EU PROTECTS > Saħħitna > Inżommu r-ritmu: Kif l-UE qed tfejjaq il-qlub b’kura mill-aktar avvanzata

“Għall-ewwel darba, qalbi qed tħabbat normali. L-operazzjoni verament biddlet il-mod kif nara l-affarijiet.”

Pieter Kappelhof

Pieter, li għandu 54 sena, twieled b’kundizzjoni f’qalbu li kkawżat tnixxija f’wieħed mill-valvoli ta’ qalbu. Jitla’ t-taraġ, jiġri lejn l-istejġ ta’ tal-linja - anki l-aktar sforz minimu kien jifilġu. Sa ftit snin ilu, li jkollu valv ġdid tal-qalb kien ifisser li jkollu operazzjoni ta’ segwitu jew li jieħu l-mediċina għall-kumplament ta’ ħajtu. Madankollu, riċerka ġdida innovattiva - iffinanzjata mill-UE - ippermettiet lit-tobba li jissostitwixxu l-valv tal-qalb difettuż ta’ Pieter, u b’hekk seta’ jkollu ħajja b’saħħitha u attiva.

Sir af aktar dwar l-istorja ta’ Pieter u n-nies li ħadmu fuq approċċ ġdid biex iwasslu trattamenti mediċi aktar siguri u aktar effettivi lil pazjenti madwar l-Ewropa.

Inżommu r-ritmu: Kif l-UE qed tfejjaq il-qlub b’kura mill-aktar avvanzata

Ħafna minna nieħdu s-saħħa tal-qalb bħala xi ħaġa ovvja. Iżda din hi lussu għal ħafna nies li jbatu minn mard tal-qalb. Matul l-aħħar 6 snin, 2 provi kliniċi ffinanzjati mill-UE żviluppaw valv tal-qalb umana li jdum iservi aktar, li diġà tejjeb il-ħajja ta’ ħafna pazjenti madwar l-Ewropa.

Skrollja biex tkompli

Prof Axel Haverich

L-Iskola Medika ta' Hannover

Il-Ġermanja

“Filwaqt li r-riċerka tiegħi dwar it-trapjanti ta’ valvoli tal-qalb bdiet ħafna snin ilu, bl-appoġġ tal-UE, it-tim tiegħi ittestja teknika ġdida. Bdejna nneħħu ċ-ċelluli minn valvoli tal-qalb umana mogħtija b’donazzjoni. Kellna t-tama li dawn il-valvoli “deċellularizzati” jkollhom inqas ċans li jiġu rrifjutati mis-sistema immuni umana.”

“Aħna ppruvajna nittestjaw teknika ġdida ta’ trapjant ta’ valvoli tal-qalb. Spiċċajna għamilna skoperta sinifikanti.”

 - Prof Axel Haverich

Dr Ramadan Jashari

Il-Bank Ewropew tal-Omotrapjanti

Il-Belġju

“Aħna nippreparaw, nevalwaw, naħżnu u nqassmu l-valvoli umani lill-isptarijiet fil-Belġju u f’pajjiżi Ewropej oħra. Naħdmu mill-qrib mat-timijiet mediċi appoġġjati mill-UE li qed jistudjaw teknika ġdida tat-trapjanti li tinvolvi valvoli tal-qalb mogħtija b’donazzjoni. Qabel ma jmorru għand dawn it-timijiet, il-valvoli jiġu pproċessati minn banek tat-tessuti, bħal tagħna, u kkurati b’tekniki ġodda minn laboratorji speċjalizzati bħal Corlife.”

“Aħna nevalwaw il-valvoli tal-qalb li jkunu ngħataw b’donazzjoni li jintużaw fil-proġetti ffinanzjati mill-UE.”

 - Dr Ramadan Jashari

Nicolin Heister

Il-laboratorju Corlife

Il-Ġermanja

“Aħna nirċievu qlub mogħtija b’donazzjoni minn banek tat-tessuti bħall-Bank Ewropew tal-Omotrapjanti. Imbagħad inneħħu ċ-ċelluli mill-valvoli mogħtija b’donazzjoni. Il-proċess irid jibda fi żmien 100 siegħa minn meta l-qalb tieqaf tħabbat.”

“Taħt il-programm ta’ riċerka ffinanzjat mill-UE, kliniki mediċi magħżula qed jużaw il-valvoli pproċessati tagħna biex jittestjaw dan it-trapjant ta’ valv tal-qalb il-ġdid.”

