EU PROTECTS > Is-Sigurtà Tagħna > Niddeċifraw il-kodiċi: Kif l-UE tipproteġi l-kompjuters tagħna miċ-ċiberkriminali

“F’daqqa waħda, ma stajtx naċċessa d-dokumenti, ir-ritratti jew il-mużika tiegħi. Ma stajt nidħol f’ebda fajl tal-kompjuter tiegħi!”

Sebastian Nicolau

X’tagħmel kieku l-fajls tal-kompjuter tiegħek f’daqqa waħda jisparixxu? Meta ċ-ċiberkriminali mmiraw il-kompjuter ta’ Sebastian, bagħtulu ultimatum: ħallas $1,200 inkella r-ritratti, id-dokumenti tax-xogħol u l-emails tiegħek kollha tista’ tinsihom. Il-kriminali jużaw software perikoluż, magħruf bħala “ransomware”, li jżomm il-fajls tal-kompjuter bħala ostaġġi bi skambju għall-flus. Fortunatament, Sebastian mar direttament għand il-pulizija, fejn l-esperti ċibernetiċi għenuh isolvi l-problema mingħajr ma jħallas ir-riskatt. 
 
L-UE tinsab fuq quddiem biex tipproteġi lil Sebastian – u vittmi oħra – kontra dan it-tip ġdid ta’ attività kriminali. Il-Europol jgħin lill-pulizija nazzjonali taqsam informazzjoni vitali dwar iċ-ċiberkriminalità bejn il-fruntieri tal-UE. Sadanittant, sit web appoġġjat mill-UE jgħin lill-vittmi ta’ dawn ir-reati jirkupraw il-fajls tal-kompjuter tagħhom mingħajr ma jħallsu sold.

Niddeċifraw il-kodiċi: Kif l-UE tipproteġi l-kompjuters tagħna miċ-ċiberkriminali

L-ispam, it-tniżżil ta’ software mhux mixtieq, il-viruses – iċ-ċiberkriminali lanqas biss hemm bżonn ikunu fl-istess post tal-vittmi tagħhom biex jikkawżaw ħsara fit-tul. Sir af dwar l-aġenzija tal-UE li għenet lill-pulizija Rumena u Olandiża taqbad network ta’ ċiberkriminali. Flimkien ma’ sit web kontra r-ransomware, l-UE qed tibgħat twissija qawwija lill-kriminali li jippruvaw jaħtfu l-kompjuters tagħna bi skambju għall-flus.

Skrollja biex tkompli

Sebastian Nicolau

Vittma tar-ransomware

Ir-Rumanija

“Kont qed nibbrawżja l-internet fuq il-laptop tiegħi meta telgħet pop-up li talbitni naġġorna s-software tal-kompjuter tiegħi. Għaxar minuti wara ma stajtx naċċessa l-emails tiegħi u ebda wieħed mill-fajls tiegħi. Messaġġ fuq l-iskrin talabni $1,200 bi skambju għal kodiċi biex niftaħ il-fajls tiegħi.”

“Tani estru, u kont se nħallas ir-riskatt. Imma ma ridtx inċedi. Ħadt il-laptop għand il-pulizija ta’ Bukarest. L-unità taċ-ċiberkriminalità tagħhom ikkonfermat li l-kompjuter tiegħi kien infettat bir-ransomware. Il-pulizija għenitni niddeċifra l-kodiċi tar-ransomeware u nġib lura 99% tal-fajls tiegħi.”

“Il-vittmi tar-ransomware jeħtieġ li jkunu jafu li jistgħu jirċievu l-għajnuna minnufih.”

 - Sebastian Nicolau

Catalin Zetu

L-unità Ċentrali taċ-Ċiberkriminalità, il-Pulizija Nazzjonali

Ir-Rumanija

“Għenna lil Sebastian jirkupra l-fajls tal-kompjuter tiegħu. Il-bieb tagħna huwa miftuħ għal kull min jisfa b’kompjuter infettat bir-ransomware, biex ma jkollhomx iħallsu lill-kriminali.”

“L-għan aħħari tagħna huwa dejjem li nressqu lil dawn il-kriminali quddiem il-ġustizzja. Mill-2016 sal-2017, kont parti minn investigazzjoni tar-ransomware ewlenija. Illokalizzajna l-kriminali fir-Rumanija, iżda kellna bżonn ta’ informazzjoni dwar il-vittmi fin-Netherlands u f’partijiet oħra tal-Ewropa. Il-Europol għenna nikkuntattjaw lill-kollegi Olandiżi tagħna, niġbru l-evidenza u eventwalment narrestaw iċ-ċiberkriminali.”

“Il-biċċa l-kbira tar-reati ċibernetiċi mhumiex limitati għal pajjiż wieħed biss. Mingħajr l-appoġġ tal-Europol, ma nkunux nistgħux insolvu dawn il-każijiet daqshekk malajr.”

 - Catalin Zetu

Catalin-Bogdan Badiu

Rumen, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, il-Europol

In-Netherlands

“Il-tim tiegħi jappoġġja l-investigazzjonijiet dwar iċ-ċiberkriminalità mmexxija minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi fl-UE u lil hinn minnha. Bdejna fl-2016, billi għenna l-pulizija Rumena u Olandiża tinvestiga sensiela ta’ attakki tar-ransomware. Is-software tar-ransomeware kien ġie żviluppat fir-Rumanija, u kien intuża biex jinfetta l-kompjuters fin-Netherlands u f’pajjiżi Ewropej oħra. Hekk kif il-każ mexa ’l quddiem, jien aċċertajt li l-pulizija Rumena u Olandiża kellhom l-informazzjoni kollha disponibbli dwar ir-ransomware speċifiku u l-grupp kriminali warajh. Konna saħansitra fuq il-post meta ġew arrestati fir-Rumanija.”

