European Union website, the official EU website

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

Ħarsa ġenerali: 
  • Rwol: Is-Cedefop jipprovdi d-dejta li fuqha hi bbażata l-politika tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali fl-UE
  • Direttur: Joachim James Calleja
  • Stabbilita: fl-1975
  • Numru ta’ persunal: 98
  • Lokalità: Tessaloniki (il-Greċja)
  • Sit web: Cedefop

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) jgħin fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politiki ta' taħriġ vokazzjonali tal-UE. Hu jimmonitorja t-tendenzi tas-suq tax-xogħol u jgħin il-Kummissjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-UE, l-organizzazzjonijiet ta' min inħaddem u t-trejdjunjins biex iqabblu l-provvediment tat-taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq.

Dak li tagħmel

Is-Cedefop hu l-organizzazzjoni tal-UE li tlaqqa' flimkien lil dawk li jfasslu l-politiki, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u t-trejdjunjins, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ, l-għalliema u t-trejners, u l-istudenti ta' kull età – kull min hu involut fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

F’salib it-toroq bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol, is-Cedefop jaħdem bħala forum, li jippermetti l-organizzazzjonijiet b’interess fil-ħidma tiegħu biex jaqsmu ideat u jiddibattu dwar kif l-aħjar itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa. Hu jaqsam il-kompetenza tiegħu ma’ organizzazzjonijiet politiċi u maż-żewġ naħat tal-industrija fil-pajjiżi tal-UE biex jgħinhom jiġġeneraw opportunitajiet ta’ tagħlim u xogħol.

Struttura

Is-Cedefop hi aġenzija tripartitika. Il-Bord ta’ Tmexxija tagħha hu magħmul minn rappreżentanti:

  • tal-gvernijiet nazzjonali
  • tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u trejdjunjins
  • tal-Kummissjoni Ewropea.

Id-Direttur hu responsabbli għall-immaniġġjar ġenerali tal-ħidma tal-aġenzija u l-persunal.

Esperti fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jwettqu l-ħidma ta’ kuljum. Dawn jiġu appoġġjati mill-persunal amministrattiv u ta’ komunikazzjoni.

Kif taħdem

L-Aġenzija:

  • teżamina kif it-tendenzi soċjoekonomiċi u demografiċi jaffettwaw l-impjiegi, in-natura tal-impjiegi u d-domanda għal ħiliet
  • tgħin fl-iffukar tal-provvediment tat-taħriġ vokazzjonali fuq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol billi tipprevedi ħtiġijiet futuri ta' ħiliet u billi twissi lil dawk li jfasslu l-politika dwar in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet.
  • tappoġġja l-użu ta' għodod mal-UE kollha bħall-oqsfa tal-kwalifiki li jagħmluha possibbli għall-kwalifiki minn sistemi differenti ta' edukazzjoni li jitqabblu u jiġu rikonoxxuti jew għat-tagħlim informali biex jiġi vvalidat
  • teżamina mill-ġdid il-mudelli tat-tagħlim u tipprovdi parir dwar il-politika lill-gvernijiet tal-UE biex tgħinhom inaqqsu n-nuqqas ta' impjiegi, l-abbandun bikri tal-iskola u żbilanċi oħrajn tas-suq tax-xogħol.

Is-Cedefop jikkoopera ma’ aġenziji oħra:

Min jibbenifika

Il-ħidma tas-Cedefop:

  • tgħin iż-żgħażagħ jiċċaqalqu mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol
  • tgħin lil dawk li jħallu l-iskola jirritornaw għall-edukazzjoni u t-taħriġ
  • tgħin adulti bla xogħol jew b'xogħol limitat jirritornaw biex jitgħallmu u jiffukaw il-karrieri tagħhom
  • tipprovdi persunal ta' gwida u ta' pariri b'perspettiva mal-UE kollha
  • tgħin iċ-ċittadini tal-UE jiċċaqalqu bejn il-pajjiżi u s-sistemi, filwaqt li "jġorru l-kwalifiki tagħhom magħhom"
  • tgħin il-pajjiżi tal-UE jiffurmaw mill-ġdid il-provvediment tal-apprendistati tagħhom
  • tgħin lil dawk li jfasslu l-politiki Ewropej, nazzjonali jew reġjonali jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-provvediment tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
Dettalji ta' kuntatt: 

iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali(Cedefop)

Dettalji ta' kuntatt

Indirizz: 

Europe 123

GR-57001 Thessaloniki (Pylea)

Greece

Tel: 
+30 2310 490 111
Fax: 
+30 2310 490 049