EU PROTECTS > Is-Soċjetà Tagħna > Il-Bini ta’ Pedamenti: Kif l-UE qed tgħin biex jitkisser iċ-ċiklu tal-faqar

"Issa li għandi impjieg u l-appartament tiegħi, finalment nista’ nagħmel pjanijiet għall-futur."

Jaroslav Reiber

Fl-Ewropa, aktar minn 113-il miljun persuna jesperjenzaw jew huma f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. Huma jiffaċċjaw il-qgħad, kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni inferjuri u l-inkwiet imminenti li mhumiex se jkunu jistgħu jkampaw minn paga għal oħra. 

L-UE tappoġġja lil awtoritajiet lokali, lil assoċjazzjonijiet u karitajiet oħra li jipprovdu l-għajnuna lil dawn fil-bżonn. B’dan l-appoġġ, assoċjazzjoni ta’ riabilitazzjoni soċjali fir-reġjun Ústí, Ċekja, tgħin lil nies bla edukazzjoni jew bla dar permanenti biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom. B’dan il-mod Jaroslav Reiber tħarreġ biex ikun mastrudaxxa, wara li qatta’ ħafna mill-ħajja adulta tiegħu jipprova jsib impjieg. Fl-Irlanda, proġett ta’ donazzjonijiet ta’ ikel iffinanzjat mill-UE jgħaqqad lil karitajiet u lil distributuri tal-ikel biex joffru ikliet bnini lil familji fil-bżonn. 

Jaroslav u Marie jitfgħu dawl fuq l-isforzi tal-UE biex tgħin biex jinqered il-faqar.

Il-Bini ta’ Pedamenti: Kif l-UE qed tgħin biex jitkisser iċ-ċiklu tal-faqar

Il-qgħad, in-nutrizzjoni ħażina, il-problemi ta’ persuni mingħajr dar - il-faqar fil-forom differenti tiegħu jaffettwaw ħafna familji għal ġenerazzjonijiet sħaħ. L-UE qed taħdem fuq livell lokali biex issaħħaħ il-ħidma tas-servizzi nazzjonali, tal-assistenti soċjali u tal-voluntiera, bil-għan li jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali mal-Ewropa kollha.

Skrollja biex tkompli

Andriana Sukova

Bulgara, Dipartiment tax-Xogħol, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, Kummissjoni Ewropea

Il-Belġju

"Id-dipartiment tagħna juża l-fondi tal-UE biex jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar. Din tvarja minn bini ta’ ċentri tal-kura ta’ kuljum għat-tfal, biex il-ġenituri jkunu jistgħu jmorru lura għax-xogħol, sal-organizzazzjoni ta’ taħriġ fl-iżvilupp tal-ħiliet f’setturi u f’pajjiżi differenti. Bi sħubija mill-qrib ma’ pajjiżi Ewropej, aħna nipprovdu kollox minn ħtiġijiet materjali bażiċi, bħal ħwejjeġ u rifuġju, sa kolazzjon għat-tfal fl-iktar distretti foqra tal-Ewropa."

"Id-disponibilità ta’ xibka ta’ sigurtà għall-Ewropej kollha, hi għall-qalb l-UE - mhux biss bħala prinċipju, iżda fil-prattika."

- Andriana Sukova

Zuzana Thürlová

Assoċjazzjoni Jurta

Ċekja

"L-assoċjazzjoni tagħna għar-riabilitazzjoni soċjali tgħin lill-persuni jsibu impjieg u l-indipendenza - kemm jekk huma minn komunitajiet l-aktar fil-bżonn madwar l-ibliet jew fl-ibliet, kif ukoll jekk jgħixu b’diżabilitajiet fiżiċi jew intellettwali. Aħna nilħqu wkoll żgħażagħ f’foster care u li għalqu 18-il sena u m’għandhomx post fejn jibdew il-ħajja adulta tagħhom." 

"Il-korsijiet ta’ taħriġ personalizzat tagħna huma possibbli grazzi għall-appoġġ tal-UE. Huwa wkoll ta’ ispirazzjoni li titgħallem minn NGOs f’pajjiżi Ewropej oħrajn li qed jindirizzaw sfidi simili."

"Mis-60 persuna li jipparteċipaw fil-korsijiet ta’ taħriġ ta’ sentejn tagħna, 40 isibu impjieg u jżommuh."

- Zuzana Thürlová

Jaroslav Reiber

Assistent mastrudaxxa

Ċekja

"Ħames snin ilu kont qed ngħix f’dar għal persuni b’diżabilità; ma kellix xogħol u edukazzjoni. Bit-tim ta’ Jurta, inktibt fi programm tax-xogħol tal-injam. Huma għenuni wkoll insib impjieg, nidħol fl-appartament tiegħi u nibda nippjana futur mat-tfajla tiegħi."

