Unjoni Ewrope

L-istorja u l-għan tal-euro

L-istorja u l-għan tal-euro

Għaliex munita komuni

Unjoni ekonomika u monetarja (UEM) kienet ambizzjoni kontinwa tal-Unjoni Ewropea minn tmiem is-sittinijiet ’il quddiem. L-UEM tinvolvi l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali, politika monetarja komuni, u munita komuni, l-euro. Munita unika toffri bosta vantaġġi: tagħmilha iktar faċli għall-kumpaniji li jwettqu negozju bejn il-fruntieri, l-ekonomija taħdem aħjar, u l-konsumaturi jkollhom aktar għażla u opportunitajiet.

Madankollu, sensiela ta’ ostakli politiċi u ekonomiċi imbarraw din it-triq: xi kultant impenn politiku dgħajjef, diverġenzi dwar il-prijoritajiet ekonomiċi, u turbulenza fis-swieq internazzjonali. Dawn l-isfidi kollha kellhom jingħelbu biex ikun żgurat il-progress lejn l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

It-triq lejn l-euro

L-istabbiltà tal-muniti internazzjonali li rrenjat fil-perjodu immedjatament wara l-gwerra ma damitx. It-taqlib fis-swieq tal-muniti internazzjonali hedded is-sistema komuni tal-prezzijiet tal-politika agrikola komuni, pilastru prinċipali ta’ dik li qabel kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea. Tentattivi li saru iktar tard biex jinkisbu rati tal-kambju stabbli ntlaqtu minn kriżijiet taż-żejt u xokkijiet oħra sakemm, fl-1979, tnediet is-Sistema Monetarja Ewropea (EMS).

L-EMS kienet mibnija fuq sistema ta’ rati tal-kambju użati biex iżommu l-muniti parteċipanti fi ħdan faxxa dejqa. Dan l-approċċ kompletament ġdid wassal għal koordinazzjoni bla preċedent tal-politiki monetarji bejn il-pajjiżi tal-UE, u ħadem b’suċċess għal aktar minn għaxar snin. Madankollu, kien taħt il-presidenza ta’ Jacques Delors li l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-pajjiżi tal-UE pproduċew ir-“Rapport Delors” dwar kif setgħet tinkiseb l-UEM.

Minn Maastricht lejn l-euro u ż-żona tal-euro, mill-1991 sal-2002

Ir-Rapport Delors ippropona perjodu ta’ tħejjija fi tliet stadji għal unjoni ekonomika u monetarja u ż-żona tal-euro, u jkopri l-perjodu mill-1990 sal-1999. Il-mexxejja Ewropej aċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet fir-Rapport Delors.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-ġdid, li kien fih id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-unjoni monetarja, kien miftiehem waqt il-Kunsill Ewropew li sar f’Maastricht, in-Netherlands, f'Diċembru 1991.

Wara deċennju ta’ tħejjijiet, l-euro tnieda fl-1 ta’ Jannar 1999: għall-ewwel tliet snin kien munita “inviżibbli”, użat biss għal skopijiet ta’ kontabilità u pagamenti elettroniċi. Il-muniti u l-karti tal-flus bdew fl-1 ta’ Jannar 2002, u fi 12-il pajjiż tal-UE saret l-akbar bidla tal-flus kontanti li qatt seħħet fl-istorja.

Back to top