Skip to main content

Impenji

Ħu pass favur il-klima u kun ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn. Kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu, u ebda azzjoni ma hija żgħira wisq.

Fl-Ewropa u d-dinja kollha, il-gvernijiet, l-ibliet u l-irħula, il-kumpaniji, l-investituri u l-individwi diġà qed jieħdu azzjoni biex isawru soċjetà li ma tagħmilx ħsara lill-klima.

L-individwi u l-organizzazzjonijiet jistgħu jinvolvu ruħhom fil-Patt Klimatiku Ewropew b’ħafna modi. Wieħed minnhom hu li jimpenjaw ruħhom għal azzjoni konkreta – kemm f'għażliet sostenibbli żgħar kif ukoll fi proġetti kbar u ambizzjużi – u tixxerja l-ideat u l-inizjattivi tiegħek ma’ oħrajn biex tispirahom jingħaqdu magħhom.

Għażliet li ma jagħmlux ħsara lill-klima kuljum

It-trasport li nużaw, l-ikel li nieklu, il-prodotti li nixtru u l-iskart li narmu – kollha għandhom impatt fuq l-ambjent tagħna. Billi tieħu passi żgħar id-dar, fuq ix-xogħol jew fl-iskola, tista’ tiffranka l-enerġija u l-flus u tgħin biex tipproteġi l-klima.

Iċċekkja l-pariri tagħna dwar il-klima

Pariri dwar il-klima 

Ħu pass fuq Count Us In

Il-Patt Klimatiku Ewropew u l-kampanja globali Count Us In qed jingħaqdu flimkien biex jispiraw liċ-ċittadini u l-komunitajiet fl-Ewropa kollha biex jieħdu passi prattiċi biex inaqqsu t-tniġġis tal-karbonju. 

L-Ewropej kollha se jkunu jistgħu jieħdu “pass” biex inaqqsu l-marka tal-karbonju tagħhom stess permezz tal-pjattaforma “Count Us In” – billi jxerrdu l-kelma ma’ sħabhom, billi jimxu aktar jew jużaw aktar ir-rota, jaħlu inqas ikel, jew jiżolaw darhom biex jiffrankaw l-enerġija.

Is-16-il pass intgħażlu mal-esperti mill-Programm Ambjentali tan-NU bħala l-aktar modi effettivi għall-individwi biex inaqqsu t-tniġġis tal-karbonju.

L-individwi, il-komunitajiet, in-negozji u l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem se jkunu jistgħu jittraċċaw kemm iffrankaw karbonju, jingħaqdu ma’ sħabhom jew mal-kollegi tagħhom biex jilħqu l-miri tal-iffrankar tal-karbonju, u jisfidaw lil oħrajn biex jinvolvu ruħhom.

Fl-2021, il-Patt Klimatiku Ewropew u Count Us In se jniedu verżjoni multilingwi tal-pjattaforma Count Us In, biex l-irħula, l-iskejjel, il-gruppi tal-komunitajiet u l-individwi fl-UE kollha jkunu jistgħu jadattawha u jużawha biex jieħdu passi biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima.

Kull pass li jieħdu ċ-ċittadini Ewropej biex jiffrankaw il-karbonju se jammonta għal xi ħaġa akbar. Dawn il-passi se jingħaddu mill-aggregatur globali ta’ Count Us In, flimkien ma’ miljuni ta’ oħrajn li qed jingħaddu fid-dinja kollha.

Wegħdiet mill-organizzazzjonijiet

Il-Patt se jistieden lill-organizzazzjonijiet u lill-kollettivitajiet biex jirreġistraw l-inizjattivi klimatiċi tagħhom u jbiddluhom f’wegħdiet ta’ azzjoni klimatika, biex jagħtu spinta lill-azzjoni, jinkuraġġixxu lil oħrajn jingħaqdu jew jibdew l-inizjattivi tagħhom stess, u jżidu u jirreplikaw ideat u proġetti tajbin.

Il-wegħdiet jistgħu jkunu impenji minn kull tip ta’ organizzazzjoni, skola jew grupp tal-komunità sa organizzazzjoni pubblika u privata u negozju kbir. Wegħda tista’ tkun relatata mal-mod kif l-organizzazzjoni topera, tipproduċi, tikkomunika jew timmotiva liċ-ċittadini, lill-impjegati, lill-konsumaturi jew lill-partijiet ikkonċernati biex jieħdu azzjoni.

F’konformità mal-valuri tal-Patt, il-wegħdiet għandhom imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni u jinvolvu azzjonijiet konkreti u bbażati fuq ix-xjenza li għandhom l-għan li jiksbu eżiti ċari u li jistgħu jitkejlu li jistgħu jiġu mmonitorjati.

Meta jirreġistraw wegħda, il-parteċipanti se jimpenjaw ruħhom li jixxerjaw l-informazzjoni rilevanti dwar l-azzjonijiet tagħhom biex jgħinu jimmonitorjaw il-progress u jifhmu l-impatt tal-azzjonijiet meħuda. Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jesprimu interess fix-xogħol tal-oħrajn u jingħaqdu magħhom biex jiġġeneraw azzjoni u momentum addizzjonali fi spirtu ta’ komunità.

Il-wegħdiet li jsiru taħt iI-Patt se jibnu fuq ir-rikkezza u d-diversità ta’ inizjattivi li diġà jeżistu fl-Ewropa, se juru s-soluzzjonijiet eżistenti għall-ispirazzjoni u t-tagħlim, u se jgħinu lin-networks ta’ dawk li jappoġġjaw il-klima u l-komunitajiet iwettqu l-ambizzjoni klimatika tagħhom stess jew jingħaqdu ma’ oħrajn.

Is-sistema sħiħa ta’ wegħdiet se tiġi żviluppata u maħluqa b’mod konġunt mal-partijiet ikkonċernati fl-2021. Bħalissa qed niġbru espressjonijiet ta’ interess għall-wegħdiet. Ixxerja l-ideat tiegħek magħna, għin biex toħloq flimkien il-wegħdiet u ssieħeb mal-moviment Ewropew tal-klima!

Interessat li tagħmel wegħda?

Żommna infurmati