Unjoni Ewrope

Impriża Konġunta Clean Sky 2

Impriża Konġunta Clean Sky 2

Ħarsa ġenerali

Rwol: L-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u gassijiet oħrajn u jitnaqqsu l-ħsejjes tal-ajruplani

Direttur: Eric Dautriat

Sħab: Il-Kummissjoni Ewropea, l-industrija aeronawtika (inklużi SMEs), iċ-ċentri ta’ riċerka, l-akkademja

Stabbilita: fl-2008

Numru ta’ persunal: 40

Lokalità: Brussell (il-Belġju)

Sit web: Impriża Konġunta Clean Sky 2

L-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (CSJU) hi sħubija pubblika-privata li rnexxiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija aeronawtika Ewropea li hi fi triqtha li twettaq il-miri ambjentali tagħha. It-2 fażi, Clean Sky 2, se tibni fuq dan is-suċċess billi:

  • tkompli tintegra teknoloġiji avvanzati fl-inġenji tal-ajru
  • turi konfigurazzjonijiet innovattivi fl-inġenji tal-ajru, li jippermettu tibdiliet fil-prestazzjoni ambjentali u ekonomika.

X’tagħmel is-CSJU?

Din tgħin tipproteġi l-ambjent. It-teknoloġija ta' Clean Sky 2 se tippermetti l-inġenji tal-ajru futuri li:

  • inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tal-ħruq tal-fjuwil u relatati b'20-30%
  • inaqqsu l-livelli ta' ħsejjes (imqabbla mal-2014) b'ammont simili.

Hi mistennija wkoll li ttejjeb b'mod sinifikattiv il-kompetittività u l-mobilità fl-Ewropa.

Struttura

Id-Direttur Eżekuttiv u t-tim tiegħu jimmaniġġjaw l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 u jirrapportaw lill-Bord ta' Governanza.

Il-Bord ta' Governanza jinkludi:

  • it-12 il-mexxejja industrijali
  • l-UE, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea
  • madwar 70 assoċjat.

Kif taħdem is-CSJU?

Hi tuża 3 strumenti komplementari - it-teknoloġiji, "concept aircraft" u programmi ta dimostrazzjoni - biex tilħaq il-miri tagħha:

1. It-teknoloġiji huma magħżulin, żviluppati u monitorjati f'termini ta' maturità jew "livell ta' tħejjija teknoloġika". Aktar minn 100 teknoloġija ewlenija huma mmonitorjati. Dawk żviluppati minn Clean Sky se jkopru s-segmenti kollha tal-inġenji tal-ajru kummerċjali ewlenin.

2. Concept aircraft - studji ta' disinn li jintegraw it-teknoloġiji f'konfigurazzjoni konċettwali vijabbli. Dawn ikopru l-familji futuri ewlenin tal-inġenji tal-ajru:

  • business jets
  • inġenji tal-ajru kummerċjali reġjonali u kbar
  • inġenji tal-ajru kbar li jaħdmu bir-rotors.

Il-mod ewlieni li bih jitkejlu u jiġu rapportati r-riżultati ambjentali jinvolvi t-tqabbil tal-concept aircraft mal-mudelli eżistenti.

3. Programmi ta' dimostrazzjoni jinkludu dimostraturi fiżiċi li jintegraw diversi teknoloġiji fuq livell ta' "sistema" jew inġenju tal-ajru akbar u li juru kif jaħdmu taħt kundizzjonijiet operattivi. Dan jgħin jaċċerta l-potenzjal tagħhom u jippermettilhom jilħqu livell ogħla ta' maturità.

Min jibbenefika?

  • Il-pubbliku – bis-saħħa ta' anqas tniġġis akustiku u ta' emissjonijiet aktar baxxi, mobilità aħjar u kompetittività industrijali mtejba fl-Ewropa.
  • L-ekonomija - l-aeronawtika hi fost l-industriji bl-aktar suċċess tal-UE. Clean Sky se tgħin tiżgura forza tax-xogħol Ewropea bil-kapaċità li tiżviluppa t-teknoloġija avvanzata neċessarja biex tibqa' fuq quddiem nett tas-suq.
  • In-negozji żgħar u ta' daqs medju - numru li qed jiżdied ta' ditti ta' din ix-xorta qed jidħlu fil-katini tal-innovazzjoni permezz ta' sejħiet għal proposti ta' Clean Sky. Dan jiftaħ opportunitajiet ġodda għalihom u katini ta’ provvista potenzjali ġodda għall-atturi industrijali stabbiliti. In-negozji żgħar u ta’ daqs medju b’fokus li mhux aeronawtiku (p.e. bi sfond awtopropulsiv) qed jiżviluppaw ukoll interess qawwi f’opportunitajiet ta’ riċerka ta' Clean Sky.
  • Il-komunità xjentifika u akkademika - Clean Sky toffri modi ta' kif titħaffef l-introduzzjoni ta' teknoloġija fiċ-"ċiklu ta' innovazzjoni". Hi tagħti lill-industrija u lix-xjenza opportunità biex flimkien jindirizzaw l-isfidi u l-prijoritajiet.
Dettalji ta' kuntatt: 

Clean Sky 2 Joint Undertaking(Clean Sky 2 Joint Undertaking)

Dettalji ta' kuntatt

Address: 

Clean Sky 2 Joint Undertaking
White Atrium Building TO56
4th floor
B – 1049 Bruxelles/Brussel
Belgique/België

Tel: 
+32 2 221 81 52
Fax: 
+32 2 221 81 50
Keywords: 
Back to top