Unjoni Ewrope

Id-Danimarka

Ħarsa ġenerali

Il-bandiera tad-Danimarka

Is-sistema politika

Id-Danimarka hija monarkija kostituzzjonali. Hija għandha sistema parlamentari rappreżentattiva b’kap tal-gvern - il-prim ministru - u kap tal-istat - il-monarka - li uffiċjalment iżomm is-setgħa eżekuttiva, għalkemm id-dmirijiet tiegħu huma strettament rappreżentattivi u ċerimonjali. Ir-renju għandu wkoll 2 pajjiżi kostitwenti awtonomi fl-Atlantiku, li ebda wieħed minnhom mhu membru tal-UE: il-Gżejjer Faeroe u Greenland. Il-pożizzjoni fuq il-mappa tal-UE

Il-kummerċ u l-ekonomija

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tad-Danimarka fl-2016 kienu l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (22.3%), il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (19.3%) u l-industrija (18.8%).

Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 62% tal-esportazzjonijiet tad-Danimarka (il-Ġermanja 16%, l-Iżvezja 12% u r-Renju Unit 6%), filwaqt li barra mill-UE 8% jmorru fl-Istati Uniti u 6% fin-Norveġja.

F’termini ta’ importazzjonijiet, 71% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja 21%, l-Iżvezja 12% u n-Netherlands 8%), filwaqt li barra mill-UE 7% jiġu miċ-Ċina u 6% min-Norveġja.

Id-Danimarka fl-UE 

Il-Parlament Ewropew

Hemm 13-il membru fil-Parlament Ewropew mid-Danimarka. Skopri min huma dawn il-MPE.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fid-Danimarka

Il-Kunsill tal-UE

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti tal-gvern Daniż, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Dati tal-presidenzi Daniżi:

Lul-Diċ 1973 | Jan-Ġun 1978 | Lul-Diċ 1982 | Lul-Diċ 1987 | Jan-Ġun 1993 | Lul-Diċ 2002 | Jan-Ġun 2012

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-link li ġejja tieħdok f’sit web esternIl-presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissarju nominat mid-Danimarka għall-Kummissjoni Ewropea hi Margrethe Vestager, li hi responsabbli għall-Kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.

Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fid-Danimarka

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Id-Danimarka għandha 9 rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Id-Danimarka għandha 9 rappreżentanti fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.

Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE

Id-Danimarka tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tad-Danimarka, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.

Il-Baġits u l-Finanzjament

Kemm tikkontribwixxi u tirċievi flus id-Danimarka?

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE huma kondiviżi b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost li jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha b’mod ġenerali. 

It-tqassim tal-finanzi tad-Danimarka mal-UE fl-2016: 

  • L-infiq totali tal-UE fid-Danimarka: €1.431 biljun
  • L-infiq totali tal-UE bħala % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) Daniż: 0.5 %
  • Il-kontribuzzjoni totali Daniża għall-baġit tal-UE: €2.208 biljun
  • Il-kontribuzzjoni Daniża għall-baġit tal-UE bħala % tal-ING tagħha: 0.77 % 

Aktar ċifri dwar il-baġit tal-UE, id-dħul u l-infiq:

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fid-Danimarka

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mid-Danimarka jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.

Skopri aktar dwar kif id-Danimarka tibbenefika mill-finanzjament tal-UE.

Back to top