"Għalkemm hu xogħol diffiċli, jiena kuntent nara lil sħabi fuq il-post tax-xogħol kuljum. Huma ħbieb ta' veru. B'salarju regolari, għandi l-libertà li nagħżel dak li niekol u dak li nixtri."

"Anki jekk il-ġurnata tax-xogħol tiegħi tibda fl-4:00, ma nerġax immur lura għall-ħajja li kelli qabel."

- Jaroslav Reiber

Ronan Harney

Dipartiment tal-affarijiet tal-impjiegi u tal-protezzjoni soċjali

L-Irlanda

"Fl-Irlanda, nużaw il-fondi Ewropej biex ngħinu lill-komunitajiet l-aktar vulnerabbli tagħna. Proġett partikolari, il-FoodCloud Hubs, jaħdem ma’ negozji u distributuri tal-ikel biex jakkwista ikel għall-karitajiet kollha mal-pajjiż kollu. Dan il-proġett mhuwiex iffokat biss biex jitma lill-familji fil-bżonn. Għall-produtturi Irlandiżi li jagħtu l-ikel lill-karitajiet, dan hu verament valur tajjeb għall-flus u jnaqqas ir-rimi tal-ikel."

"Wieħed minn kull ħdax-il persuna fl-Irlanda jesperjenza faqar ta ’l-ikel. Bl-għajnuna tal-UE, il-karitajiet fl-Irlanda qed jagħtu lill persuni fil-bżonn aċċess għal varjetà u kwalità ġdida ta’ ikel."

 - Ronan Harney

Marie Cronin

Voluntiera mas-Soċjetà ta’ San Vincenz De Paul

L-Irlanda

"Jiena nieħu ħsieb żona żvantaġġjata ta' Dublin imsejħa Cherry Orchard. Ilni voluntiera għal aktar minn 30 sena. Matul dawn is-snin, innutajt li l-familji li nżuru għandhom problemi ta' saħħa minħabba dieta ħażina. Għalhekk nedejna l-bank tal-ikel."

“Il-FoodCloud Hubs kienu straordinarji għaliex irrispondew b’mod perfett għall-ħtiġijiet tad-dieta tal-komunità, tal-ġenituri u tat-tfal tagħna. Issa nissupplixxu 150 familja b’pakkett tal-ikel kull ġimgħa u qed nistabbilixxu korsijiet tat-tisjir u tan-nutrizzjoni għall-ġenituri. Aħna nappoġġjaw ukoll klabb wara l-ħin tal-iskola fejn it-tfal ikunu jistgħu jieħdu platt sħun waqt li jagħmlu x-xogħol skolastiku tad-dar.”

"Permezz ta’ FoodCloud, il-karità tagħna tista’ tagħmel xogħolna aħjar."

- Marie Cronin

Kont taf?

113-il miljun

In-numru ta’ Ewropej f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, li 27% minnhom huma tfal.

43 miljun

In-numru ta’ persuni fl-Ewropa li jistgħu jaffordjaw biss ikla ta’ kwalità ġurnata iva u ġurnata le.

FEAD

Il-Fond Ewropew għal Għajnuna għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn jappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fl-għoti ta’ assistenza materjali, eż. ikel u ħwejjeġ lil dawk l-aktar fil-bżonn. Dan hu kkumplimentat minn miżuri ta’ inklużjoni soċjali u gwida biex jgħinu lill-persuni joħorġu mill-faqar.

370,000

It-tunnellati ta’ għajnuna f’ikel li tqassmu permezz ta’ FEAD fl-2017.

11-il miljun

L-għadd ta’ nies fl-Ewropa kull sena li jsibu impjieg, li jitgħallmu ħiliet u fl-aħħar mill-aħħar li jtejbu ħajjithom, grazzi għall-Fond Soċjali Ewropew.

LIEMA HUMA L-EROJ L-OĦRAJN LI JIPPROMWOVU S-SOLIDARJETÀ FL-EWROPA?

Xi wħud minnhom jista’ jkun li jiġu minn pajjiżek.

Ikkonnettjati ma’ xulxin permezz tal-UE, hemm netwerk ta’ eroj lokali li qed jaħdmu flimkien biex jgħinu fil-protezzjoni tagħna kontra problemi soċjali bħall-faqar, minn prattiki ta’ negozju dannużi, minn frodi ta’ karti ta’ kreditu u aktar. Minn ħaddiema soċjali għal uffiċjali tat-tifi tan-nar, minn esperti tan-negozju sa investigaturi tal-pulizija, skopri kif l-UE tappoġġja l-eroj lokali f’pajjiżek.