EU PROTECTS > Saħħitna > Ġewż u ikel ieħor: Kif l-UE tipproteġi liċ-ċittadini minn ingredjenti tal-ikel perikolużi

“Binti tbati minn allerġija għall-karawett serja ħafna. Tista’ tmut jekk ma nkunx taf l-ingredjenti fl-ikel tagħha.”

Daniela Halm

Bint Daniela ġiet djanjostikata b’allerġija severa għall-karawett meta kellha 3 snin. Minn dakinhar, Daniela dejjem kellha toqgħod attenta għal dak li tiekol bintha. Bis-saħħa tar-rekwiżiti fl-UE kollha, Daniela tista’ sserraħ rasha li l-ħwienet u r-ristoranti jelenkaw kwalunkwe ingredjent allerġiku, bħall-karawett, fuq it-tikketti tal-ikel. Ir-regoli tal-UE jipproteġu wkoll lil bint Daniela minn kumpaniji li jippruvaw ibigħu ikel mhux sikur fis-suq Ewropew. Dan kien il-każ fl-2016, meta l-awtoritajiet tal-ikel Awstrijaċi u Ġermaniżi skoprew lott dqiq tal-ġellewż kontaminat mill-karawett. Biex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda periklu għal dawk li jbatu minn allerġija għall-karawett, l-Awstrija u l-Ġermanja avżaw lill-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE. Permezz tas-sistema ta’ twissija tal-UE, l-ispetturi tal-ikel żguraw li l-prodott mhux sikur jitneħħa mis-supermarkets Ewropej kollha. 

Ir-rekwiżiti tat-tikkettar tal-ikel u t-twissijiet ta’ ikel perikoluż huma żewġ ingredjenti essenzjali tar-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel. Iżda l-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini hija possibbli biss permezz tad-dedikazzjoni bla heda tal-esperti u l-investigaturi li japplikaw dawn ir-regoli f’kull pajjiż Ewropew.

Ġewż u ikel ieħor: Kif l-UE tipproteġi liċ-ċittadini minn ingredjenti tal-ikel perikolużi

Jekk tbati minn allerġija tal-ikel, biżżejjed tnaqqar xi ħaġa b’ingredjent ħażin biex tibqa’ taħtha. Sir af dwar is-sistema Ewropea tat-tikkettar tal-ikel li qed tgħin lill-familji li jittrattaw mal-allerġiji tal-ikel jgħixu ħajja normali u b’saħħitha. Imbagħad, ara kif dawn ir-regoli għaddew minn prova diffiċli meta l-Ġermanja u l-Awstrija skoprew il-karawett f’lott pasti. Bis-saħħa ta’ dawn is-salvagwardji kollha, il-konsumaturi Ewropej jistgħu jixtru u jieklu mingħajr ma jinkwetaw dwar x’jista’ jkun hemm fl-ikel tagħhom.

Skrollja biex tkompli

Daniela Halm

Il-Ġermanja

“Binti issa għandha 16-il sena, u ilha kważi ħajjitha kollha tbati minn allerġija serja għall-karawett. Niftakar l-ewwel darba li daqet il-karawett. Kienet sitwazzjoni tal-biża’, il-ġilda mtliet infafet ħomor u bdiet tirremetti.”

“Għal familja bħal tiegħi, ix-xirja dejjem kienet toħdilna ħafna ħin, għaliex dejjem kelli noqgħod attenta għat-tikketti u nara li l-ikel ma fihx karawett. Skont ir-regoli tal-UE dwar it-tikkettar tal-ikel, l-imballaġġ tal-ikel irid jelenka b’mod ċar l-ingredjenti, inklużi l-allerġeni b’ittri grassi. Dan jagħmilha ferm aktar faċli biex ikolli fiduċja fl-ikel li nixtri. Sew jekk fil-Ġermanja u sew jekk f’vaganza tal-familja fl-Italja jew fl-Iżvezja, ninsabu ċerti li nsibu l-istess tikketti tal-allerġiji kullimkien fl-Ewropa. Madankollu, jista’ jsir aktar biex dan jiġi mmonitorjat u biex il-konsumaturi jiġu avżati b’ingredjenti allerġeniċi mhux intenzjonati.”

