Unjoni Ewrope

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

Ħarsa ġenerali

  • Rwol: l-EMA tiggarantixxi l-evalwazzjoni xjentifika, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tas-sikurezza ta’ mediċini għall-bniedem u veterinarji fl-UE.
  • Direttur Eżekuttiv: Guido Rasi
  • Membri: 1 minn kull pajjiż tal-UE
  • Stabbilita fi: 1995
  • Lokalità: Londra (Ir-Renju Unit)
  • Sit web: EMA

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tipproteġi u tippromwovi s-saħħa umana u tal-annimali billi tevalwa u timmonitorja l-mediċini fl-Unjoni Ewropea (UE) u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Dak li tagħmel

Ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-Aġenzija huma l-awtorizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-mediċini fl-UE. Il-kumpaniji japplikaw magħha għal awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni unika, li toħroġ mill-Kummissjoni Ewropea. Jekk din tingħata, ikunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-mediċina kkonċernata fl-UE u ż-ŻEE. Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ċentralizzata għandu firxa wiesa’, il-biċċa l-kbira tal-mediċini li jkunu ġenwinament innovattivi kkummerċjalizzati fl-Ewropa huma awtorizzati mill-EMA.

L-Aġenzija tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha billi:

  • tiffaċilita l-iżvilupp tal-mediċini u l-aċċess għalihom
  • tevalwa l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni
  • timmonitorja s-sikurezza tal-mediċini matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom
  • tipprovdi informazzjoni lill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u lill-pazjenti.

Struttura

L-EMA titmexxa minn Bord ta’ Ġestjoni ta’ 36 membru. Il-membri jinħatru biex jaġixxu fl-interess pubbliku u ma jirrappreżentaw ebda gvern, organizzazzjoni jew settur. Il-Bord jistabbilixxi l-baġit tal-Aġenzija u japprova l-programm ta' ħidma annwali. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija hu responsabbli għall-kwistjonijiet operattivi, tal-persunal u għat-tfassil tal-programm ta’ ħidma annwali. L-EMA għandha 7 kumitati xjentifiċi u diversi gruppi ta’ ħidma, li jinvolvu eluf ta’ esperti mill-Ewropa kollha.

Kif taħdem

L-EMA tikkoopera mill-qrib mall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE u mad-Direttorat-Ġenerali għas-Saħħa tal-Kummissjoni fi sħubija magħrufa bħala n-netwerk regolatorju tal-mediċini Ewropew. Tinteraġixxi wkoll mal-pazjenti, il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-akkademiċi. Finalment, taħdem ukoll flimkien ma’ aġenziji relatati, b'mod partikolari maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA).

L-EMA taħdem b'mod indipendenti, miftuħ u trasparenti u tirrispetta l-ogħla standards fir-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi tagħha. Il-kumitati xjentifiċi tagħha jipprovdu rakkomandazzjonijiet indipendenti dwar il-mediċini għall-użu uman u veterinarju, abbażi ta’ evalwazzjoni xjentifika komprensiva tad-dejta. L-Aġenzija tippubblika informazzjoni dwar il-mediċini u l-użi approvati tagħhom li tkun ċara u imparzjali.

Min jibbenefika

Il-benefiċjari tax-xogħol tal-EMA huma:

  • il-pazjenti
  • il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa
  • l-akkademiċi
  • il-kumpaniji farmaċewtiċi
  • l-iżviluppaturi tal-mediċini
  • min ifassal il-politika fil-qasam tas-saħħa.

Permezz tal-linji gwida xjentifiċi, il-programm ta’ pariri xjentifiċi u l-inċentivi tagħha, l-Aġenzija tiffaċilita r-riċerka f’mediċini ġodda u tinkoraġġixxi l-iżvilupp u b'hekk tittrasforma l-progress fix-xjenza tal-mediċini f’mediċini li għandhom benefiċċji tas-saħħa reali għall-pazjenti. B'mod partikolari, tippromwovi l-iżvilupp ta’ mediċini għat-tfal u oħrajn biex jittrattaw mard rari.

Dettalji ta' kuntatt: 

l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini(EMA)

Dettalji ta' kuntatt

Indirizz: 

30 Churchill Place

Canary Wharf

London E14 5EU

United Kingdom

Tel: 
+44 20 3660 6000
Fax: 
+44 20 3660 5555