Unjoni Ewrope

L-Estonja

Ħarsa ġenerali

Il-bandiera tal-Estonja

Is-sistema politika

L-Estonja hija repubblika parlamentari. Il-kap tal-gvern tagħha - il-prim ministru - huwa maħtur mill-president u approvat mill-parlament. Dan huwa responsabbli mis-setgħa eżekuttiva mogħtija lill-gvern. Il-kap tal-istat - il-president - huwa elett mill-Parlament jew il-kulleġġ elettorali għal 5 snin. Il-Parlament għandu 101 membri, eletti kull 4 snin. Il-pajjiż huwa maqsum fi 15-il kontea u 79 muniċipalità. Il-pożizzjoni fuq il-mappa tal-UE

Il-kummerċ u l-ekonomija

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tal-Estonja fl-2016 kienu l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (22.7%), l-industrija (20.7%) u l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta' xogħol soċjali (16.4%).

Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 74% tal-esportazzjonijiet tal-Estonja (l-Iżvezja 18%, il-Finlandja 16% u l-Latvja 9%), filwaqt li barra mill-UE 7% jmorru fir-Russja u 4% fin-Norveġja.

F’termini ta’ importazzjonijiet, 82% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Finlandja 13%, il-Ġermanja 11% u l-Litwanja 9%), filwaqt li barra mill-UE 6% jiġu mir-Russja u 3% mill-Istati Uniti.

L-Estonja fl-UE

Il-Parlament Ewropew

Hemm 6 membri tal-Parlament Ewropew mill-Estonja. Skopri min huma dawn il-MPE.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fl-Estonja

Il-Kunsill tal-UE

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti tal-gvern Estonjan, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Dati tal-presidenzi Estonjani:

Lul-Diċ 2017

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-link li ġejja tieħdok f’sit web estern Il-presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissarju nominat mill-Estonja għall-Kummissjoni Ewropea hu Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali. Għal żmien temporanju se jkun responsabbli għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali.

Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.

Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Estonja

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-Estonja għandha 6 rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

L-Estonja għandha 6 rappreżentanti fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.

Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE

L-Estonja tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tal-Estonja, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.

Il-Baġits u l-Finanzjament

Kemm tikkontribwixxi u tirċievi flus l-Estonja?

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE huma kondiviżi b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost li jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha b’mod ġenerali. 

It-tqassim tal-finanzjamenti tal-Estonja mal-UE fl-2016: 

  • L-infiq totali tal-UE fl-Estonja: €0.674 biljun
  • L-infiq totali tal-UE bħala % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) Estonjan: 3.29 %
  • Il-kontribuzzjoni totali Enstonjana lill-baġit tal-UE: €0.183 biljun
  • Il-kontribuzzjoni Estonjana għall-baġit tal-UE bħala % tal-ING tagħha: 0.89 % 

Aktar ċifri dwar il-baġit tal-UE, id-dħul u l-infiq:

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fl-Estonja

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mill-Estonja jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.

Skopri aktar dwar kif l-Estonja tibbenefika mill-finanzjament tal-UE.

Back to top