EU PROTECTS > L-Ambjent Tagħna > Il-kwistjoni taħraq: Kif l-UE qed tgħin fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja fatali fil-Polonja

“Bl-għajnuna tal-finanzjament tal-UE biddilna l-heater tal-faħam l-antik li kien iniġġes ħafna b’boiler ġdid u mtejjeb.”

Grzegorz Horwacik

Fl-UE, it-tniġġis tal-arja huwa responsabbli għal madwar 400,000 mewta prematura kull sena. Il-kwalità ħażina tal-arja tista’ twassal għall-kanċer tal-pulmun, puplesiji, attakki tal-qalb u mard respiratorju akut fit-tfal. 

Ir-reġjun ta’ Małopolska tal-Polonja, flimkien ma’ partijiet taċ-Ċekja u tas-Slovakkja, huwa wieħed mill-aktar żoni mniġġsa tal-Ewropa. Il-livell ta’ tniġġis ikun partikolarment għoli fix-xitwa, hekk kif biex iżommu djarhom sħan, in-nies jaħarqu l-faħam u xi drabi anke l-iskart, li jirrilaxxaw is-smog fl-arja li jhedded is-saħħa tan-nies. 

Permezz ta’ skema ta’ finanzjament tal-UE, ir-reġjun ta’ Małopolska tal-Polonja qed jiġġieled kontra t-tniġġis tal-arja minn ġewwa d-djar. L-esperti u l-attivisti tal-kwalità tal-arja qed jiżguraw li d-djar ikollhom il-gwida u l-mezzi biex ibiddlu l-boilers antikwati li jaħdmu bil-faħam b’sistemi ta’ tisħin aktar nodfa u kosteffiċjenti. S’issa, inbiddlu 27,000 boiler. Din it-tranżizzjoni fir-reġjun kollu hija pass kbir fl-indirizzar tal-livelli ta’ tniġġis tossiku tal-Polonja, li huwa promettenti għal żoni oħra tal-Ewropa li qed jiġġieldu kontra tniġġis tal-arja qawwi.

Il-kwistjoni taħraq: Kif l-UE qed tgħin fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja fatali fil-Polonja

Fin-Nofsinhar tal-Polonja, l-UE qed tiffinanzja s-sostituzzjoni ta’ aktar minn 500,000 stufa mħaddma bil-faħam fid-djar. Il-boilers il-ġodda – li jnaqqsu s-sustanzi li joħolqu s-smog – huma eżempju wieħed ta’ kif l-UE qed tgħin biex ittejjeb il-kwalità tal-arja fl-Ewropa kollha.

Skrollja biex tkompli

Anke Lükewille

Il-Ġermanja, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

Id-Danimarka

“It-tniġġis tal-arja mhux dejjem ikun viżibbli, iżda jista’ jaffettwana immedjatament b’għajnejna jogħrkuna jew griżmejna jaħarquna. Esponiment fit-tul għal arja maħmuġa jista’ jkollu effetti aktar serji fuq is-saħħa fuq terminu twil bħal insuffiċjenza respiratorja jew anke attakk tal-qalb.”

“Niġbor informazzjoni dwar tipi u kawżi differenti ta’ tniġġis tal-arja fil-pajjiżi kollha tal-UE. Mill-2000 ’l hawn, l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, prinċipalment mill-ħruq tal-faħam, naqsu b’aktar minn 70% fl-UE kollha. Il-preżenza ta’ sustanzi tossiċi li jniġġsu l-arja li nieħdu n-nifs minnha, bħal partiċelli żgħar tat-trab, ukoll naqset b’mod sinifikanti. Filwaqt li din hija kisba kbira, ħafna Ewropej għadhom jgħixu f’żoni mniġġsa ħafna.”

 

“Jeħtieġ li niżguraw li l-istandards tal-kwalità tal-arja jiġu rrispettati fl-Ewropa kollha, u għalhekk il-familji ma jkollhomx għalfejn jgħixu bit-tniġġis.”

 - Anke Lükewille

Thomas Henrichs

Ġermaniż, L-Unità tal-Kwalità tal-Arja, il-Kummissjoni Ewropea

Il-Belġju

“Is-saħħa taċ-ċittadini hija prijorità ewlenija għall-UE. Il-liġijiet Ewropej jistabbilixxu limiti fuq sustanzi perikolużi li jniġġsu l-arja u jirrikjedu li l-pajjiżi tal-UE jikkontrollaw it-tniġġis. Dan huwa importanti b’mod speċjali f’setturi bħall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika, il-produzzjoni industrijali jew it-trasport bit-triq.”

“Irnexxilna: matul l-aħħar żewġ deċennji, l-emissjonijiet tas-sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja naqsu. Madankollu, għad fadal xi jsir biex niżguraw li l-arja tagħna tkun nadifa.”

“Aħna niżguraw li l-liġijiet tal-UE dwar l-arja nadifa jaħdmu, u niffinanzjaw inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-arja fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.”

