Kronoloġija

1951

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA)

Il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Ġermanja tal-Punent qablu li joħolqu suq komuni skont regolament supranazzjonali għall-faħam u l-azzar. L-idea wara din il-komunità kienet li jiġu rtirati r-riżorsi li kienu vitali għall-gwerer dinjin — il-faħam u l-azzar — mis-sovranità nazzjonali sabiex tinżamm il-paċi dejjiema. Dan il-mument storiku jirrappreżenta l-bidu tal-integrazzjoni ekonomika u l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ suq uniku. Huma u jibnu fuq dan is-suċċess, is-sitt pajjiżi aktar tard qablu li jintegraw setturi oħrajn tal-ekonomiji tagħhom bl-għan li jitneħħew l-ostakli kummerċjali u li jiġi ffurmat suq komuni. F’1957 iffurmaw il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (EURATOM).

1970

Ir-Rapport Werner

Il-mexxejja tal-Ewropa waqqfu grupp ta’ livell għoli mmexxi minn Pierre Werner, il-Prim Ministru tal-Lussemburgu ta’ dak iż-żmien, biex jirrapporta dwar kif Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tista’ tintlaħaq fi żmien 10 snin. Ir-rapport li rriżulta nħareġ f’Ottubru 1970.

1979

Is-Sistema Monetarja Ewropea

Il-proġett għal Unjoni Ekonomika u Monetarja jimxi ’l quddiem bil-ħolqien tas-Sistema Monetarja Ewropea (SME) u l-Unità Monetarja Ewropea (ECU), munita virtwali użata bħala unità tal-kont. Fi ħdan is-Sistema Monetarja Ewropea, pajjiżi tal-UE jaqblu li jżommu l-munita tagħhom f’faxxa ta’ ċaqliq determinata. Dan hu l-bidu tal-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju.

1989

Il-Kumitat Delors: “suq wieħed, munita waħda”

Is-suċċess tas-Sistema Monetarja Ewropea jipprovdi l-impetu għal aktar diskussjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE dwar kif titwettaq Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Il-“Kumitat Delors” jiġi stabbilit biex jeżamina passi speċifiċi u gradwali lejn munita unika. Ir-rapport li rriżulta jipproponi passi konkreti biex tinkiseb l-UEM.

1990

Il-moviment liberu tal-kapital

L-ewwel pass għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM): jiġu aboliti r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment tal-kapital bejn il-pajjiżi tal-UE.

1992

It-Trattat ta’ Maastricht

Fl-1992, il-mexxejja Ewropej jiffirmaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, f’Maastricht, in-Netherlands. It-trattat jinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tiġi implimentata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Il-mexxejja jaqblu dwar il-kriterji li kull Stat Membru għandu jissodisfa biex jadotta l-munita unika.

1994

L-Istitut Monetarju Ewropew

It-tieni pass għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM): l-Istitut Monetarju Ewropew (IME) jitwaqqaf fi Frankfurt. L-IME jwettaq ix-xogħol kollu tat-tħejjija biex il-BĊE jassumi r-responsabilità tiegħu għall-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Il-politiki monetarji huma dejjem aktar ikkoordinati u l-konverġenza ekonomika tissaħħaħ.

1998

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Fl-1 ta’ Ġunju 1998, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) isir operazzjonali fi Frankfurt, u jieħu post l-IME. Jiġi stabbilit bħala l-qalba tal-Eurosistema u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali kollha tal-Istati Membri tal-UE.

1999

Jitwieled l-euro

It-tielet pass għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM): wara deċennju ta’ tħejjijiet, fl-1 ta’ Jannar 1999, ir-rati tal-kambju huma ffissati irrevokabbilment bejn 11-il pajjiż membru parteċipant. L-awtorità fuq il-politika monetarja tiġi ttrasferita mill-banek ċentrali nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew. L-euro jiġi varat bħala munita tal-kontabbiltà fis-swieq finanzjarji u użat għal pagamenti elettroniċi. Dan isir il-munita uffiċjali tal-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja. Fl-2001, il-Greċja ssir it-12-il pajjiż li jadotta l-euro.

2002

L-euro f’idejna

Wara tliet snin ta’ ħidma bil-euro bħala “munita tal-kontabbiltà” flimkien ma’ muniti nazzjonali, 12-il pajjiż jibdlu l-karti u l-muniti qodma tagħhom mal-euros. Din hi l-akbar bidla ta’ munita fl-istorja.

