EU PROTECTS > Is-Soċjetà Tagħna > Il-ħarba mill-faqar enerġetiku: Kif l-UE qed tiżgura li l-familji ma jitħallewx barra fil-kesħa

“Issa għandna dar sħuna għall-familja li qed tikber tagħna u m’għadniex ristretti b’kontijiet estremament għoljin tal-enerġija. Dan kien possibbli bis-saħħa tar-rinnovazzjonijiet iffinanzjati mill-UE.”

Robertas Marcinkevičius

Fl-UE kollha, 50 miljun familja qed jgħixu fil-faqar enerġetiku. Xi wħud m’għandhomx aċċess għal enerġija affordabbli, filwaqt li oħrajn jgħixu f’bini antik li ma jistax jissaħħan faċilment. Ħafna qed jgħixu mingħajr dawl, tagħmir, tisħin u aċċess għal faċilitajiet tat-tisjir – affarijiet ta’ kuljum li ħafna minna jieħdu bħala fatt. F’dawn il-kundizzjonijiet ta’ għajxien ħżiena, in-nies għandhom probabbiltà akbar li jiżviluppaw problemi respiratorji, isofru minn mard tal-qalb u jkollhom problemi ta’ saħħa mentali. 

Iżda l-faqar enerġetiku jaffetwana lkoll, u mhux biss lill-persuni li jgħixu f’dawn il-kundizzjonijiet. L-enerġija żejda li tintuża biex issaħħan djar qodma u ineffiċjenti għandha effett serju fuq l-ambjent u tikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima. Billi żżid l-għarfien u tipprovdi self bi mgħax baxx, l-UE qed tgħin lin-nies joħolqu djar aktar sħan u iżolati, tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija u ttejjeb is-soċjetà li ngħixu fiha.

Il-ħarba mill-faqar enerġetiku: Kif l-UE qed tiżgura li l-familji ma jitħallewx barra fil-kesħa

Fl-UE kollha, ħafna familji qed iħabbtu wiċċhom mal-ispejjeż tal-enerġija. Xi wħud ma jistgħux isaħħnu darhom b’mod adegwat, u dan jaffettwa s-saħħa, il-benesseri u l-kapaċità tagħhom li jaħdmu. L-UE tiffinanzja proġetti li qed jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku – kif esperjenzat familja fil-Litwanja.

Skrollja biex tkompli

Robertas Marcinkevičius

Spiżjar

Il-Litwanja

“Aħna ngħixu fis-sular ta’ fuq nett, għalhekk kien partikolarment importanti li jiġi rinnovat is-saqaf – dan huwa fejn normalment taħrab ħafna sħana. Tejjibna wkoll il-pajpijiet qodma tat-tisħin fil-bini. Biddilna l-bibien tal-gallarija bi ħġieġ doppju u iżolajna l-ħajt minn fuq barra, biex iżomm is-sħana. Dan kollu kien possibbli bis-saħħa tal-finanzjament mill-Programm ta’ Rinnovazzjoni tal-UE.”

“Issa għandna kundizzjonijiet eċċellenti. Il-bini huwa aktar sħun u l-familji żgħażagħ qed iġorru hawn.”

 - Robertas Marcinkevičius

Vladzė Prunskienė

UAB Druskininkų butų ūkis, organizzazzjoni ta’ manutenzjoni tad-djar

Il-Litwanja

“Fi Druskininkai, belt fil-Litwanja, ħafna bini nbena qabel l-1960 – il-ħitan, it-twieqi u l-bibien ma kinux iżolati, u l-faċċati u l-appoġġi tal-bini kienu f’kundizzjoni ħażina ħafna.”

“L-organizzazzjoni tagħna għandha l-għan li ttejjeb u ssewwi l-blokok ta’ appartamenti biex tagħmel il-ħajja aktar pjaċevoli għan-nies li jgħixu fihom. Applikajna għal self mill-UE f’isem 5,000 familja li jgħixu fi blokok ta’ appartamenti – inkluż dak ta’ Robertas. Is-self medju disponibbli għal kull appartament kien ta’ €9,000.”

“Aħna smajna t-tħassib tas-sidien tad-djar f’dan il-bini antik u tkellimna magħhom dwar il-manutenzjoni u r-rinnovazzjoni.”