“Meta nirċievu valv tal-qalb b’donazzjoni, ftit li xejn ikollna ħin biex nibdew il-proċess ta’ deċellularizzazzjoni.”

 - Nicolin Heister

Dr Marta Sitges

Klinika tal-Isptar ta' Barċellona

Spanja

“Il-klinika tiegħi fi Spanja hi parti minn studju pan Ewropew dwar il-valv tal-qalb, li jinvolvi kardjologi min-Netherlands, mill-Ġermanja, mill-Belġju, mir-Renju Unit u mill-Italja. Ħafna mill-pazjenti qed jirrispondu b’mod pożittiv ħafna.”

“Bil-valv il-ġdid, jistgħu jevitaw kumplikazzjonijiet tipikament assoċjati mal-valvoli li użajna s’issa.”

 

“Jiena nsegwi pazjenti li jipparteċipaw fil-provi kliniċi biex nara kemm il-valvoli jiffunzjonaw tajjeb wara l-operazzjoni.”

 - Dr Marta Sitges

Pieter Kappelhof

In-Netherlands

“Jien twelidt bi tnixxija fil-valv aortiku ta’ qalbi. Mingħajr trapjant tal-valv tal-qalb, kont f’riskju li jkolli anewriżmu-biex niftiehmu, tinqasam qalbek, u mbagħad tmut fi ftit minuti.”

“Jiena rċevejt il-valv fid-19 ta’ Ottubru 2017. U filwaqt li wara kien hemm xi kumplikazzjonijiet, issa nista’ niġri, naqdef kif ukoll nilgħab il-futbol maż-żewġ subien tiegħi.”

“Wara l-operazzjoni, m’għadnix inħossni limitat minħabba qalbi.”

 - Pieter Kappelhof

 

Kont taf?

65,000

In-numru ta’ valvoli tal-qalb li ġew sostitwiti fl-Ewropa kull sena biex tiġi kkurata l-marda tal-valv aortiku konġenitali jew akkwiżita.

Valv tal-qalb “ħieles miċ-ċelluli”

Valvoli deċellularizzati ġew żviluppati taħt l-istudju kliniku Ewropew għall-applikazzjoni ta’ valvoli aortiċi riġenerattivi (ESPOIR) u ttestjati fil-proġett ARISE, iffinanzjat mill-UE, għas-sostituzzjoni tal-valv aortiku. Dawn huma mistennija li jnaqqsu r-riskju ta’ rifjut tat-trapjant, u x’aktarx itawlu l-ħajja tal-pazjent.

2 proġetti ffinanzjati mill-UE, skoperta 1 transkonfinali

ESPOIR u ARISE laqqgħu flimkien riċerkaturi, kardjologi u kirurgi minn 7 pajjiżi Ewropej (il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju, in-Netherlands, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit u l-Moldova).

260

In-numru ta’ pazjenti li rċevew il-valv (deċellularizzat) il-ġdid fil-prova klinika mill-2012. Ladarba l-provi kliniċi jkunu lesti, il-valv tal-qalb il-ġdid ikun disponibbli fl-UE kollha. Din id-disponibilità tiddependi fuq id-deċiżjoni ta’ kull pajjiż kif ukoll fuq ir-regoli nazzjonali.

99%

Il-persentaġġ ta’ pazjenti bit-trapjant tal-valv tal-qalb il-ġdid li m’għandhomx bżonn operazzjoni ta’ sostituzzjoni. Il-kundizzjoni tagħhom se tkun immonitorjata mill-qrib matul l-10 snin li ġejjin.

€ 7.7 biljun

L-ammont ta’ fondi tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE li ntefqu fuq il-proġetti tas-Saħħa, tal-Bidla Demografika u tal-Benesseri għall-2014-2020. Barra t-trapjanti tal-valvoli tal-qalb, dawn il-fondi jmorru għand Hybrid Hearts, Active and Assisted Living, u aktar.

MIN HUMA L-EROJ LOKALI LI QED JIPPROTEĠU SAĦĦITNA?

Xi wħud minnhom jista’ jkun li jiġu minn pajjiżek.

Magħquda flimkien bis-saħħa tal-UE, hemm netwerk ta’ eroj lokali li qed jaħdmu flimkien biex jipproteġuna mit-theddid għas-saħħa, minn prodotti mhux siguri, mill-effetti tat-tibdil fil-klima u aktar. Minn tobba sa esperti finanzjarji, minn uffiċjali tal-fruntieri sa speċjalisti ambjentali, skopri kif l-UE tappoġġja lill-eroj lokali f’pajjiżek.