Unjoni Ewrope

L-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà (EUISS)

L-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà (EUISS)

Ħarsa ġenerali

  • Rwol: biex jipprovdu analiżi tal-kwistjonijiet tal-politika barranija ta’ sigurtà u difiża
  • Direttur: Antonio Missiroli
  • Stabbilit fl-: 2002
  • Persunal: 24
  • Lokalità: kwartieri ġenerali f’Pariġi (Franza), b’uffiċċju ta’ kollegament fi Brussell (il-Belġju)
  • Sit Web: EUISS

L-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà (EUISS) huwa aġenzija tal-UE li tanalizza l-kwistjonijiet tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża.

X’jagħmel

L-EUISS għandu l-għan li:

  • irawwem kultura komuni tas-sigurtà fl-UE
  • jgħin fl-iżvilupp u l-ipproġettar tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)
  • jappoġġa t-tfassil u l-projezzjoni tal-politika barranija tal-UE
  • jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar strateġija ta’ sigurtà ġewwa u barra l-Ewropa.

Il-missjoni prinċipali tiegħu hi li jipprovdi analiżi u jorganizza forums ta’ diskussjoni biex jgħin fit-tfassil tal-politika tal-UE. Fit-twettiq ta’ din il-missjoni, huwa jaġixxi wkoll bħala kollegament bejn l-esperti Ewropej u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha.

L-istruttura

It-tim ta’ analisti tal-EUISS huwa magħmul minn mhux aktar minn disa’ (9) analisti ewlenin residenti. Xogħolhom huwa kkumplimentat minn netwerk estensiv ta’ analisti, analisti assoċjati subalterni u riċerkaturi esterni.

L-EUISS huwa mmexxi minn bord, ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li tħejji r-regoli baġitarji u amministrattivi u tapprova l-programm ta’ ħidma tiegħu. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jipprovdi superviżjoni politika – iżda mingħajr ma jikkomprometti l-indipendenza intellettwali u l-awtonomija operattiva tal-aġenzija.

Kif jaħdem

L-aġenzija tipprovdi għarfien espert, riċerka, studji analitiċi, u dokumenti ta’ tgħarrif għal firxa wiesgħa ta’ atturi. Il-pubblikazzjoni ewlenija tal-Istitut hija s-serje ta’ Chaillot papers, li huma bbażati fuq riċerka fil-fond. L-EUISS jippubblika WKOLL yearbook, rapporti, u briefs u alerts qosra.

L-EUISS jikkollabora mas-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna u l-Kulleġġ Ewropew dwar is-Sigurtà u d-Difiża, il-Kummissjoni Ewropea (DĠ DEVCO), il-Parlament Ewropew, u aġenziji oħra tal-UE (EDA, SatCen), u l-gvernijiet tal-istati membri.

Min jibbenefika

Bħala parti mill-missjoni tiegħu, l-EUISS regolarment jipproduċi pubblikazzjonijiet dwar suġġetti u reġjuni fil-qofol ta’ ħidmet l-UE.

L-avvenimenti tiegħu jagħtu spinta lill-kapaċità analitika tal-UE u jgħinu biex jissawru approċċi komuni. Huma avvenimenti li jiġbru flimkien uffiċjali tal-UE, akkademiċi, esperti nazzjonali, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-midja u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri tal-UE, u l-bqija tad-dinja.

Dettalji ta' kuntatt: 

l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà(EUISS)

Dettalji ta' kuntatt

Indirizz: 

100 avenue de Suffren

F-75015 Paris

France

Tel: 
+33 1 56 89 19 30
Fax: 
+33 1 56 89 19 31
Back to top