EU PROTECTS > Is-Sigurtà Tagħna > Intiru mingħajr biża’: Kif l-UE żżommna bla periklu meta naqbdu ajruplan

“Meta smajt li kkraxxja ajruplan, għidt bejni u bejn ruħi O Ġesù, O Ġesù.”

Dorothy Sophocleous

Fl-14 ta’ Awwissu 2005, it-titjira 522 tal-kumpanija Helios minn Ċipru tilfet il-pressjoni tal-kabina fi triqitha lejn Praga. Membru tal-ekwipaġġ irnexxielu jasal għand il-pilota u l-kopilota, li kienu inabilitati minħabba n-nuqqas ta’ ossiġenu, iżda kien tard wisq. Wara li baqa’ jtir għal kważi siegħa b’veloċità kostanti, dik li saret magħrufa bħala t-“titjira fantażma” waqgħet fl-art, u qatlet lill-121 ruħ kollha abbord.

L-investigazzjonijiet f'Helios Airways kixfu bosta żbalji fil-protokoll dwar is-sikurezza u l-ispezzjoni. Dan ġibed l-attenzjoni fuq il-kultura ta’ nuqqas ta’ sikurezza f’Helios kif ukoll għal linji tal-ajru low-cost oħrajn implikati fi kraxxijiet f’dawk iż-żminijiet. Wara d-diżastru, l-UE ħadet azzjoni deċiżiva biex tagħmel it-titjir fl-Ewropa aktar sikur u trasparenti. Illum, l-esperti tas-sikurezza tal-ajru, l-ispetturi u l-kontrolluri tat-twissijiet tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa kollha jinfurzaw l-istandards tal-UE dwar is-sikurezza tal-ajru, li qed iwaqqfu l-linji tal-ajru mhux sikuri milli jidħlu fl-ajru tagħna. 

Ara l-filmat

Intiru mingħajr biża’: Kif l-UE żżommna bla periklu meta naqbdu ajruplan

L-ajru Ewropew huwa fost l-aktar traffikuż fid-dinja. Huwa wkoll fost l-aktar sikur. Mit-tarmak tal-ajruport sal-kamra tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, l-UE qed tieħu passi biex ma tħallix lil-linji tal-ajru mhux sikuri milli jtiru fi kwalunkwe post fl-Ewropa u jpoġġu lill-passiġġieri fil-periklu.

Skrollja biex tkompli

EU Protects: Kif l-UE tgħinna ntiru bla periklu

Dorothy Sophocleous

Oħt passiġġier tat-titjira 552 ta’ Helios

Ċipru

“Oħti Polly kienet bniedma attiva ħafna. Dejjem tisma’ l-mużika, tivvjaġġa. Kienet taf xi trid fil-ħajja. Kellha ħafna pjanijiet – kienet dik it-tip ta’ persuna. It-teżi tagħha fl-università kienet attwalment dwar l-ivvjaġġar bl-ajru low-cost, u saħansitra semmiet lil Helios. Il-linja tal-ajru kienet tisħaq li tiffranka l-flus filwaqt li tkun dejjem bla periklu – li ovvjament ma kienx minnu. It-titjira li ħadet oħti telqet mingħajr ma saru l-kontrolli meħtieġa. Il-problema tal-pressjoni tal-kabina ma kinitx iċċekkjata.”

“L-affarijiet ma kinux ċari wara l-kraxx. Dak li tani l-iktar minn ġewwa hu li probabbilment Polly beżgħet ħafna.”

“Wara l-kraxx, il-familja tiegħi riedet ġustizzja. Ma ridniex li xi ħadd ieħor jgħaddi minn din it-telfa.”

 - Dorothy Sophocleous

Peter Bombay

Id-Dipartiment tat-Trasport u l-Mobbiltà, il-Kummissjoni Ewropea

Il-Belġju

“L-aċċident tat-titjira 522 ta’ Helios ġara minħabba li l-linja tal-ajru kienet ilha żmien twil tittraskura l-ispezzjonijiet ta’ sikurezza. Il-Lista tas-Sikurezza tal-Ajru nħolqot fis-sena tal-kraxx. Hija l-għodda tal-UE li tipprojbixxi linji tal-ajru mhux sikuri milli jtiru fl-Ewropa. Aħna naġġornaw il-lista darbtejn fis-sena, u kulħadd jista’ jsibha fuq l-Internet. Irridu li n-nies ikunu jafu dwar il-lista, u b’hekk ma jibbukkjawx ma’ linja tal-ajru laxka dwar is-sikurezza, bħalma kienet Helios.”

“Fl-Ewropa seħħew inqas kraxxijiet. Dan huwa marbut mal-Lista tas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE kif ukoll mal-progress fl-istandards tal-ispezzjonijiet tal-inġenji tal-ajru. Inġenju tal-ajru spezzjonat fl-Estonja jiġi spezzjonat bl-istess mod meta jinżel fi Spanja, fis-Slovakkja jew fi kwalunkwe post ieħor fl-Ewropa.”

“Is-sikurezza tal-ajru hija possibbli biss jekk l-esperti tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u l-linji tal-ajru jaħdmu id f’id.”

