EU PROTECTS > L-Ambjent Tagħna > Insalvaw l-isturjuni: Kif l-UE qiegħda tippreserva n-natura u tappoġġja lin-nies tal-lokal fid-Danubju

“Billi jitgħallmu dwar il-ħajja selvaġġa tax-xmara, l-istudenti tiegħi huma ppreparati aħjar biex jieħdu ħsieb il-pjaneta tagħna għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.”

Julie Himmelbauer

L-isturjun ilu jippopola x-xmajjar tagħna għal aktar minn 200 sena, iżda llum, 5 minn 6 speċi nattivi għad-Danubju huma f’periklu kritiku. Biex tippreserva l-ispeċi, l-UE qed tlaqqa’ flimkien riċerkaturi, uffiċjali lokali, NGOs u għalliema mill-Awstrija, mill-Bulgarija, mill-Ġermanja, mir-Rumanija, mis-Serbja u mill-Ukrajna.

Id-dehriet dejjem jonqsu tal-isturjun fid-Danubju huma sinjal ta’ allarm. Hemm bżonn immedjat li tiġi protetta l-bijodiversità tal-Ewropa waqt li jiġi ssalvagwardjat l-għajxien tal-komunitajiet tas-sajd lokali. U mhux l-isturjuni biss huma f’riskju - ħafna aktar speċi li għandhom rwol ewlieni fl-ekosistemi tagħna jeħtieġu l-protezzjoni b’mod urġenti.

Insalvaw l-isturjuni: Kif l-UE qiegħda tippreserva n-natura u tappoġġja lin-nies tal-lokal fid-Danubju

Il-popolazzjonijiet tal-isturjun fix-xmara Danubju ilhom jonqsu għal dawn l-aħħar 50 sena. It-telfa ta’ din il-ħuta antika għandha konsegwenzi serji għas-saħħa tax-xmara kif ukoll għall-komunitajiet ta’ sajjieda tad-Danubju. Tgħallem dwar l-eroj lokali li qed jaħdmu biex jipproteġu lill-ħabitat tal-isturjun, lill-annimali u lill-komunitajiet li jiddependu fuqu.

Skrollja biex tkompli

Thomas Friedrich

Università tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenzi tal-Ħajja

L-Awstrija

“Illum, l-isturjuni tal-Ewropa huma mhedda minn sajd eċċessiv, minn tnaqqis fil-ħabitat, minn digi u minn ostakli fiżiċi oħrajn għar-rotot tal-migrazzjoni tagħhom. Bl-għajnuna tal-UE, aħna qed naħdmu ma’ pajjiżi differenti fir-reġjun biex negħlbu dan it-theddid.”

“L-isturjuni għandhom rwol importanti fl-ekosistema sħiħa. Billi jiġu kkombinati r-riċerka u l-konservazzjoni attiva, hu possibbli li x-xmara tittejjeb għall-abitanti kollha tagħha - mill-ħut sal-bnedmin.”

“Dan hu dwar aktar minn speċi waħda. Dan hu dwar jekk is-soċjetà tagħna tiddeċidix li nagħtu valur lil ambjent b’saħħtu.”

 - Thomas Friedrich

Ekaterina Voynova

Fond Dinji għan-Natura

Il-Bulgarija

“Il-Bulgarija hi l-produttur ewlieni tal-kavjar legali fid-dinja. Minħabba l-istatus ta’ livell għoli tagħhom, il-bajd tal-isturjun selvaġġ sfaw priża fin-negozju illegali tal-kavjar.”

“Permezz ta’ dan il-proġett iffinanzjat mill-UE, nistgħu naħdmu ma’ uffiċjali tal-infurzar tal-liġi Bulgari, Rumeni, Ukreni u Serbi biex nipproteġu lill-isturjun selvaġġ mifrux matul id-Danubju t’isfel kollha, mill-Bieb tal-Ħadid u jibqa’ sejjer sal-Baħar l-Iswed.”

“Aħna ma nistgħux nipproteġu lill-isturjuni fuq in-naħa tal-fruntiera tagħna waħedna.”

 - Ekaterina Voynova

Jutta Jahrl

Fond Dinji għan-Natura

L-Awstrija

“Aħna nikkoordinaw il-proġett tal-UE impenjat biex jipproteġi l-isturjuni. Naħdmu direttament mal-komunitajiet tas-sajd fir-Reġjun tad-Danubju li ddependew fuq l-isturjuni għal ġenerazzjonijiet sħaħ.”

