Skip to main content

It-tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima huwa theddida urġenti għad-dinja tagħna, iżda lkoll nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu fil-ġlieda kontrih u nibnu futur aħjar.

X’inhu t-tibdil fil-klima?

L-attività tal-bniedem qed tinfluwenza gradwalment il-klima tad-Dinja billi żżid ammonti enormi ta’ gassijiet b'effett ta’ serra ma’ dawk li jseħħu b’mod naturali fl-atmosfera.

Dawn il-gassijiet b’effett ta’ serra żejda jiġu prinċipalment mill-ħruq tal-fjuwils fossili għall-produzzjoni tal-enerġija, kif ukoll minn attivitajiet oħra tal-bniedem bħat-tnaqqis tal-foresti pluvjali, l-agrikoltura, il-biedja tal-bhejjem u l-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi. Id-diossidu tal-karbonju (CO2) huwa l-gass b'effett ta’ serra l-aktar prodott mill-attivitajiet tal-bniedem.

Dawn il-gassijiet żejda jamplifikaw l-“effett serra” fuq l-atmosfera tal-pjaneta tagħna, u jikkawżaw żieda fit-temperatura tad-dinja b’rata straordinarja u li jirriżultaw f’bidliet kbar fil-klima.

Ara wkoll:

Fejn qegħdin bħalissa?

Diġà saħħanna l-pjaneta b’aktar minn 1°C meta mqabbel mal-livell ta’ temperaturi li kellna qabel l-era industrijali.

Ix-xjenzati fil-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) wissew li t-tisħin globali ta’ 1.5°C se jkollu konsegwenzi serji u saħansitra irriversibbli għall-ambjent u s-soċjetajiet tagħna.

Aktar ma nfixklu l-klima, aktar ikunu kbar ir-riskji għas-soċjetà u l-ambjent tagħna.

Ara wkoll:

X’inhuma l-effetti tat-tibdil fil-klima?

L-effetti tat-tibdil fil-klima diġà qed jinħassu mad-dinja kollha u hu mbassar li se jsiru aktar frekwenti u aktar intensi fid-deċennji li ġejjin.

Mingħajr azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, tul il-ħajja ta’ wliedna l-UE tista’ tara:

  • 400,000 mewta prematura fis-sena minħabba t-tniġġis tal-arja.
  • 90,000 mewta fis-sena b’riżultat ta’ mewġiet ta’ sħana
  • 40% inqas ilma disponibbli fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-UE
  • 2.2 miljun ruħ esposti għat-tgħarriq fiż-żoni kostali kull sena
  • €190 biljun f’telf ekonomiku annwali

Dawn il-bidliet fil-klima għandhom is-setgħa li jittrasformaw il-pjaneta tagħna, u jaffettwaw il-provvisti tal-ikel u tal-ilma u saħħitna. Filwaqt li kulħadd jinsab f’riskju, l-impatti jolqtu lill-foqra u lill-vulnerabbli b’mod aktar qawwi.

Iktar ma jkunu kbar il-problemi, aktar ikun diffiċli u għali biex jiġu solvuti – u din hija r-raġuni għaliex it-teħid ta’ azzjoni bikrija biex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima huwa l-aħjar għażla.

Ara wkoll:

X’qed tagħmel l-UE dwar it-tibdil fil-klima?

L-UE ilha sew tmexxi globalment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

L-isforzi tagħna huma f’forma ta’ politiki ambizzjużi fi ħdanha u kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab internazzjonali.

Diġà qegħdin fit-triq it-tajba biex nilħqu l-miri tagħna dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2020, u ressaqna pjan għal aktar tnaqqis tal-emissjonijiet b’tal-inqas 55% sal-2030.

Sal-2050, l-Ewropa għandha l-għan li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Dan ifisser li nnaqqsu kemm nistgħu l-emissjonijiet tagħna u nżidu t-tneħħija tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-atmosfera sabiex nilħqu emissjonijiet “żero netti”.

Dan l-għan huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew: pakkett ambizzjuż ta’ miżuri biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħna għal żero netti filwaqt li niżguraw soċjetà ġusta, b’saħħitha u prospera għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Flimkien mat-tnaqqis tal-emissjonijiet, irridu nadattaw għall-bidliet li qed iseħħu issa u fil-futur. L-UE qed tgħin biex ittejjeb l-istat ta’ tħejjija u l-kapaċità li tirreaġixxi għall-impatti tat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

L-UE taħdem ma’ pajjiżi u reġjuni oħra biex tavvanza l-azzjoni klimatika globali u tappoġġja lill-pajjiżi sħab fl-isforzi tagħhom, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli.

L-UE qed taħdem ukoll biex tiżgura li l-irkupru mill-pandemija tal-coronavirus jimxi id f’id mat-tranżizzjoni lejn Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti.

Ara wkoll:

X’inhuma l-benefiċċji tal-azzjoni dwar il-klima?

It-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima hija kemm sfida urġenti kif ukoll opportunità biex jinbena futur aħjar għal kulħadd.

Jekk nieħdu azzjoni għall-klima u l-ambjent, kull wieħed minna jista’ jgħinna nippreservaw u nipproteġu l-pjaneta llum u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Xi wħud mill-benefiċċji għas-soċjetà jinkludu:

  • impjiegi ekoloġiċi ġodda
  • titjib fil-kompetittività
  • tkabbir ekonomiku
  • arja aktar nadifa u sistemi tat-trasport pubbliku aktar effiċjenti fl-ibliet
  • teknoloġiji ġodda bħall-karozzi elettriċi u ibridi plug-in, djar jew binjiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'sistemi intelliġenti ta' tisħin u tkessiħ
  • provvisti siguri ta’ enerġija u riżorsi oħra – li jagħmlu l-Ewropa inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet

L-istudji juru li t-trasformazzjoni għal soċjetà ekoloġika u diġitali hija fattibbli u affordabbli. Dak li jiswa lit-tibdil fil-klima għall-ekonomija u s-soċjetà se jkun ħafna aktar ogħla minn dak li tiswa l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima issa.

X'nista' nagħmel?

Il-partijiet tas-soċjetà u s-setturi ekonomiċi kollha se jkollhom rwol – mis-settur tal-enerġija għall-industrija, it-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-forestrija. Ħafna mill-għarfien meħtieġ u ħafna soluzzjonijiet ivverifikati diġà jeżistu.

L-għażliet tagħna ta’ kuljum huma importanti wkoll. Ħafna mill-bidliet li nagħmlu se jtejbu l-mod kif ngħixu, il-mod kif immorru minn post għall-ieħor, il-mod kif inkessħu jew kif insaħħnu d-djar tagħna, il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw.

Kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu, u ebda azzjoni ma hija żgħira wisq!