Unjoni Ewrope

L-Italja

Ħarsa ġenerali

Il-bandiera tal-Italja

Is-sistema politika

L-Italja hija repubblika parlamentari b’kap tal-gvern - il-prim ministru - maħtur mill-president u kap tal-istat - il-president. Il-Parlament huwa magħmul minn 2 ikmamar: il-Kamra tad-Deputati u s-Senat tar-Repubblika. Il-pajjiż huwa maqsum f’20 reġjun. 5 minnhom għandhom status awtonomu speċjali, li jippermettilhom jgħaddu leġiżlazzjoni dwar xi kwistjonijiet lokali. Il-pożizzjoni fuq il-mappa tal-UE

Il-kummerċ u l-ekonomija

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tal-Italja fl-2016 kienu l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (20.9%), l-industrija (19.3%) u l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta' xogħol soċjali (16.9%).

Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 56% tal-esportazzjonijiet tal-Italja (il-Ġermanja 13%, Franza 11% u r-Renju Unit u Spanja 5% kull wieħed), filwaqt li barra mill-UE 9% jmorru fl-Istati Uniti u 5% fl-Iżvizzera.

F’termini ta’ importazzjonijiet, 61% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja 16%, Franza 9% u n-Netherlands 6%), filwaqt li barra mill-UE 7% jiġu miċ-Ċina u 4% mill-Istati Uniti.

L-Italja fl-UE

Il-Parlament Ewropew

Hemm 73 membru fil-Parlament Ewropew mill-Italja. Skopri min huma dawn il-MPE.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fl-Italja

Il-Kunsill tal-UE

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti tal-gvern Taljan, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Dati tal-presidenzi Taljani:

Lul-Diċ 1959 | Lul-Diċ 1962 | Lul-Diċ 1965 | Lul-Diċ 1968 | Lul-Diċ 1971 | Lul-Diċ 1975 | Jan-Ġun 1980 | Jan-Ġun 1985 | Lul-Diċ 1990 | Jan-Ġun 1996 | Lul-Diċ 2003 | Lul-Diċ 2014

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-link li ġejja tieħdok f’sit web estern Il-presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissarju nominat mill-Italja għall-Kummissjoni Ewropea hi Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.

Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Italja

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-Italja għandha 24 rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

L-Italja għandha 23 rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.

Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE

L-Italja tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tal-Italja, il-kompitu ewlieni tagħha huwa li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.

Il-Baġits u l-Finanzjament

Kemm tikkontribwixxi u tirċievi flus l-Italja?

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE huma kondiviżi b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost li jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha b’mod ġenerali.

It-tqassim tal-finanzi tal-Italja mal-UE fl-2016:

  • L-infiq totali tal-UE fl-Italja: €11.592 biljun
  • L-infiq totali tal-UE bħala % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) Taljan: 0.69 %
  • Il-kontribuzzjoni totali Taljana għall-baġit tal-UE: €13.940 biljun
  • Il-kontriubzzjoni Taljana għall-baġit tal-UE bħala % tal-ING tagħha: 0.83 %

Aktar ċifri dwar il-baġit tal-UE, id-dħul u l-infiq:

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fl-Italja

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mill-Italja jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.

Skopri aktar dwar kif l-Italja tibbenefika mill-finanzjament tal-UE.

Back to top