Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki

L-UE żviluppat il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) bħala għodda ta’ traduzzjoni biex il-kwalifiki nazzjonali jsiru aktar faċli biex jinftiehmu u aktar komparabbli. Il-QEK ifittex biex jappoġġja l-mobbiltà transfruntiera tal-istudenti u tal-ħaddiema, jippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp fl-Ewropa kollha.

X'inhi l-QEK?

Il-QEK hu qafas tat-8 livell ta’ tagħlim ibbażat fuq l-eżiti għat-tipi kollha ta’ kwalifiki li jservi bħala għodda ta’ traduzzjoni bejn oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki differenti. Dan il-qafas jgħin biex jittejbu t-trasparenza, il-komparabilità u l-portabbiltà tal-kwalifiki tan-nies u jagħmilha possibbli li jitqabblu l-kwalifiki minn pajjiżi u istituzzjonijiet differenti.

Il-QEK ikopri t-tipi kollha u l-livelli kollha tal-kwalifiki u l-użu tal-eżiti tat-tagħlim jagħmilha ċara dwar dak li persuna taf, tifhem u tista’ tagħmel. Il-livell jiżdied skont il-livell ta’ profiċjenza, il-livell 1 hu l-anqas wieħed u l-livell 8 l-ogħla wieħed. Aktar importanti minn hekk, il-QEK hu marbut mill-qrib mal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, b’dan il-mod hu jista’ jipprovdi mappa komprensiva tat-tipi u l-livelli kollha ta’ kwalifiki fl-Ewropa, li huma dejjem aktar aċċessibbli permezz ta’ bażijiet ta’ data tal-kwalifiki.>

Il-QEK ġie stabbilit fl-2008 u wara ġie rivedut fl-2017. Ir-reviżjoni tiegħu żammet l-objettivi ewlenin biex tinħoloq trasparenza u fiduċja reċiproka fix-xenarju tal-kwalifiki fl-Ewropa. L-Istati Membri impenjaw ruħhom li jissokta l-iżvilupp tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u li dan isir aktar effettiv ħalli l-impjegaturi, il-ħaddiema u l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-kwalifiki nazzjonali, internazzjonali u tal-pajjiżi terzi.

Liema pajjiżi huma involuti f’din l-inizjattiva?

Minbarra l-Istati Membri tal-UE, 11-il pajjiż ieħor jaħdmu biex jimplimentaw il-QEK, jiġifieri l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja (il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea), l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija (il-pajjiżi kandidati), il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo ** (il-kandidati potenzjali) u l-Iżvizzera.

 

 

    Min hu involut aktar?

    Il-Grupp Konsultattiv (AG) tal-QEK, stabbilit fl-2008, hu l-forum ċentrali għad-diskussjoni bejn il-Kummissjoni, il-pajjiżi u l-partijiet ikkonċernati mid-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi u s-soċjetà ċivili. Ir-rwol tal-AG hu li jiżgura koerenza ġenerali u jippromwovi t-trasparenza, u l-fiduċja fil-proċess tar-referenzjar. Il-minuti u d-dokumenti tal-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-QEK huma ppubblikati fuq ir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni.

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), bħala Aġenziji Ewropej, għandhom rwol importanti fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-QEK.

    In-network ENIC/NARIC hu network ta’ ċentri nazzjonali mwaqqfa biex jappoġġja direttament l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini bir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi.

      Man comparing EQF levels

      Il-QEK jaħdem flimkien ma’ strumenti Ewropew u internazzjonali oħrajn billi jappoġġja r-rikonoxximent tal-kwalifiki.

      X’inhu l-proċess ta’ referenzar?

      Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-QEK tistieden lill-Istati Membri biex jirreferu għall-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki jew is-sistemi tagħhom għall-QEK, sabiex tiġi stabbilita relazzjoni ċara u trasparenti bejn il-livelli ta’ kwalifiki nazzjonali tagħhom u t-tmien livelli tal-QEK. L-Istati Membri huma rakkomandati li jirrevedu u jaġġornaw, meta jkun rilevanti, ir-referenzjar tal-livelli tal-oqfsa jew is-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki għal-livelli tal-QEK.

      Kull pajjiż li jkun irid jorbot il-livelli ta’ kwalifiki nazzjonali tiegħu mal-QEK, għandu jħejji rapport ta’ referenzjar iddettaljat li jsegwi l-10 kriterji ta’ referenzjar tal-QEK maqbula fl-Anness III għar-Rakkomandazzjoni riveduta dwar il-QEK. Ir-rapporti ta’ referenzar nazzjonali huma ppreżentati lill-Grupp Konsultattiv tal-QEK li japprovahom jekk jissodisfaw il-kriterji ta’ referenzar.

      Ladarba l-oqfsa nazzjonali jkunu referenzjati mal-QEK il-kwalifiki kollha li jkunu għadhom kif inħarġu (eż. ċertifikati, diplomi, supplimenti taċ-ċertifikati, supplimenti għad-diplomi), u/jew il-bażijiet tad-data tal-kwalifiki, fil-prinċipju, għandhom jinkludu referenza ċara għal-livell xieraq tal-QEK u għall-QNK.