“Aħna bħala l-konsumaturi Ewropej, irridu nkunu nafu eżattament x’fih l-ikel li nieklu.”

 - Daniela Halm

Dr Dominique Turck

Espert tan-nutrizzjoni, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

Franza

“Għal xi persuni li jbatu mill-allerġiji, inqas minn milligramma tal-ikel il-ħażin tista’ twassal għal mard serju jew saħansitra l-mewt. Jien pedjatra speċjalizzat fl-allerġiji tal-ikel.”

“Minbarra l-pazjenti tiegħi, nagħti pariri lill-awtorità tal-UE dwar is-sigurtà fl-ikel dwar liema ikel huwa sikur għall-konsumaturi Ewropej. Inwieġeb ukoll mistoqsijiet dwar it-tikkettar obbligatorju tal-allerġeni tal-ikel. Jekk kumpanija tkun trid tbigħ prodott fl-Ewropa, it-tikketta trid tinkludi informazzjoni dwar l-allerġiji bħall-ġewż, il-ħut u l-bajd – li huma kollha fuq lista tal-14-il allerġen l-aktar komuni fl-Ewropa.”

“L-ewwel linja tas-sikurezza tal-ikel tagħna tinsab fis-supermarkets. Hu għalhekk li t-tikketti tal-ikel jeħtieġ li jipprovdu biżżejjed twissijiet għal min ibati mill-allerġiji.”

 - Dr Dominique Turck

Dr Elena Cubero-León

Spanjola, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Belġju

“Irridu li dawk li jbatu minn allerġija jkollhom fiduċja fit-tikketti fuq l-ikel magħmul fl-UE jew importat minn barra. Aħna niżguraw li l-kumpaniji tal-ikel fl-UE jittestjaw għall-allerġiji bl-istess mod u jużaw l-istess terminoloġija u unitajiet ta’ kejl fuq it-tikketti tal-ikel tagħhom. Għal din ir-raġuni, aħna stabbilixxejna wkoll network ta’ laboratorji għall-kontroll tal-ikel biex jiġu ttestjati prodotti tal-ikel suspettużi f’kull pajjiż tal-UE.”

“Il-konsumaturi Ewropej huma protetti sew bis-saħħa ta’ regoli stretti dwar it-tikkettar tal-allerġiji u twissijiet dwar is-sikurezza tal-ikel fl-UE kollha.”

 - Dr Elena Cubero-León

Dr Jan Hoffbauer

L-Uffiċċju Federali għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u s-Sikurezza Alimentari

Il-Ġermanja

“Aħna nagħmlu l-parti tagħna biex l-ikel ikun sikur billi nispezzjonaw l-imballaġġ tal-ikel għall-allerġeni, il-batterji li jagħmlu l-ħsara bħas-Salmonella u ingredjenti oħra perikolużi jew mhux awtorizzati. Niddependu mill-kooperazzjoni eċċellenti ma’ pajjiżi Ewropej oħra. Fl-2016, xi ħadd fl-Awstrija b’allerġija għall-karawett kellu reazzjoni wara li kiel pasta minn forn lokali. Il-kollegi Awstrijaċi tagħna sabu li d-dqiq tal-ġellewż fil-pasta kien fih ammont kbir ta’ karawett, li ma kienx imsemmi fuq it-tikketta. Irriżulta li d-dqiq kien inbiegħ minn kumpanija Ġermaniża.”

