Unjoni Ewrope

Impriża Konġunta SESAR

Impriża Konġunta SESAR

Ħarsa ġenerali

Rwol: Immodernizzar tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru

Direttur Eżekuttiv: Florian Guillermet

Stabbilita: fl-2007

Numru ta’ persunal: 39

Lokalità: Brussell (il-Belġju)

Sit web: Impriża Konġunta SESAR

Dak li tagħmel

Xiex – tgħin timmodernizza s-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa, twassal titjib fil-kosti, il-kapaċità, is-sikurezza u l-impatt ambjentali.

Kif  billi tikkoordina u tlaqqa' flimkien l-isforzi kollha rilevanti ta' riċerka u ta' żvilupp fl-UE, biex b'hekk tiżgura li r-riżultati tar-riċerka huma applikati b'mod effettiv fil-qasam.

Struttura

L-Impriża Konġunta SESAR ġiet stabbilita taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 219/2007. Hi tista' twaqqaf sħubijiet pubbliċi-privati, iffinanzjati b'mod konġunt mill-industrija u mill-UE, biex jgħinuha twettaq dmirijietha u tiżborża l-fondi tagħha.

Il-Bord Amministrattiv u l-Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv, il-korpi ta' governanza ewlenin tagħha, jamministraw il-programmi ta' SESAR u jwettqu dmirijiet oħrajn. Għandhom persunal ekwivalenti għal 39 impjegat full-time.

Il-Bord jinkludi rappreżentanti:

  • mill-Kummissjoni Ewropea
  • minn Eurocontrol
  • minn sћubijiet pubbliċi-privati
  • minn partijiet interessati mill-istituzzjonijiet tal-UE u nazzjonali.

Kif taħdem

Il-programmi ta' SESAR1 u ta' SESAR2020 jikkoordinaw ir-riċerka fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM). It-tnejn huma strutturati bħala "pajplajn ta' innovazzjoni" bil-fażijiet ta' maturità segwenti:

  • riċerka esploratorja
  • riċerka u validazzjoni industrijali
  • dimostrazzjonijiet fuq skala kbira ħafna

L-Impriża Konġunta SESAR iżżomm u timplimenta l-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM biex timmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u biex torbot lir-R&Ż ta' SESAR mal-iżvilupp. Hi tkompli tipprovdi appoġġ espert lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-suġġetti l-oħrajn kollha relatati mal-inizjattiva "Ajru Uniku Ewropew".

SESAR1 jibqa' għaddej sal-aħħar tal-2016, filwaqt li SESAR2020 se jkompli permezz ta' membri ta' sħubijiet pubbliċi-privati differenti sal-2024.

Min jibbenifika

L-Impriża Konġunta SESAR għandha rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva "Ajru Uniku Ewropew" tal-UE. Hi għalhekk twassal benefiċċji soċjali sinifikanti u l-utenti tal-ispazju tal-ajru jibbenefikaw fil-kuntest tal-inizjattiva usa'. Bir-razzjonalizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew, l-"Ajru Uniku Ewropew":

  • se jnaqqas il-kosti
  • se jnaqqas l-impatt ambjentali
  • se jżid il-kapaċità
  • se jagħmel is-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru aktar effiċjenti, b'benefiċċji li jinkludu ħinijiet ta' vvjaġġar iqsar u sikurezza mtejba.
Dettalji ta' kuntatt: 

SESAR Joint Undertaking(SESAR Joint Undertaking)

Dettalji ta' kuntatt

Address: 

SESAR Joint Undertaking 
Avenue de Cortenberg 100
1000 Bruxelles/Brussel 
Belgique / België

Tel: 
+32 2 507 80 00
Fax: 
+32 2 507 80 01