Il-protezzjoni tad-data personali tiegħek
Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.
Operazzjoni tal-ipproċessar: Pjattaforma tal-Europass
Kontrollur tad-Data: DĠ EMPL
Referenza tar-rekord: DPR-EC-04686
Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE.
Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif il-Kummissjoni tiġbor, tittratta u tiżgura l-protezzjoni tad-data personali kollha li pprovdejt. Hi tispjega wkoll kif tintuża dik l-informazzjoni u xi drittijiet għandek fir-rigward tad-data personali tiegħek. Hi tispeċifika d-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar “Pjattaforma tal-Europass” meħuda mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) hi ppreżentata hawn taħt.
Il-fini tal-operazzjoni tal-ipproċessar: Il-Kummissjoni Ewropea tiġbor u tuża l-informazzjoni personali tiegħek biex:
- Toffri suġġerimenti personalizzati – Id-data tiegħek se tintuża biex tifhem u twassal stimi affidabbli dwar il-preferenzi u l-interessi tal-utenti bl-għan li toffri lill-utenti tal-Europass suġġerimenti ta’ ħiliet, korsijiet u impjiegi (eż. ħiliet li tista’ tkun ibbażajt fuq l-esperjenzi tiegħek fil-passat, opportunitajiet ta’ xogħol li jistgħu jkunu ta’ interess għalik abbażi tal-ħiliet u l-preferenzi tiegħek, eċċ.). Bħala utent, se jkollok l-għażla li tibdel dawn is-suġġerimenti u tiddeċiedi li terġa’ tissettja l-informazzjoni kollha li qed tintuża biex tipprovdilek suġġerimenti apposta.
- Tivvaluta l-prestazzjoni tal-Europass – il-Europass se jiġbor u jaggrega d-data bbażata fuq l-attività tal-utenti biex tinftiehem il-prestazzjoni tal-pjattaforma. Id-data dwar indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni bħan-numru ta’ żjarat fil-pjattaforma u n-numru ta’ utenti reġistrati se jiġu ppubblikati fuq il-pjattaforma tal-Europass perjodikament u se jintużaw biex jevalwaw il-prestazzjoni tal-pjattaforma. L-informazzjoni personali tal-utenti mhux se tintuża għal dan l-iskop.
- Twettaq analiżi tas-suq tax-xogħol – Informazzjoni bħall-età, in-nazzjonalità, it-tagħlim u l-esperjenza tax-xogħol, u l-ħiliet se jinġabru u jintużaw għal skopijiet statistiċi. Sabiex tiġi żgurata l-anonimità, id-data tiegħek se tiġi aggregata u anonimizzata, biex tipproduċi biss indikaturi statistiċi ta’ livell għoli li ma jinkludu ebda informazzjoni identifikabbli personalment. Tali pproċessar jikkonforma mal-Artikolu 24(2)-(4) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725. Din id-data se tintuża mill-Kummissjoni Ewropea biex tidentifika x-xejriet fil-qasam tal-edukazzjoni u l-impjiegi, tbassar il-ħtiġijiet ta’ ħiliet futuri u ttejjeb is-servizzi offruti mill-Europass.
Nipproċessaw id-data personali tiegħek, minħabba li:
- l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;
- is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;
- l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra.
Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar, id-DĠ EMPL jiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:
- Isem (Ismijiet)
- Kunjom(ijiet)
Il-provvediment ta’ din id-data personali hu obbligatorju biex jinħoloq profil tal-Europass. Jekk ma tipprovdix din l-informazzjoni, il-konsegwenzi possibbli huma li ma tkunx tista’ toħloq profil fil-Europass, u għalhekk ma tkunx tista’ toħloq kont tal-Europass.
Informazzjoni addizzjonali mhux mandatorja miġbura mill-Europass biex jinħoloq profil sħiħ u benefiċċju mis-servizzi offruti mill-Europass tinkludi:
- Data tat-twelid
- Nazzjonalità
- Informazzjoni ta’ kuntatt (jiġifieri indirizz tal-email, sit web, numru tat-telefown, media soċjali ta’ messaġġi instantanji)
- Esperjenza ta’ Xogħol
- Edukazzjoni u Taħriġ
- U informazzjoni addizzjonali dwar il-ħiliet, il-kwalifiki u t-tagħlim li l-utenti jistgħu jagħżlu biex jagħtu l-input tagħhom.
Id-DĠ EMPL iżomm id-data personali tiegħek biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri kif deskritt fit-taqsima dwar għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek, jiġifieri għal perjodu ta’ 5 snin wara l-aħħar aġġornament tal-kontenut tal-Portafoll elettroniku tiegħek. Matul dan il-perjodu, se tirċievi notifiki dwar l-aspetti kollha tad-data tiegħek fil-Europass.
Id-data personali kollha b’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, lottijiet tad-data applowdjati f’sistema, eċċ.) tinħażen fis-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.
Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet numru ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, il-bdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.
L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju ta’ “ħtieġa ta' tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta l-ftehimiet statutorji, u meta meħtieġ, il-ftehimiet addizzjonali tal-kunfidenzjalità.
L-informazzjoni li niġbru mhux se tingħata lil xi parti terza, għajr sa fejn u għall-finijiet li nkunu marbuta bihom bil-liġi.
Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Fejn applikabbli, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.
Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li titwettaq skont l-Artikolu 5(1)(a).
Inti tajt il-kunsens tiegħek li tipprovdi d-data personali tiegħek lid-DĠ EMPL għal din l-operazzjoni tal-ipproċessar. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.
Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.
Il-Kontrollur tad-Data
Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD)
Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)
Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar dwar id-data personali mill-Kummissjoni, li ġew iddokumentati u nnotifikati lilu.
Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-Rekord li ġejja: DPR-EC-04686