Unjoni Ewrope

l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)

l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)

Ħarsa ġenerali

Rwol: L-EEA tipprovdi informazzjoni ambjentali lil dawk li jfasslu l-politika u lill-pubbliku.

Direttur: Hans Bruyninckx

Imsieħba: il-pajjiżi tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, it-Turkija u l-Iżvizzera

Stabbilita: fl-1990

Numru ta' persunal: 200

Lokalità: Copenhagen

Sit web: Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

L-EEA hi aġenzija tal-UE bil-kompitu li tipprovdi informazzjoni soda u indipendenti dwar l-ambjent. Hi topera bħala sors ta' informazzjoni maġġuri kemm għal dawk involuti fl-iżvilupp, fl-adozzjoni, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-politika ambjentali, kif ukoll għall-pubbliku inġenerali.

X’tagħmel

Il-mandat tal-EEA hu li:

  • tgħin lill-UE u lill-pajjiżi membri jieħdu deċiżjonijiet informali dwar it-titjib tal-ambjent, jintegraw il-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-politiki ekonomiċi u jimxu lejn is-sostenibilità
  • tiżviluppa u tikkoordina Eionet, in-netwerk tal-korpi nazzjonali ambjentali stabbilit biex jgħin lill-aġenzija

Struttura

Il-persunal tal-EEA jinsab primarjament fil-kwartieri ġenerali f'Copenhagen u jinkludi esperti dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, l-immaniġġjar tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Iżda l-aġenzija tmexxi wkoll in-netwerk Ewropew għall-osservazzjoni ambjentali Eionet, li jinvolvi aktar minn 300 istituzzjoni fl-Ewropa kollha.

Biex tagħmel dan, l-aġenzija tikkoopera mill-qrib kemm mal-punti ta' kuntatt (jew "fokali") nazzjonali magħżula fil-pajjiżi parteċipanti, kif ukoll f'korpi nazzjonali oħrajn (aġenziji ambjentali, ministeri, eċċ.) responsabbli għall-ikkoordinar tal-attivitajiet ta' Eionet fit-territorju tagħhom.

Biex tappoġġja l-ġbir, l-immaniġġjar u l-analiżi tad-dejta, l-EEA stabbilixxiet u tmexxi wkoll Ċentri Tematiċi Ewropej li jkopru kwistjonijiet ambjentali ewlenin. Dawn iċ-ċentri huma wkoll netwerks, li jinkludu madwar 90 istituzzjoni speċjalizzata fl-Ewropa kollha.

Kif taħdem

L-EEA torganizza l-attivitajiet tagħha fi programmi ta' ħidma annwali, kull wieħed parti mill-programm ta' ħidma ta' ħames snin. Dak kurrenti jkopri l-2014-18 u hu strutturat madwar 4 temi prinċipali:

  • l-implimentazzjoni tal-politika ta' informazzjoni – b'feedback u b'input għall-oqsfa, l-objettivi u l-miri tal-politika tal-UE, permezz ta' rapportar kontinwu dwar il-progress li jikkonċerna kwistjonijiet ambjentali ewlenin
  • il-valutazzjoni ta' sfidi sistemiċi – billi tieħu ħarsa makro, bejn is-setturi u fit-tul taż-żmien, biex tgħin il-Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-UE.
  • il-ħolqien u l-użu ta' tagħrif konġunt – il-bini u l-manutenzjoni tan-netwerks tan-nies u tas-sistemi tal-informazzjoni.
  • b'mod kontinwu t-tejjeb l-effiċjenza u l-effettività.

Min jibbenefika:

Il-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-EEA huma:

  • il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u istituzzjonijiet oħra tal-UE
  • il-gvernijiet fil-pajjiżi parteċipanti
  • l-NGOs
  • il-komunitajiet akkademiċi u xjentifiċi
  • l-organizzazzjonijiet tan-negozju
  • il-konsulenzi u t-think tanks.

Udjenza ewlenija oħra hi wkoll il-pubbliku inġenerali – l-aġenzija timmira li tgħinu jakkwista komprensjoni usa' dwar kwistjonijiet ambjentali u t-tibdil tal-klima.

Dettalji ta' kuntatt: 

l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent(AEA)

Dettalji ta' kuntatt

Indirizz: 

Kongens Nytorv 6

DK-1050 København K

Danmark

Tel: 
+45 33 36 71 00
Fax: 
+45 33 36 71 99