 - Vladzė Prunskienė

Alexander Antonyuk

Brittaniku, il-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Lussemburgu

“Bħala ekonomista tal-enerġija, jiena ngħin fl-għażla tal-proġetti tal-enerġija li se jirċievu finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Inżur is-siti, naħdem mill-qrib mal-maniġers tal-proġett u nimmonitorja l-impatt. Eżempju tajjeb kien il-bini ta’ terminal tal-gass fil-Litwanja, li naqqas il-prezz tal-importazzjonijiet tal-enerġija b’25% u temm id-dipendenza tal-pajjiż fuq fornitur wieħed. Dan għamel is-sistema irħas u aktar affidabbli għal kulħadd. Aħna nipprovdu madwar €13-il biljun fis-sena f’self għal proġetti ta’ faqar enerġetiku fl-UE kollha, inkluż fil-Litwanja. Dan għandu impatt kbir fuq il-ħajja tan-nies. F’reġjun partikolari, in-nies li jgħixu fil-faqar enerġetiku kienu qed jixtru ż-żejt tat-tisħin bil-galluni f’sistema ta’ pay-as-you-go. Dan kien iqum ħafna flus, iżda ma kellhomx mod ieħor kif isaħħnu djarhom. Iffinanzjajna infrastruttura ġdida li twassal il-gass direttament fi djarhom. Huwa irħas, dejjem disponibbli, u aktar favur l-ambjent.”

“Għandi wieħed mill-aħjar impjiegi fl-Ewropa f’termini ta’ kontribuzzjoni li nagħti lis-soċjetà. Nista’ nara l-impatt reali tanġibbli tal-proġetti tal-enerġija fuq l-ekonomija u fuq ħajjet in-nies.”

 - Alexander Antonyuk

 

Prof Stefan Bouzarovski

Brittaniku, Grieg, ċittadin tar-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, L-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE

Ir-Renju Unit

“Jiena nissorvelja l-Osservatorju tal-Unjoni Ewropea dwar il-Faqar Enerġetiku, inizjattiva tal-UE li tlaqqa’ gruppi ta’ riċerka, universitajiet u organizzazzjonijiet oħra biex jinstabu soluzzjonijiet għall-faqar enerġetiku fl-Ewropa kollha.”

“Bħal pajjiżi Ewropej oħra, il-Litwanja qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi kbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-faqar enerġetiku, bħar-regolamentazzjoni fi ħdan is-settur tal-enerġija u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Iżda l-Osservatorju joffri taħriġ u riżorsi biex il-problema ssir viżibbli għall-awtoritajiet. Id-data tagħna tista’ tintuża biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problema u biex in-nies joħorġu mill-faqar enerġetiku.”

 

“Il-faqar enerġetiku jaffettwana lkoll – dan għandu implikazzjonijiet għas-soċjetà u l-ekonomija kollha tagħna.”

 - Prof Stefan Bouzarovski

Sam Nierop

Navigant, konsulenza dwar l-enerġija u l-klima

In-Netherlands

“Naħdem għal Navigant, konsulenza dwar l-enerġija u waħda mis-sħab li jiffurmaw l-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE. Ħloqna bażi tad-data ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-faqar enerġetiku fil-pajjiżi kollha tal-UE sabiex inkunu nistgħu nindirizzaw il-problema flimkien.”

“Aħna niġbru wkoll informazzjoni dwar skemi differenti biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku fil-pajjiżi Ewropej.”

“Aħna responsabbli mill-ġbir u nixxerjaw l-għarfien dwar il-faqar enerġetiku. Irridu nippubblikaw riżorsi utli fuq pjattaforma mifruxa mal-UE kollha.”

 - Sam Nierop

Kont taf?

50 miljun

L-għadd ta’ familji li jgħixu fil-faqar enerġetiku.

1 minn 10

Ewropew ħalsu l-kontijiet tad-dawl tagħhom tard fl-2016.

11%

tal-popolazzjoni tal-UE ma setgħux iżommu darhom sħuna biżżejjed fl-2016.

2009

Is-sena li tiġġieled kontra l-faqar enerġetiku issemmiet għall-ewwel darba fil-leġiżlazzjoni tal-UE, li tirrikjedi lill-pajjiżi tal-UE jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni biex jindirizzaw il-problema.

L-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE (EPOV)

huwa ġabra vasta ta’ għarfien, data u kuntatti dwar il-faqar enerġetiku fl-UE kollha u tagħti viżibbiltà lill-problema.

52,000

L-ammont ta’ djar li ġew rinnovati bis-saħħa tal-fondi tal-UE fil-Litwanja kollha.

MIN HUMA L-EROJ L-OĦRA LI JIPPROMWOVU S-SOLIDARJETÀ FL-EWROPA?

Xi wħud għandu mnejn ġejjin mill-pajjiż tiegħek.

Jeżisti network ta’ eroj lokali, li nħoloq permezz tal-UE, li jaħdmu flimkien biex jgħinu jingħelbu problemi soċjali bħall-faqar, il-prattiki kummerċjali dannużi, il-frodi tal-kards ta’ kreditu u ħafna aktar. Minn investigaturi tal-pulizija għal piloti, u esperti fil-kummerċ sa staff mediku, skopri kif l-UE tappoġġja lill-eroj lokali f’pajjiżek.