“Aħna nagħmlu diskursati pubbliċi mas-sajjieda biex nifhmu l-bżonnijiet tagħhom u nħarsu lejn għajxien alternattiv bħat-turiżmu jew il-produzzjoni ta’ prodotti lokali.”

 

“Is-sajd għandu jibqa’ sors ta’ dħul, iżda mhux għad-detriment tal-popolazzjoni tal-isturjun.”

 - Jutta Jahrl

Cristina Munteanu

Fond Dinji għan-Natura

Ir-Rumanija

“Bis-saħħa tal-proġett tal-UE għall-konservazzjoni tad-Danubju, aħna żviluppajna kitt edukattiv għaż-żgħażagħ. Dan jipprovdi informazzjoni dwar id-Danubju, l-isturjuni tagħha u riżorsi naturali oħrajn.

“Dan il-proġett mhuwiex biss dwar l-edukazzjoni, u japplika lil hinn mir-Rumanija: Aħna nippruvaw nippreparaw lin-nies fir-Reġjun tad-Danubju biex joħolqu dħul fil-komunitajiet tagħhom kif ukoll biex jikkultivaw ir-rispett għall-ambjent ta’ madwarhom.”

“Aħna ninkoraġġixxu liż-żgħażagħ biex iwaqqfu negozji żgħar b’dak li jsibu fil-lokalità tagħhom-iżda mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ambjent.”

 - Cristina Munteanu

Julie Himmelbauer

Għalliema, Skola Rudolf Steiner

L-Awstrija

“L-istudenti tiegħi ħadu sehem fil-programm tal-UE għar-ripopolazzjoni tal-isturjun. Kull student jitlaq sturjun fis-selvaġġ.”

“Ma tagħmilx differenza jekk fi żmien 20 sena jsirux kollha bijoloġisti tal-baħar jew le. Jekk jiftakru din l-esperjenza u jkunu konxji tal-ambjent naturali ta’ madwarhom, allura naħseb li diġà tkun xi ħaġa pożittiva.”

“Bit-tibdil fil-klima, issa aktar minn qatt qabel, hu importanti li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jitgħallmu dwar il-ħajja selvaġġa tax-xmajjar.”

 - Julie Himmelbauer

 

Kont taf?

2,500 par ta' pelikani jgħammru

- l-akbar kolonja barra mill-Afrika - tasal fid-Delta tad-Danubju kull rebbiegħa. Bħall-isturjun, dawn huma protetti mil-liġijiet tal-UE u huma inklużi fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, li tgħaqqad 14-il pajjiż ma’ organizzazzjonijiet, bħall-Fond Dinji għan-Natura (WWF, World Wide Fund for Nature), biex tiġi ppreservata n-natura u tiżdied il-prosperità matul ix-xmara.

18%

il-proporzjon tal-erja tal-UE koperta minn Natura 2000, l-akbar netwerk ta' żoni protetti fid-dinja.

70%

Il-persentaġġ ta' sajjieda fost il-komunità ta' 200 membru tal-proġett ta' konservazzjoni ffinanzjat mill-UE (LIFE għall-Isturjun tad-Danubju).

30,000-60,000

In-numru ta' sterlets (tip ta' sturjun) li se jinħelsu kull sena bħala parti mill-proġett LIFE tal-UE għar-ripopolazzjoni tal-isterlet matul l-erba' jew ħames snin li ġejjin.

Pollinaturi tal-UE

Inizjattiva oħra mifruxa mal-UE biex jiġu protetti l-ispeċijiet (naħal, friefet u insetti oħra li jippollinizzaw) li huma essenzjali għal saħħitna, għas-sigurtà tal-ikel u għas-saħħa tal-pjaneta tagħna.

MIN HUMA L-EROJ LOKALI LI QED JIPPROTEĠU L-AMBJENT?

Xi wħud minnhom jista’ jkun li jiġu minn pajjiżek.

Magħquda flimkien bis-saħħa tal-UE, hemm netwerk ta’ eroj lokali li qed jaħdmu flimkien biex jipproteġuna mit-theddid ambjentali, mit-tniġġiż, mit-telf ta’ speċi fil-periklu u aktar. Minn konservazzjonisti sa uffiċjali tad-dwana, minn uffiċjali tas-sigurtà tal-ikel sa timijiet tar-rispons għall-għargħar, skopri kif l-UE tappoġġja l-eroj lokali f’pajjiżek.