EU PROTECTS > Is-Soċjetà Tagħna > Nagħmlu t-tranżizzjoni: Kif l-UE qed tgħin lill-ħaddiema jakkwistaw ħiliet għal ekonomija li qed tinbidel

“Meta tlift xogħli wara 17-il sena, ma kontx naf kif nista’ nsib xogħol ieħor.”

Ourania Koutrouvi

Il-globalizzazzjoni kull ma jmur qed taffettwalna ħajjitna. Ekonomija globalizzata tista’ ġġib magħha teknoloġiji aħjar, aktar servizzi u oġġetti bi prezzijiet aktar baxxi, iżda dawn il-benefiċċji m’għandhomx ikunu għad-detriment tal-impjiegi fl-Ewropa. Fl-2015, l-industriji tal-kimika u taż-żejt tal-Estonja ntlaqtu sew mill-kompetizzjoni globali. Dan wassal għal sensji mifruxa, b’mod partikolari fir-reġjun ta’ Ida-Virumaa. Għal raġunijiet simili, mijiet ta’ ħaddiema tal-merċa fir-reġjun ta’ Tessalja fil-Greċja spiċċaw bla xogħol meta supermarket reġjonali falla.

L-UE ilha tgħin lill-ħaddiema Ewropej li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-globalizzazzjoni mill-2007. Fl-2016, l-Estonja u l-Greċja rċevew finanzjament mill-UE biex imexxu programmi ta’ taħriġ professjonali għal eluf ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensja. Skopri l-persuni li għenuhom jiżviluppaw ħiliet professjonali, isibu impjiegi ġodda u jerġgħu jiksbu l-kontroll tal-futur tagħhom.

Nagħmlu t-tranżizzjoni: Kif l-UE qed tgħin lill-ħaddiema jakkwistaw ħiliet għal ekonomija li qed tinbidel

Il-globalizzazzjoni ġġib magħha ħafna opportunitajiet. Madankollu dan jista’ jwassal ukoll għal tnaqqis fil-pagi u telf ta’ impjiegi. Huwa għalhekk li l-UE qed taħdem mal-pajjiżi Ewropej biex tgħin lill-ħaddiema jitgħallmu ħiliet ġodda u jsibu impjieg f’dinja li qed tinbidel.

Skrollja biex tkompli

Bistra Valchanova

Bulgara, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea

Il-Belġju

“Ekonomija aktar globalizzata għandha t-tajjeb tagħha, iżda din m’għandhiex tiswa lill-Ewropej l-impjiegi tagħhom.” 

“It-tim tiegħi jirrevedi l-applikazzjonijiet ta’ finanzjament minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea kollha. Nagħtu ħarsa lejn il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ta’ impjieg tal-pajjiż, filwaqt li nieħdu nota tas-setturi li ntlaqtu minn ħafna sensji. Pajjiżi miż-żona Ewro jistgħu japplikaw għal finanzjament mill-UE biex jiġi pprovdut taħriġ u pariri lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kompetizzjoni globali jew kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi. Aħna qegħdin hawn, flimkien mall-pajjiżi Ewropej, biex nappoġġjaw dawn il-ħaddiema fit-tranżizzjoni tagħhom għal impjiegi ġodda.”

“In-nies l-aktar li jgħoddu, u l-UE tgħin biex jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għalihom.”

 - Bistra Valchanova

Annika Sepp

Id-dipartiment tal-impjiegi, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali

L-Estonja

“Fl-2016, tlabna fondi tal-UE biex niġġieldu kontra livelli għoljin ta’ qgħad fir-reġjun ta’ Ida-Virumaa, b’mod partikolari s-setturi li ntlaqtu ħażin mill-kompetizzjoni globali.”

“Bil-finanzjament tal-UE, introduċejna programm li ma kienx jeżisti qabel fl-Estonja. Mill-2016 sal-2018, tajna appoġġ lil 124 persuna li kienu jaħdmu fis-setturi tal-enerġija, taż-żejt u tal-kimika biex ikomplu l-istudji vokazzjonali jew bl-edukazzjoni għolja tagħhom. Kellhom l-opportunità biex jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom jew li jitgħallmu ħiliet ġodda għal impjieg ġdid. Ridna ngħinuhom isiru aktar kompetittivi fis-suq tax-xogħol reġjonali. Issa qed napplikaw l-esperjenza tagħna f’Ida-Virumaa għal proġetti ta’ taħriġ simili fl-Estonja kollha.”

“Bis-saħħa tal-finanzjament tal-UE, sibna modi ġodda biex innaqqsu l-qgħad nazzjonali.”

 - Annika Sepp

Marina Platanaki

Id-dipartiment tal-Impjiegi u l-Ekonomija Soċjali, il-Ministeru tax-Xogħol

Il-Greċja

“Nissorvelja d-distribuzzjoni tal-fondi li l-Greċja tirċievi mill-UE biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika. Nitkellem ma’ servizzi pubbliċi oħra u ma’ organizzazzjonijiet fil-Greċja kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja f’setturi speċifiċi. Huwa importanti li jinkiseb finanzjament għal proġetti li jgħinu direttament lill-komunitajiet li jbatu l-aktar mit-telf tal-impjiegi.” 