 - Peter Bombay

Gabriela Galambošová

Id-diviżjoni tal-Avjazzjoni Ċivili, l-Awtorità tat-Trasport

Is-Slovakkja

“Fi żminijiet tajbin kif ukoll diffiċli, kuljum nispezzjonaw ajruplani fl-ajruporti kollha fis-Slovakkja. Għandna lista ta’ kontroll ta’ 53 punt biex niżguraw li kull inġenju tal-ajru huwa sikur – mill-kabina tal-pilota sal-kabini tal-passiġġieri u tal-merkanzija.” 

“Ikollna spezzjonijiet fir-rampa bla intoppi. Iżda nistgħu nwaqqfu inġenju tal-ajru milli jtir jekk niskopru kwalunkwe kwistjoni ewlenija matul l-ispezzjoni jew jekk il-linja tal-ajru ma ssolvihiex immedjatament. Is-sejbiet kollha tagħna, u dawk minn pajjiżi Ewropej oħra, imorru fuq bażi tad-data tal-ispezzjonijiet tal-UE.”

“Aħna nagħmlu l-parti tagħna biex it-titjir ikun aktar sikur fl-Ewropa. Kuljum naffaċċjaw inġenju tal-ajru differenti b’dan l-għan f’moħħna.”

 - Gabriela Galambošová

Jeroen Jansen

Olandiż, l-Aġenzija tal-UE tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

Il-Ġermanja

“Jien nikkoordina l-programm ta’ spezzjoni fir-rampi tal-UE kollha. Bi klikk waħda, għandi aċċess immedjat għas-sejbiet ta’ sena sħiħa minn 13,000 spezzjoni fir-rampa fl-ajruporti fl-Ewropa kollha.”

“Meta nħarsu lejn is-sejbiet fid-dettall, nidentifikaw jekk hemmx problema b’operatur u nitolbu lill-kumpanija tal-ajru ssolvi l-kwistjoni. Jekk linja tal-ajru ma tagħmilx titjib, din tiġi investigata. Bħala l-aħħar alternattiva, aħna nissuġġerixxu li l-linja tal-ajru tiġi pprojbita milli ttir fl-ajru Ewropew.”

“L-għan aħħari huwa li jkollna għajnejna u widnejna miftuħin għal-linji tal-ajru f’kull kontinent, biex joperaw b’mod sikur fl-Ewropa u lil hinn minnha.”

 - Jeroen Jansen

Geert Lamsens

Eurocontrol – l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru

Il-Belġju

“Il-mentalità tal-linji tal-ajru b’mod ġenerali nbidlet biex issa tiffoka aktar fuq is-sikurezza. Għall-ewwel kellna ħafna titjiriet minn barra l-Ewropa, minkejja li kienu jinsabu fil-Lista tas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE. Issa, b’aktar minn 10 snin esperjenza, kważi qatt ma nsibu linji tal-ajru pprojbiti li jippruvaw jidħlu fl-Ewropa.”

“Maż-żmien, qed naraw kooperazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi kollha tal-UE dwar is-sikurezza tal-ajru.”

 - Geert Lamsens

Kont taf?

biljun

In-numru ta’ passiġġieri li vvjaġġaw bl-ajru fl-UE fl-2017.

53

In-numru ta’ affarijiet li għandhom jiġu kkontrollati fi spezzjoni fir-rampa – mil-liċenzji tal-pilota sat-tagħmir xieraq ta’ sikurezza fil-kabina tal-pilota u tal-passiġġieri.

13,156

In-numru ta’ spezzjonijiet fir-rampa mwettqa minn sħab tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni fl-2017.

1,380

In-numru ta’ operaturi tal-inġenji tal-ajru spezzjonati fl-2017.

115

In-numru ta’ linji tal-ajru attwalment ipprojbiti milli joperaw fl-UE, flimkien ma’ 6 linji tal-ajru li jistgħu jtiru lejn l-UE biss jekk jużaw tipi ta’ inġenji tal-ajru speċifiċi u approvati minn qabel.

Ajru Uniku Ewropew

Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-avjazzjoni tal-UE huwa li tiġi mmodernizzata l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa kollha taħt il-proġett tal-Ajru Uniku Ewropew (SES). Dan xi jfisser għat-titjiriet tal-futur? Aktar minn 3,000 espert li jaħdmu fl-Ewropa jridu jsibu teknoloġiji ġodda ta’ traċċar u modi kif itiru b’mod aktar rapidu, sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

MIN HUMA L-EROJ L-OĦRA LI JIPPREVJENU D-DIŻASTRI?

Xi wħud għandhom mnejn ġejjin minn pajjiżek.

Jeżisti network ta’ eroj lokali, li nħoloq permezz tal-UE, u li jaħdmu flimkien sabiex jipproteġuna mill-aċċidenti, id-diżastri, l-attività kriminali, l-effetti tat-tibdil fil-klima u ħafna aktar. Minn piloti sa spetturi tas-sikurezza, konservazzjonisti sa uffiċjali tad-dwana, skopri kif l-UE tappoġġja lill-eroj lokali f’pajjiżek.