Unjoni Ewrope

Il-Bulgarija

Ħarsa ġenerali

Il-bandiera tal-Bulgarija

Is-sistema politika

Il-Bulgarija hija repubblika parlamentari. Il-kap tal-gvern - il-prim ministru - għandu l-aktar pożizzjoni b’saħħitha tas-setgħa eżekuttiva. Il-kap tal-istat - il-president - primarjament għandu setgħat rappreżentattivi kif ukoll setgħat limitati tal-veto. Il-Bulgarija hija stat unitarju bi struttura ċentralizzata. Tikkonsisti minn 27 provinċja u provinċja kapitali metropolitana (Sofija-Grad). Il-gvernaturi reġjonali huma maħtura mill-gvern. Il-pożizzjoni fuq il-mappa tal-UE

Il-kummerċ u l-ekonomija

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tal-Bulgarija fl-2016 kienu l-industrija (23.8%), il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (22.2%), l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (14.1%).

Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 68% tal-esportazzjonijiet tal-Bulgarija (il-Ġermanja 14%, l-Italja 9% u r-Rumanija 9%), filwaqt li barra mill-UE 8% jmorru fit-Turkija u 2% fiċ-Ċina.

F’termini ta’ importazzjonijiet, 67% jiġu minn Stati Membri tal-UE (il-Ġermanja 13%, l-Italja 8% u r-Rumanija 7%), filwaqt li barra mill-UE 9% jiġu mir-Russja u 6% mit-Turkija.

Il-Bulgarija fl-UE

Il-Parlament Ewropew

Hemm 17-il membru fil-Parlament Ewropew mill-Bulgarija. Skopri min huma dawn il-MPE.

L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Bulgarija

Il-Kunsill tal-UE

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti tal-gvern Bulgaru, skont il-qasam tal-politika li jkun qed jiġi indirizzat.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Dati tal-presidenzi Bulgari:

Jan-Ġun 2018

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE

Il-link li ġejja tieħdok f’sit web esternIl-presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissarju nominat mill-Bulgarija għall-Kummissjoni Ewropea hi Mariya Gabriel, li hi responsabbli għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali.

Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.

Ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fil-Bulgarija 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-Bulgarija għandha 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Il-Bulgarija għandha 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.

Ir-rappreżentanza permanenti għall-UE

Il-Bulgarija tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tal-Bulgarija, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.

Il-Baġits u l-Finanzjament

Kemm tikkontribwixxi u tirċievi flus il-Bulgarija?

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE huma kondiviżi b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost li jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha b’mod ġenerali. 

It-tqassim tal-finanzi tal-Bulgarija mal-UE fl-2016: 

  • L-infiq totali tal-UE fil-Bulgarija: €2.345 biljun
  • L-infiq totali tal-UE bħala % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Bulgarija: 5 %
  • Il-kontribuzzjoni totali Bulgara għall-baġit tal-UE: €0.382 biljun
  • Il-kontribuzzjoni Bulgara għall-baġit tal-UE bħala % tad-ING tagħha: 0.81 % 

Aktar ċifri dwar il-baġit tal-UE, id-dħul u l-infiq:

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fil-Bulgarija

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mill-Bulgarija jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.

Skopri aktar dwar kif il-Bulgarija tibbenefika mill-finanzjament tal-UE.

Back to top