“Jien niltaqa’ wkoll b’mod regolari mas-servizzi ta’ impjieg reġjonali u ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema biex niżgura li l-finanzjament tal-UE qed jintuża b’mod ġust u xieraq.”

“Fl-UE, aħna protetti minn xibka ta’ sikurezza li tgħin biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ impjieg lokali u reġjonali.”

 - Marina Platanaki

Paspalas Ioannis

L-Istitut Nazzjonali tax-Xogħol u tar-Riżorsi Umani

Il-Greċja

“Bil-fondi tal-UE, l-għan tagħna kien li l-557 ħaddiem bla xogħol jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol. Sal-2015, dawn il-ħaddiema kollha kienu qed jaħdmu fil-Larissa Supermarket, kooperattiva ta’ ħwienet tal-merċa fir-reġjun ta’ Tessalja u ditta lokali mill-1986. Dawn kellhom jitilqu wara li l-kooperattiva falliet.”

“Minn Lulju 2017 sa Frar 2018, ex impjegati ta’ Larissa ħadu sehem f’korsijiet ta’ taħriġ, immexxija minn tmien servizzi ta’ impjieg reġjonali, diversi istituti ta’ tagħlim u tim ta’ coaches personali ċċertifikati. Il-coaches taw pariri lill-parteċipanti dwar l-applikazzjoni għall-impjiegi, it-tekniki tal-intervisti, jew saħansitra dwar kif jistgħu jiftħu l-ħanut jew in-negozju tagħhom.”

“Il-proġett tagħna spiċċa 6 xhur ilu. Kważi nofs il-parteċipanti kollha diġà sabu impjiegi ġodda, u 13 minnhom fetħu n-negozji tagħhom stess.”

 - Paspalas Ioannis

Ourania Koutrouvi

Il-Prefettura ta’ Larissa f’Tessalja

Il-Greċja

“Jien ħdimt mal-Larissa Supermarket għal 17-il sena bħala skrivan tal-bejgħ u tal-inventarju. Wara li kelli nitlaq, bdejt programm ta’ taħriġ vokazzjonali ma’ ex ħaddiema oħra f’Lulju 2017. Fil-bidu kellna nħejju pjan individwali għall-għanijiet tal-karriera u t-tip ta’ kors li għandna nieħdu. Illum qed naħdem għall-prefettura f’settur kompletament differenti minn qabel: il-prevenzjoni tan-nirien u l-protezzjoni tal-ekosistemi nazzjonali.” 

“Il-ħiliet il-ġodda tiegħi ppermettewli nibda karriera ġdida.”

 - Ourania Koutrouvi

Kont taf?

Is-solidarjetà fi kriżi

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) jappoġġja ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet ekonomiċi barra mill-kontroll tagħhom. Filwaqt li jgħin lill-ħaddiema jsibu impjieg, il-Fond jgħin ukoll lir-reġjuni Ewropej li għandhom rati għoljin ta’ sensji u effetti negattivi oħrajn tal-globalizzazzjoni. Madankollu, il-FEG jappoġġja b’mod strett lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja. Mhux imfassal biex iżomm il-kumpaniji fin-negozju jew biex jagħmilhom aktar kompetittivi f’suq globali.

150,000

In-numru ta’ ħaddiema li, wara li tilfu xogħolhom b’mod mhux mistenni, ġew megħjuna mill-finanzjament tal-UE mill-2007. Il-fond ta’ globalizzazzjoni jgħin ukoll lil 4,100 żagħżugħ (bejn 15 u 29 sena) jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu.

56,000 impjieg fl-SMEs u fil-mikrointrapriżi

Għalkemm is-sensji f’intrapriżi iżgħar ikollhom inqas kopertura mill-media, dawn il-ħaddiema huma daqstantieħor importanti. Mill-2007 ’l hawn, il-FEG ġie mmobilizzat 78 darba b’appoġġ għal ħaddiema minn SMEs u mikrointrapriżi. Biex jibbenefikaw mill-Fond, l-SMEs għandhom joperaw fl-istess settur u jkunu jinsabu fl-istess reġjun jew f’żewġ reġjuni kontigwi.

60%

Il-perċentwal ta’ spejjeż koperti mill-UE permezz tal-FEG. Dawn il-fondi jmorru biex jgħinu lill-pajjiżi tal-UE jniedu proġetti ta’ impjieg b’tul ta’ żmien ta’ sentejn.

160

In-numru ta’ drabi li l-fondi ġew mobilizzati wara talbiet minn pajjiżi differenti tal-UE mill-2007 ’l hawn. In-numru ta’ proġetti u setturi involuti jvarja minn pajjiż għal ieħor.

MIN HUMA L-EROJ L-OĦRA LI JIPPROMWOVU S-SOLIDARJETÀ FL-EWROPA?

Xi wħud għandu mnejn ġejjin minn pajjiżek.

Jeżisti network ta’ eroj lokali, li nħoloq permezz tal-UE, li jaħdmu flimkien biex jgħinu jingħelbu problemi soċjali bħall-faqar, il-prattiki kummerċjali dannużi, is-sensji u ħafna aktar. Minn assistenti soċjali għal uffiċjali ta' kontra n-nar, u esperti fil-kummerċ sa investigaturi tal-pulizija, skopri kif l-UE tappoġġja lill-eroj lokali f’pajjiżek.