IL-VERŻJONI TAT-TFAL
L-Unjoni Ewropea (fil-qasir UE) hija grupp ta’ 27 pajjiż li jaħdmu flimkien. L-UE trid tiżgura li t-tfal jista’ jkollhom ħajja tajba.
Rakkomandazzjoni hija dokument ta’ politika li jagħti parir lill-gvernijiet Ewropej dwar dak li għandhom jagħmlu.
Din ir-rakkomandazzjoni tispjega kif l-adulti jistgħu jaħdmu aħjar flimkien biex jipproteġu lit-tfal.
Hija parti mill-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, li twassal biex it-twaqqif tal-vjolenza kontra t-tfal u l-protezzjoni tagħhom ikunu ta’ prijorità ewlenija għall-UE stess.
Aktar minn 1,000 tifel u tifla qasmu l-fehmiet tagħhom biex jippreparaw din ir-rakkomandazzjoni permezz tal- Pjattaforma ta’ Parteċipazzjoni tat-Tfal tal-UE.
GĦANIJIET
- Protezzjoni tat-tfal kollha minn kull forma ta’ vjolenza.
- Li kulħadd jaħdem flimkien għall-protezzjoni tat-tfal.
- Li l-pajjiżi tal-UE (gvernijiet, reġjuni u bliet) jiġu mħeġġa biex itejbu r-regoli tagħhom u kif jipproteġu lit-tfal.
- Għajnuna biex it-tfal jinżammu sikuri madwar id-dinja kollha.
- Li jintwera kif il-liġijiet, il-politiki u l-flus tal-UE jistgħu jgħinu lill-pajjiżi tal-UE fil-protezzjoni tat-tfal.
MESSAĠĠI EWLENIN
NISIMGĦU LIT-TFAL U
NIBDEW MILL-ĦTIĠIJIET TAGĦHOM
Il-pajjiżi tal-UE għandhom:
- isibu modi għat-tfal biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom, jittieħdu bis-serjetà u jingħataw informazzjoni ċara.
- jippromwovu l-Pjattaforma ta’ Parteċipazzjoni tat-Tfal tal-UE biex jinteraġixxu mat-tfal u jisimgħu l-fehmiet tagħhom.
- jipproteġu lit-tfal kollha minn kull forma ta’ vjolenza, kemm fiżika kif ukoll emozzjonali.
- jissodisfaw il-ħtiġijiet tat-tfal u jaħdmu għal kull tifel u tifla, b’attenzjoni speċjali għal tfal li huma l-aktar f’riskju ta’ vjolenza.
- jipproteġu lit-tfal minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, il-ġeneru, l-oriġini, id-diżabbiltà, it-twemmin tagħhom jew fuq min jogħġobhom.
- jiżguraw li t-tfal ikunu sikuri d-dar, l-iskola, waqt l-isport u attivitajiet oħrajn.
- jiżguraw li t-tfal ikunu sikuri online, pereżempju billi jgħallmu lit-tfal u l-familji dwar kif tibqa’ sikur meta tuża għodod online, u billi tiżgura li l-internet ikun sikur għat-tfal.
NIPPROTEĠU S-SAĦĦA TAT-TFAL
U NIPPREVJENU L-VJOLENZA
Il-pajjiżi tal-UE għandhom:
- ikollhom pjan nazzjonali li jappoġġja s-saħħa mentali tat-tfal.
- ikollhom servizzi ta’ appoġġ għal tfal li għandhom sfidi marbutin mas-saħħa mentali.
- jieħdu l-passi biex iwaqqfu kull forma ta’ bullying.
- jappoġġjaw is-saħħa tat-tfal (eż. ikel tajjeb għas-saħħa, sport, ebda vizzju).
- jieħdu l-passi biex iwaqqfu l-vjolenza qabel isseħħ (eż. li l-adulti jiġu pprojbiti milli jerfgħu jdejhom fuq it-tfal u li jipprovdu appoġġ għall- familji).
- jagħmluha ċara kif it-tfal jistgħu jirrappurtaw il-vjolenza u jiġu megħjuna malajr.
NAĦDMU FLIMKIEN
BIEX NIPPROTEĠU LIT-TFAL
Il-pajjiżi tal-UE għandhom:
- ikollhom pjanijiet nazzjonali biex iwaqqfu l-vjolenza kontra t-tfal u jiżguraw li jkun hemm biżżejjed flus u persunal biex dan il- pjan jaħdem.
- jiżguraw li l-għalliema, il-persunal mediku, il-pulizija, l-assistenti soċjali, l-imħallfin u professjonisti oħrajn jiġu mħarrġa u jkunu jafu kif għandhom jaħdmu flimkien biex jipproteġu u jappoġġjaw lit-tfal.
- jissodisfaw il-ħtiġijiet tat-tfal li mhumiex jgħixu mal-familji tagħhom u jiżguraw li dawn jgħixu f’familja jew f’komunità stabbli.
- jaddattaw is-sistema tal-ġustizzja għat-tfal u jsibu modi biex jiżguraw li kulħadd jiġi ttrattat b’mod ġust.
- jipproteġu tfal li huma migranti, speċjalment dawk li jkunu waslu mingħajr il-familji tagħhom.
- jiġbru informazzjoni tajba dwar il-protezzjoni tat-tfal.
- jużaw għodod, liġijiet, politiki u flus tal-UE biex itejbu l-protezzjoni tat-tfal.
NIPPROTEĠU LIT-TFAL
MADWAR ID-DINJA
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu l-passi biex:
- jipproteġu lit-tfal madwar id-dinja fil-politika tagħhom.
- iwaqqfu t-tħaddim tat-tfal.
- jipproteġu lit-tfal f’konflitt armat.
- jipproteġu lit-tfal mit-tibdil fil-klima u mill-ħsara fl-ambjent u jinvolvuhom fit-tiftix tas-soluzzjonijiet.