Unjoni Ewrope

Ir-Renju Unit

Ħarsa ġenerali

Il-bandiera tar-Renju Unit

Il-Brexit

Fit-23 ta’ Ġunju 2016, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea (UE). Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika formalment lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jħalli l-UE billi jattiva l-Artikolu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona.

Għalissa, ir-Renju Unit għadu membru sħiħ tal-UE u d-drittijiet u l-obbligi jkomplu japplikaw bis-sħiħ fir-Renju Unit u għalih. Aqra l-istqarrija sħiħa

Aktar informazzjoni:

Is-sistema politika

Ir-Renju Unit huwa monarkija kostituzzjonali b’demokrazija parlamentari b’kap tal-gvern - il-prim ministru - u kap tal-istat - il-monarka. Ir-Renju Unit jikkonsisti minn 4 pajjiżi: l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq. L-aħħar 3 għandhom amministrazzjonijiet deċentralizzati b’setgħat differenti. Ir-Renju Unit għandu wkoll gradi differenti ta’ rabtiet ma’ 3 dipendenzi tal-kuruna - Isle of Man, Guernsey u Jersey. Dawn mhumiex parti mir-Renju Unit, iżda l-gvern Brittaniku huwa responsabbli għad-difiża tagħhom u r-rappreżentazzjoni internazzjonali. Il-pajjiż għandu wkoll 14-il territorju li mhumiex formalment parti mir-Renju Unit (minbarra l-Ġibiltà) jew mill-UE. Il-pożizzjoni fuq il-mappa tal-UE

Il-kummerċ u l-ekonomija

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tar-Renju Unit fl-2016 kienu l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (18.6%), l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (18.2%) u l-industrija (13.0%).

Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 47% tal-esportazzjonijiet tar-Renju Unit (il-Ġermanja 11%, Franza, in-Netherlands u l-Irlanda 6% kull wieħed), filwaqt li barra mill-UE 15% jmorru fl-Istati Uniti u 5% fl-Iżvizzera.

F’termini ta’ importazzjonijiet, 51% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja 14%, in-Netherlands 7% u Franza 5%), filwaqt li barra mill-UE 9% jiġu kemm mill-Istati Uniti u kif ukoll miċ-Ċina.

Ir-Renju Unit fl-UE

Il-Parlament Ewropew

Hemm 73 membru fil-Parlament Ewropew mir-Renju Unit. Skopri min huma dawn il-MPE.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fir-Renju Unit

Il-Kunsill tal-UE

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti tal-gvern tar-Renju Unit, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Dati tal-presidenzi tar-Renju Unit:

Jan-Ġun 1977 | Lul-Diċ 1981 | Lul-Diċ 1992 | Jan-Ġun 1998 | Lul-Diċ 2005

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-link li ġejja tieħdok f’sit web esternIl-presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissarju nominat mir-Renju Unit għall-Kummissjoni Ewropea hu Julian King, li hu responsabbli għall-Unjoni tas-Sigurtà.

Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.

Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fir-Renju Unit

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Ir-Renju Unit għandu 24 rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Ir-Renju Unit għandu 18-il rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.

Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE

Ir-Renju Unit jikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tiegħu fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tar-Renju Unit, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.

Il-Baġits u l-Finanzjament

Kemm jikkontribwixxi u jirċievi flus ir-Renju Unit?

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE huma kondiviżi b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost li jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha b’mod ġenerali.

It-tqassim tal-finanzi tar-Renju Unit mal-UE fl-2017:

  • L-infiq totali tal-UE fir-Renju Unit: €6.326 biljun
  • L-infiq totali tal-UE bħala % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tar-Renju Unit: 0.28 %
  • Il-kontribuzzjoni totali tar-Renju Unit għall-baġit tal-UE: €10.575 biljun
  • Il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għall-baġit tal-UE bħala % tal-ING tiegħu: 0.46 %

Aktar ċifri dwar il-baġit tal-UE, id-dħul u l-infiq:

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fir-Renju Unit:

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mir-Renju Unit jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.

Skopri aktar dwar kif ir-Renju Unit jibbenefika mill-finanzjament tal-UE.

Back to top