Unjoni Ewrope

L-amministrazzjoni tal-UE - staff, lingwi u lokazzjoni

L-amministrazzjoni tal-UE - staff, lingwi u lokazzjoni

L-UE tonfoq madwar 6% tal-baġit annwali tagħha fuq l-istaff, l-amministrazzjoni u l-manutenzjoni tal-bini tagħha.

Staff

Il-Kummissjoni Ewropea hi maqsuma f’dipartimenti magħrufa bħala Direttorati Ġenerali (DĠ), li huma bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal ministeri. Kull wieħed ikopri qasam ta’ politika speċifika jew servizz bħall-kummerċ jew l-ambjent, u hu mmexxi minn Direttur Ġenerali li jirrapporta lill-Kummissarju. Madwar 32 000 persuna huma impjegati mill-Kummissjoni Ewropea.

Fil-Parlament Ewropew, madwar 7 500 persuna jaħdmu fis-segretarjat ġenerali u fil-gruppi politiċi. Ma’ dawn hemm il-Membri Parlamentari u l-istaff tagħhom. Fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, madwar 3 500 persuna jaħdmu fis-segretarjat ġenerali.

Lingwi

L-UE għandha 24 lingwa uffiċjali.

L-istituzzjonijiet tal-UE jimpjegaw madwar 4,300 traduttur u 800 interpretu fil-persunal permanenti tagħhom. L-ispiża stmata tas-servizzi lingwistiċi kollha (it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni) fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE tammonta għal inqas minn 1% tal-baġit ġenerali tal-UE. Maqsuma skont il-popolazzjoni tal-UE, dan jammonta għal madwar €2 fis-sena għal kull persuna.

Lokazzjonijiet

Il-Kummissjoni Ewropea hi bbażata primarjament fi Brussell u Lussemburgu. Għandha wkoll uffiċċji madwar l-UE, u uffiċċji (magħrufa bħala “delegazzjonijiet”) barra l-UE. Aġenziji twaqqfu f’diversi pajjiżi tal-UE biex jittrattaw kompiti tekniċi, xjentifiċi jew maniġerjali speċifiċi. Pereżempju, l-Awtorità tas-Sigurtà tal-Ikel fl-Italja tipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tal-ikel.

Il- Parlament Ewropew ikollu l-laqgħat tal-Kumitati tiegħu fi Brussell u s-sessjonijiet plenarji tiegħu fi Brussell u Strasburgu. L-amministrazzjoni tinsab fil-Lussemburgu. Regolarment jibgħat delegazzjonijiet lejn reġjuni barra mill-UE.

Il- bini tal-Kunsill jinsab fi Brussell, fejn isiru wkoll ħafna mil-laqgħat tiegħu. Xi kultant il-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsiru fil-Lussemburgu. Il-laqgħat bejn il-kapijiet tal-istat u l-gvernijiet – il-Kunsill Ewropew – isiru fi Brussell.

Back to top