“Iċ-ċittadini mhumiex waħedhom fil-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi. Il-pulizija kollha fl-Ewropa qed taħdem kontra l-ħin biex il-kriminali jitressqu quddiem il-ġustizzja.”

 - Catalin-Bogdan Badiu

Petra Haandrikman

L-Unità tal-Kriminalità b’Teknoloġija Avvanzata, il-Pulizija Nazzjonali

In-Netherlands

“L-investigazzjoni tagħna fin-Netherlands ippuntat lejn kriminali fir-Rumanija. Bil-Europol bħala intermedjarju, ħdimna id f’id mal-kollegi Rumeni tagħna meta saru l-arresti fl-2017.”

“F’dik il-ħabta, iddeċidejna li noħolqu bażi tad-data internazzjonali bil-kodiċijiet tar-ransomware. Xi ftit vittmi tar-ransomware irnexxielhom jiżblukkaw il-kompjuters tagħhom b’dawn il-kodiċijiet, u offrew li jaqsmuhom magħna. Il-Europol għenna niksbu appoġġ minn timijiet taċ-ċiberkriminalità f’pajjiżi oħra tal-UE. Il-kumpaniji tas-sigurtà tal-IT għenu biex jinbena s-sit web.”

“Ir-ransomware qisu bħal virus tal-influwenza. Allura għaliex ma nlaqqmux kontrih b’dawn il-kodiċijiet?”

 - Petra Haandrikman

Francisco Luís

Portugiż, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, il-Europol

In-Netherlands

“Stabilixxejna sit web kontra r-ransomware bl-isem “No More Ransom” mal-pulizija Olandiża u l-kumpaniji tas-sigurtà tal-IT. Il-pulizija Rumena kienet waħda mill-ewwel imsieħba li ngħaqdet mal-pjattaforma online. Huma pprovdewlna decryption codes, li aħna użajniehom biex ngħinu lill-vittmi tar-ransomware.”

“Ridna nagħmlu dawn il-kodiċijiet disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web. S’issa, il-proġett tagħna għen biex jiżblokka ’l fuq minn 100,000 kompjuter infettati bir-ransomware.”

“Qed naħdmu ma’ aġenziji tal-infurzar tal-liġi u kumpaniji privati biex nagħmlu l-ħajja taċ-ċiberkriminali aktar diffiċli.”

 - Francisco Luís

Kont taf?

Ir-ransomware

Tip ta’ software li jikkripta l-fajls u dokumenti oħra fuq il-kompjuter, it-telefown ċellulari jew tagħmir ieħor tiegħek. Biex jaċċessawhom, il-kriminali jitolbuk tħallas riskatt bi skambju għal ċavetta ta’ dekriptar. B’mod kostanti l-kriminali qed jivvintaw forom ġodda ta’ ransomware, iżda qatt m’għandek tħallas u, minflok, itlob l-għajnuna mill-awtoritajiet.

L-Operazzjoni Bakovia

Investigazzjoni konġunta mwettqa mill-pulizija Rumena u Olandiża fl-2017, bl-appoġġ mill-esperti taċ-ċiberkriminalità tal-Europol. Grupp ta’ ċittadini Rumeni kienu suspettati li bagħtu ransomware (miksub mid-Dark Net) lil aktar minn 170 vittma fl-Ewropa.

50,000

In-numru totali ta’ vittmi tar-ransomware bejn Jannar u Frar 2018. Għas-sena kollha, in-numru ta’ vittmi huwa ta’ mill-inqas 600,000 globalment.

No More Ransom

Is-sit web No More Ransom tnieda fl-2016 fuq inizjattiva tal-pulizija tan-Netherlands, iċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol, McAfee u 129 sieħeb fid-dinja kollha. L-għan tiegħu huwa li joffri lill-vittmi ċ-ċwievet ta’ dekriptar u suġġerimenti dwar il-prevenzjoni tar-ransomware, kif ukoll li jinfurmahom dwar kif għandhom jirrapportaw reat ta’ ransomware.

€22 miljun

L-ammont ta’ flus li ma daħlux fil-bwiet tal-kriminali mill-2016 ’l hawn, bis-saħħa tal-għodod tad-dekriptar ta’ No More Ransom.

79,000

In-numru ta’ vittmi tar-ransomware madwar id-dinja li rnexxielhom jiddekriptaw il-fajls tagħhom bis-saħħa ta’ No More Ransom.

MIN HUMA L-EROJ L-OĦRA FIL-ĠLIEDA KONTRA L-ATTIVITÀ KRIMINALI?

Xi wħud għandu mnejn ġejjin minn pajjiżek.

Jeżisti network ta’ eroj lokali, li nħoloq permezz tal-UE, li jaħdmu flimkien biex jipproteġuna mit-traffikar tad-drogi, ir-radikalizzazzjoni, l-attakki ċibernetiċi u aktar. Minn investigaturi tal-pulizija sa piloti, esperti fil-kummerċ sa staff mediku, skopri kif l-UE tappoġġja lill-eroj lokali f’pajjiżek.