2007

Is-Slovenja tissieħeb maż-żona tal-euro

2008

Ċipru jissieħeb fiż-żona tal-euro

Malta tissieħeb fiż-żona tal-euro

Il-kriżi finanzjarja dinjija u r-rispons tal-UE

Fl-2008, tibda l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali u tinfirex fiż-żona tal-euro. Xi pajjiżi bħal Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, u Spanja huma b’mod partikolari affettwati. L-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu azzjoni rapida biex jipprovdu assistenza finanzjarja lil dawn il-pajjiżi u biex tissaħħaħ il-governanza u r-reżiljenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Fis-snin ta’ wara jiġu varati numru ta’ inizjattivi ewlenin, inklużi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), is-Semestru Ewropew u l-Unjoni Bankarja.

2009

Is-Slovakkja tissieħeb maż-żona tal-euro

2011

L-Estonja tissieħeb maż-żona tal-euro

2012

Azzjoni biex jiġi ppreservat l-euro

F’Lulju 2012, biex terġa’ tkun stabbilita l-fiduċja fis-suq u biex jiġu appoġġjati pajjiżi taż-żona tal-euro taħt pressjoni, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi jħabbar: “Fi ħdan il-mandat tagħna, il-BĊE lest li jagħmel kulma hu meħtieġ biex jippreżerva l-euro. U emmnuni, dan se jkun biżżejjed.” Id-dikjarazzjoni kienet akkumpanjata minn numru ta’ miżuri mfasslin biex joħolqu l-fiduċja u biex jiżguraw li s-swieq finanzjarji kienu se jaħdmu b’mod xieraq. Din ir-reazzjoni immedjata mill-BĊE, flimkien ma’ likwidità għall-banek, rati tal-imgħax baxxi u miżuri futuri bħall-programm ta’ tnaqqis kwantitattiv, jappoġġjaw it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro u jgħinu fir-ritorn ta’ livelli ta’ inflazzjoni taħt, imma qrib, it-2%. L-azzjoni deċiżiva tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha tpoġġi lill-Ewropa lura fit-triq ta’ tkabbir u l-prosperità.

2014

Il-Latvja tissieħeb maż-żona tal-euro

Sistema unifikata biex tissorvelja l-banek fl-Ewropa

Is-superviżjoni ta’ banek f’pajjiżi li jużaw l-euro isseħħ taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, immexxi mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-għan ta’ superviżjoni bankarja Ewropea hu li jiġi żgurat li l-banek fis-settur bankarju Ewropew huma sikuri (u bl-istess mod flusek!).

2015

Il-Litwanja tissieħeb maż-żona tal-euro

2015 u ’l quddiem - L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

F’Ġunju 2015, il-presidenti ta’ ħames istituzzjonijiet Ewropej – il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Eurogrupp – jippubblikaw viżjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, magħrufa bħala ir-“Rapport tal-Ħames Presidenti”. Dawn l-ideat huma żviluppati aktar f’diversi dokumenti ta’ riflessjoni fl-2017. L-implimentazzjoni tibda bil-pakkett ta’ approfondiment tal-UEM propost mill-Kummissjoni f’Diċembru 2017, li jinkludi aktar passi li jżidu l-unità, l-effiċjenza u r-responsabbiltà demokratika tal-UEM u t-tlestija tal-Unjoni Bankarja.

Fl-2015, il-Kummissjoni Juncker tressaq ukoll il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa sabiex jissaħħaħ l-investiment u tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi. Pjan biex jinħoloq suq uniku veru għall-kapital fl-UE, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, hu varat ukoll.

L-ISTORJA TAL-EURO U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Fatti dwar l-euro

74 %TAL-EWROPEJ
GroupCreated with Sketch.

Bħalissa 74% tal-Ewropej huma favur Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea b’munita unika, l-euro. Dan hu l-ogħla livell li qatt kien hawn.

340miljun Ewropew
Fill 1Created with Sketch.

L-euro jużawh 340 miljun Ewropew. Sittin pajjiż u territorju, li jirrappreżentaw 175 miljun ruħ, rabtu l-muniti tagħhom direttament jew indirettament mal-euro.

It-tienimunita
FACTS03Created with Sketch.

L-euro globalment hu t-tieni munita favorita għal pagamenti internazzjonali, self u riżervi tal-bank ċentrali.