Mur għall-kontenut ewlieni

Ħarsa ġenerali

Belt kapitali: Stokkolma

Lingwa(i) uffiċjali tal-UE: l-Iżvediż

Pajjiż membru tal-UE: mill-1 ta’ Jannar 1995

Munita: il-krona Żvediża (SEK). L-Iżvezja impenjat ruħha li tadotta l-euro ladarba tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji.

Schengen: membru taż-żona Schengen mill-25 ta’ Marzu 2001.

ĊifriDaqs ġeografiku - popolazzjoni - prodott domestiku gross (PDG) per capita skont l-istandards tal-poter tal-akkwist

Sistema politika

L-Iżvezja hi monarkija kostituzzjonali u demokrazija parlamentari b’kap tal-gvern - il-prim ministru - u kap tal-istat - il-monarka. Il-gvern jeżerċita s-setgħa eżekuttiva. Is-setgħa leġiżlattiva hi f’idejn il-parlament unikamerali. L-Iżvezja hi stat unitarju, maqsum f’20 kontea u 290 muniċipalità.

Pożizzjoni fuq il-mappa tal-UE

Kummerċ u ekonomija

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tal-Iżvezja fl-2020 kienu l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (21.6%), l-industrija (17.1%) u l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (16.6%).

Il-kummerċ intra-UE jammonta għal 52% tal-esportazzjonijiet tal-Iżvezja (il-Ġermanja 11%, id-Danimarka 8% u l-Finlandja 7%), filwaqt li barra mill-UE 11% jmorru fin-Norveġja u 8% fl-Istati Uniti.

F’termini ta’ importazzjonijiet, 68% jiġu mill-pajjiżi tal-UE (il-Ġermanja 18%, in-Netherlands 10% u d-Danimarka 7%), filwaqt li barra mill-UE 9% jiġu min-Norveġja u 6% miċ-Ċina.

L-Iżvezja fl-UE

Il-Parlament Ewropew

Hemm 21 membru tal-Parlament Ewropew mill-Iżvezja. Skopri min huma dawn il-MPE.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fl-Iżvezja

Il-Kunsill tal-UE

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti tal-Gvern Żvediż, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE ma għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.

Dati tal-presidenzi Żvediżi:

Jannar-Ġunju 2001 | Lulju-Diċembru 2009 | Jannar-Ġunju 2023

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissarju nominat mill-Iżvezja għall-Kummissjoni Ewropea hi Ylva Johansso, li hi responsabbli għall-Affarijiet Interni.

Il-Kummissjoni hi rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.

Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Iżvezja

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-Iżvezja għandha 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħrajn ta’ interess – hu kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

L-Iżvezja għandha 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tar-rappreżentanti reġjonali u lokali tal-UE. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.

Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE

L-Iżvezja tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tal-Iżvezja, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.

Baġits u Finanzjament

Kemm tħallas u tirċievi l-Iżvezja?

L-ammont li jħallas kull pajjiż tal-UE fil-baġit tal-UE hu kkalkulat b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa.

L-għan tal-baġit tal-UE mhux li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej b’mod ġenerali.

Ċifri dwar il-baġit, id-dħul u l-infiq tal-UE:

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fl-Iżvezja

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mill-Iżvezja jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.

Skopri aktar dwar kif l-Iżvezja tibbenefika mill-finanzjament tal-UE.