 - Thomas Henrichs

Jiří Horák

Xjentist tal-emissjonijiet, l-Università Teknika ta’ Ostrava

Iċ-Ċekja

“Insejjaħ lili nnifsi “Smokeman”. Inżur l-iskejjel, l-irħula u l-villaġġi fir-reġjun ta’ Ostrava taċ-Ċekja. Jien nivvjaġġa fil-laboratorju tal-enerġija mobbli tiegħi mgħammar bi stufa, li nuża biex naħraq l-injam, il-faħam u l-iskart. Dan huwa mod prattiku biex nuri lin-nies id-dħaħen tossiċi li qed jibilgħu minħabba l-heaters qodma jew li ma jaħdmux tajjeb tagħhom. Hawnhekk fir-reġjun tiegħi taċ-Ċekja, bħal fil-Polonja u fis-Slovakkja, il-programm tal-UE ta’ sostituzzjoni tal-boilers qed jilħaq dejjem aktar proprjetarji, u dan qed jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja.”

“Bl-appoġġ tal-UE, qed naħdmu fi bliet u rħula fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant biex neħilsu minn eluf ta’ boilers qodma.”

 - Jiří Horák

Tomasz Pietrusiak

Id-dipartiment tal-ambjent, l-Uffiċċju tal-Marixxall tar-Reġjun ta’ Małopolska

Il-Polonja

“Fir-reġjun tiegħi, it-tniġġis tal-arja jammonta għal PLN 3 biljun (madwar €800 miljun) fis-sena fi spejjeż tas-saħħa. Bil-finanzjament tal-UE, qabbadna 60 espert u xjentist tal-arja nadifa biex nippromwovu l-inizjattiva tas-sostituzzjoni tal-boilers f’55 muniċipalità tal-Polonja. Dawn l-“ekokonsulenti” iżuru l-iskejjel, iċ-ċentri tal-komunità u dawk mediċi, jibnu l-momentum fost ir-residenti biex jaħarqu inqas faħam u jikkunsidraw li jbiddlu l-boilers tagħhom b’oħrajn li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent. Sal-2023, nittamaw li nbiddlu l-boilers il-qodma kollha fir-reġjun ta’ Małopolska.”

“Irridu naqsmu s-suċċessi tagħna ma’ reġjuni oħra fl-Ewropa li għandhom sistemi tat-tisħin antikwati li jniġġsu ħafna.”

 - Tomasz Pietrusiak

Grzegorz Horwacik

Ir-reġjun ta’ Małopolska

Il-Polonja

“Id-dar tagħna nbniet fis-snin ħamsin. Qabel ma biddilna l-boiler tagħna, konna naħarqu sa 11-il tunnellata faħam fis-sena biex insaħħnu darna. Is-smog kien estremament problematiku, iżda ma kellniex il-flus biex inbiddlu s-sistema tat-tisħin tagħna. Bis-saħħa tal-fondi tal-UE rċevejna rimborż ta’ kważi €2,000 għal boiler ġdid li jaħdem bil-gass. Dan kopra madwar 50% tal-ispejjeż. Il-messaġġ pożittiv qed jinxtered malajr. Żewġ ġirien diġà biddlu l-boiler b’wieħed ġdid li jaħdem bil-gass.”

“Illum fir-reġjun tiegħi tal-Polonja, qed jiġu sostitwiti aktar u aktar boilers. Qed nistenna bil-ħerqa li nieħu nifs f’arja iktar nadifa.”

 - Grzegorz Horwacik

Kont taf?

Aġġornamenti dwar l-arja

L-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja tal-UE jagħti data dwar il-kwalità tal-arja fl-UE f’ħin reali. Skopri kemm hija nadifa l-arja tiegħek bħalissa: http://airindex.eea.europa.eu/.

Stenna biex tagħti nifs ’il barra

Il-partikuli primarji li jniġġsu (magħrufin ukoll bħala “materja partikulata”) tant huma żgħar li jistgħu faċilment jinġibdu man-nifs. Ladarba jidħlu fil-pulmun, dawn il-partikuli tas-smog u tat-trab jista’ jkollhom riskju serju għas-saħħa.

72%

Il-perċentwal ta’ partikuli primarji li jniġġsu (PM10) ikkawżati minn boilers domestiċi qodma fil-Polonja. Is-sorsi ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu fl-arja tagħna mhumiex biss il-ħruq tal-faħam u fuels maħmuġin oħrajn użati fis-sistemi tat-tisħin u tal-elettriku. Jiġu wkoll mid-dħaħen tal-karozzi, mix-xogħlijiet fit-toroq, mill-ħruq agrikolu u minn operazzjonijiet industrijali oħrajn.

20 minn 28

L-għadd ta’ pajjiżi tal-UE li għadhom jaqbżu l-limiti tal-UE ta’ sustanzi li jniġġsu.

€20-il biljun

L-ispiża tat-tniġġis fl-arja kull sena f'termini ta' kura tas-saħħa u jiem ta' xogħol mitlufa madwar l-UE.

4,000

In-numru ta' stazzjonijiet ta' monitoraġġ relatati mal-kwalità tal-arja madwar l-Ewropa.

MIN HUMA L-EROJ LOKALI LI QED JIPPROTEĠU SAĦĦITNA?

Xi wħud għandu mnejn ġejjin mill-pajjiż tiegħek.

Jeżisti network ta’ eroj lokali, li nħoloq permezz tal-UE, u li qed jaħdmu sabiex jipproteġuna mit-tniġġis, mit-telfien tal-ispeċijiet f’periklu li jinqerdu, mit-temperaturi estremi u ħafna aktar. Minn esperti ambjentali għal dawk li jagħmlu l-ewwel intervent f’każ ta’ emerġenza, speċjalisti tas-saħħa sa assistenti soċjali, skopri kif l-UE tappoġġja l-eroj lokali f’pajjiżek.