 – Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar

Abbażi tal-pjan ta' Schuman, sitt pajjiżi jiffirmaw trattat għat-tmexxija tal-industriji tal-faħam u l-azzar tagħhom taħt ġestjoni komuni. B'hekk, l-ebda pajjiż waħdu ma jista' jibni l-armi għall-gwerra biex idur kontra pajjiżi oħra, bħalma kien jiġri qabel. Is-sitt pajjiżi huma l-Ġermanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Belġju u l-Lussemburgu. Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tidħol fis-seħħ fl-1952.

25 ta’ Marzu 1957 – It-Trattati ta’ Ruma

Wara s-suċċess tat-Trattat dwar il-Faħam u l-Azzar, is-6 pajjiżi fundaturi jwessgħu l-kooperazzjoni għal setturi ekonomiċi oħra. Huma jifformalizzaw dan billi jiffirmaw żewġ trattati, li joħolqu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). Dawn il-korpi bdew fl-1 ta’ Jannar 1958.

Lista tal-Istati Membri kollha tal-UE u meta ssieħbu

19 ta’ Marzu 1958 – It-twelid tal-Parlament Ewropew

L-ewwel laqgħa tal-Assemblea Parlamentari Ewropea, prekursur tal-Parlament Ewropew tal-lum, issir fi Strasburgu, Franza, bil-President elett Robert Schuman. Hija tissostitwixxi l-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u tibdel isimha għall-Parlament Ewropew fit-30 ta’ Marzu 1962.