Unjoni Ewrope

Ir-Repubblika Ċeka

Ħarsa ġenerali

Il-bandiera tar-Repubblika Ċeka

Is-sistema politika

Ir-Repubblika Ċeka hija repubblika parlamentari b’kap tal-gvern - il-prim ministru - u kap tal-istat - il-president. Il-pajjiż kien iffurmat fl-1993 wara li ċ-Ċekoslovakkja nqasmet fir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. Il-pajjiż issa huwa maqsum f’14-il reġjun, inkluża l-belt kapitali, Praga. Il-pożizzjoni fuq il-mappa tal-UE

Il-kummerċ u l-ekonomija

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tar-Repubblika Ċeka fl-2016 kienu l-industrija (32.1%), il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (18.6%), l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (14.7%).

Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 84% tal-esportazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka (il-Ġermanja 32%, is-Slovakkja 8% u l-Polonja 6%), filwaqt li barra mill-UE 2% jmorru fl-Istati Uniti u fir-Russja.

F’termini ta’ importazzjonijiet, 79% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja 31%, il-Polonja 10% u s-Slovakkja 6%), filwaqt li barra mill-UE 7% jiġu miċ-Ċina u 2% mill-Korea t’Isfel.

Ir-Repubblika Ċeka fl-UE

Il-Parlament Ewropew

Hemm 21 membru tal-Parlament Ewropew mir-Repubblika Ċeka. Skopri min huma dawn il-MPE.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fir-Repubblika Ċeka

Il-Kunsill tal-UE

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti mill-gvern tar-Repubblika Ċeka, skont il-qasam ta' politika li jkun qed jiġi indirizzat.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Dati tal-Presidenzi tar-Repubblika Ċeka:

Jan-Ġun 2009

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-link li ġejja tieħdok f’sit web esternIl-presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissarju nominat mir-Repubblika Ċeka għall-Kummissjoni Ewropea hi Vĕra Jourová, li hi responsabbli għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.

Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fir-Repubblika Ċeka

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Ir-Repubblika Ċeka għandha 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Ir-Repubblika Ċeka għandha 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tar-rappreżentanti reġjonali u lokali tal-UE. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.

Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE

Ir-Repubblika Ċeka tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE premezz tar-rappreżentanza permanenti fi Brussell. Bħala l-"ambaxxata tal-UE" tar-Repubblika Ċeka, il-kompitu ewlieni tagħha hu li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti bl-aktar mod effettiv possibbli fl-UE.

Il-Baġits u l-Finanzjament

Kemm tikkontribwixxi u tirċievi r-Repubblika Ċeka?

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE huma kondiviżi b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost li jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha b’mod ġenerali.

It-tqassim tal-finanzi tar-Repubblika Ċeka mal-UE fl-2016:

  • L-infiq totali tal-UE fir-Repubblika Ċeka: €4.690 biljun
  • L-infiq totali tal-UE bħala % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tar-Repubblika Ċeka: 2.86 %
  • Il-kontribuzzjoni totali Ċeka lill-baġit tal-UE: €1.361 biljun
  • Il-kontribuzzjoni Ċeka għall-baġit tal-UE bħala % tal-ING tagħha: 0.83 %

Aktar ċifri dwar il-baġit tal-UE, id-dħul u l-infiq:

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fir-Repubblika Ċeka

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mir-Repubblika Ċeka jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE - bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.

Skopri aktar dwar kif ir-Repubblika Ċeka tibbenefika mill-finanzjament tal-UE.

Back to top