“Minnufih neħħejna d-dqiq tal-ġellewż mis-suq Ġermaniż u avżajna lill-awtoritajiet tal-ikel fil-pajjiżi Ewropej kollha permezz tas-sistema rapida ta’ twissija tal-ikel tal-UE. Iżda ssuspettajna li d-dqiq kontaminat bil-karawett ma kienx inċident. Wara dan, il-Kummissjoni Ewropea bdiet investigazzjoni kriminali fuq il-produttur Ġeorġjan tad-dqiq.”

“Kull sena nittrattaw madwar 4,000 twissija perikoluża dwar l-ikel, 400 minnhom fil-Ġermanja biss. Bis-saħħa tal-kooperazzjoni tal-UE, nistgħu niskambjaw l-informazzjoni malajr.”

 - Dr Jan Hoffbauer

Jan Baele

Id-dipartiment tas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kummissjoni Ewropea

Il-Belġju

“Is-sistema ta’ twissija rapida tal-UE għall-ikel tintuża biex jiġi evitat it-tixrid ta’ ikel perikoluż fis-suq Ewropew. Jekk pajjiż wieħed jidentifika kontaminazzjoni partikolari jew ikel perikoluż, aħna niżguraw li l-awtoritajiet tas-sikurezza tal-ikel fl-UE jkunu jistgħu jneħħu l-prodott mill-ħwienet.” 

“Aħna nieħdu dawn it-twissijiet b’serjetà kbira, anke jekk ikunu ġejjin minn persuna waħda biss jew jinvolvu doża żgħira ta’ ingredjent f’xi ikel. Is-sistema tagħna tas-sikurezza tal-ikel turi li l-UE hija l-aktar b’saħħitha meta naħdmu flimkien.”

“L-ikel fl-Ewropa qatt ma kien aktar sikur, bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn il-fruntieri li hija ċentrali għas-sistema ta’ twissija rapida tagħna.”

 - Jan Baele

Kont taf?

5 miljuni u aktar

Dan huwa n-numru ta’ nies fl-UE li jbatu minn allerġiji tal-ikel. Dan in-numru qed jiżdied.

14

In-numru ta’ allerġeni li jridu jiġu elenkati fuq it-tikketti tal-ikel fl-Ewropa. Dawn huma meqjusin bħala l-allerġeni l-aktar komuni u jinkludu l-ħalib, il-gluten, is-soja u l-ġewż.

3,832

It-twissijiet totali trażmessi permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) tal-UE fl-2017. Mill-1979 ’l hawn, is-sistema ppermettiet il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet tas-sikurezza tal-ikel, u issa qed tintuża fil-pajjiżi kollha tal-UE, in-Norveġja, il-Liechtenstein, l-Iżlanda u l-Iżvizzera. Bis-saħħa ta’ din is-sistema, prodotti tal-ikel frodulenti jistgħu jitneħħew mill-ħwienet qabel ma jikkawżaw ħsara lill-konsumaturi Ewropej.

114

It-total tat-twissijiet relatati ma’ allerġiji mibgħuta bis-sistema tal-UE fl-2017. Dawn it-twissijiet jistgħu jintbagħtu wkoll lill-pajjiżi kollha jekk dawn il-perikli jinsabu fil-kontenut tal-ikel jew fl-imballaġġ: pestiċidi, E.coli jew batterji oħra, metalli, injam jew ħġieġ, plastik, nitroġenu jew sustanzi kimiċi oħra.

MIN HUMA L-EROJ l-OĦRAJN LI QED JIPPROTEĠUNA MILL-PRODOTTI PERIKOLUŻI?

Xi wħud għandu mnejn ġejjin minn pajjiżek.

Jeżisti network ta’ eroj lokali, li nħoloq permezz tal-UE li jaħdmu flimkien biex jipproteġuna minn prodotti mhux sikuri, miċ-ċiberkriminalità, mill-mard rari u aktar. Minn uffiċjali tad-dwana sa monitors tas-sikurezza tal-prodotti, operaturi tas-satelliti u tobba, skopri kif l-UE tappoġġja lill-eroj lokali f’pajjiżek.