Operazzjoni ta’ pproċessar: Implimentazzjoni tar-“Regolament tal-ECI” u l-provvediment ta’ reġistru tal-inizjattivi taċ-ċittadini

Kontrollur tad-Data:  Il-Kummissjoni Ewropea

Kontrollur tad-Data Operazzjonali:  Unità SG.DSG1.A.1 “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma”

Referenza tar-rekord:  DPR-EC-00068

 

1. Introduzzjoni

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tingħata, kif ukoll kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif dik l-informazzjoni tintuża, u liema drittijiet għandek b’rabta mad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data Operazzjonali responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa iktar id-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Din l-istqarrija ta’ privatezza tikkonċerna l-operazzjoni tal-ipproċessar “Implimentazzjoni tar-“Regolament tal-ECI” u l-provvediment ta’ reġistru tal-inizjattivi taċ-ċittadini” imwettqa mill-Unità  SG.DSG1.A.1 “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma” tal-Kummissjoni Ewropea.

 

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Niġbru u nużaw l-informazzjoni personali tiegħek biex nimplimentaw ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament tal-ECI”).

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ġiet introdotta bit-Trattat ta’ Lisbona u ilha tapplika minn April 2012, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 li implimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Dan l-ewwel Regolament tal-ECI ġie sostitwit mill-1 ta’ Jannar 2020 bir-Regolament (UE) 2019/788.

Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermetti li miljun ċittadin minn tal-anqas kwart tal-Istati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi att legali f’oqsma fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan.

Ir-Regolament tal-ECI jipprovdi li l-inizjattivi taċ-ċittadini proposti għandhom ikunu rreġistrati u magħmulin pubbliċi mill-Kummissjoni.

F’dan il-kuntest niġbru u nipproċessaw id-data personali tiegħek b’mod partikolari sabiex nivvalutaw jekk inti tissodisfax ir-rekwiżiti biex tkun organizzatur ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (membru obbligatorju jew addizzjonali tal-grupp ta’ organizzaturi, persuna ta’ kuntatt addizzjonali tiegħu), jekk l-entità ġuridika li għandek rabta magħha ġietx stabbilita skont l-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-ECI, u biex tippermetti lill-Kummissjoni u liċ-ċittadini jikkomunikaw miegħek bħala l-organizzatur tal-inizjattiva.

Barra minn hekk, ir-Regolament tal-ECI jinkariga wkoll lill-Kummissjoni b’xi obbligi speċifiċi fir-rigward tat-trasparenza tal-finanzjament ta’ inizjattivi. Flimkien mal-obbligu li tippubblika fir-Reġistru tal-ECI l-informazzjoni dwar il-finanzjament tal-inizjattivi pprovduta mill-organizzaturi, fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala l-proċessur tad-data u r-rappreżentant tal-grupp ta’ organizzaturi huwa l-kontrollur tad-data rilevanti, fil-każijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament tal-ECI, il-Kummissjoni tista’ tkun meħtieġa tipproċessa d-data personali tiegħek bħala sponsor ta’ inizjattiva jew ilmentatur.

L-ipproċessar tad-data u tad-dokumenti tal-organizzaturi, tal-isponsors u tal-ilmentaturi hu obbligatorju biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti statutorji tar-Regolament tal-ECI.

Niġbru u nkomplu nipproċessaw l-informazzjoni personali tiegħek bil-mod li ġej:

·        Xi pproċessar tad-data personali tiegħek jitwettaq permezz ta’ operazzjonijiet awtomatizzati. B’mod partikolari:

  • Id-Data Personali u l-kopji tad-dokumenti li jippermettu li jkun hemm prova li l-identità tiegħek u t-twettiq tar-rekwiżiti ta’ nazzjonalità, residenza u età huma sottomessi lill-Kummissjoni mill-organizzaturi bħala parti mit-talba ta’ reġistrazzjoni tagħhom bl-użu ta’ formola ta’ reġistrazzjoni fis-sit web pubbliku tar-Reġistru tal-ECI. Huma inklużi b’mod awtomatiku fil-bażi tad-data tar-Reġistru tal-ECI u kopja tagħhom hi rreġistrata fis-sistema Ares li timmaniġġja d-dokumenti tal-Kummissjoni.

  • Konfermi tar-riċevuta tat-talba ta’ reġistrazzjoni inkluża d-data personali tal-organizzaturi jintbagħtu b’mod awtomatiku lill-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta’ kuntatt flimkien ma’ kopja lill-mailbox funzjonali tal-Kummissjoni;

  • Messaġġi awtomatizzati jintbagħtu lill-organizzaturi (fl-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta’ kuntatt u lill-indirizzi tal-posta elettronika addizzjonali tal-organizzaturi (b’mod fakultattiv jekk ikun mitlub li jsir dan)), bħala konferma tal-operazzjonijiet differenti mwettqin mill-organizzaturi bl-użu tal-kont tal-organizzatur u fl-okkażjoni tal-fażijiet importanti differenti milħuqin mill-inizjattiva (b’kopja mibgħuta kull darba lill-kaxxa postali funzjonali tal-Kummissjoni);

  • Il-messaġġi skambjati bejn il-Kummissjoni u l-organizzaturi permezz tal-formoli ta’ kuntatt (bejn l-“interface amministrattiv” tar-Reġistru tal-ECI u l-“kont tal-organizzatur”) huma kull darba b’mod awtomatiku mibgħutin bħala kopja lill-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta’ kuntatt u lill-kaxxa postali funzjonali tal-Kummissjoni;

  • Id-data personali tal-persuni ta’ kuntatt tal-inizjattiva tiġi ppubblikata awtomatikament skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament tal-ECI sakemm dawn ikunu parti mid-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għar-reġistrazzjoni;

  • Il-pubblikazzjoni tad-data tal-organizzaturi (ismijiet u indirizzi tal-posta elettronika) fl-interface pubbliku tar-Reġistru tal-ECI ssir b’mod awtomatiku wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva.

    ·        Operazzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw id-data tiegħek jitwettqu b’mod manwali. L-operazzjonijiet li ġejjin huma kkonċernati b’mod partikolari:

  • Verifiki manwali tal-informazzjoni u provi sottomessi skont l-Anness II tar-Regolament tal-ECI jitwettqu bħala parti tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, biex jiġi kkonfermat li l-organizzaturi wettqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tiegħu,

  • It-trattament tal-bidliet fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-grupp ta’ organizzaturi skont l-Artikolu 5(4);

  • Emails li jistgħu jiġu skambjati mal-Organizzaturi tal-ECI u ma’ suġġetti tad-data oħrajn;

  • It-trattament ta’ talbiet għal informazzjoni addizzjonali u ta’ lmenti relatati mat-trasparenza tal-finanzjament ta’ inizjattivi;

  • It-trattament tat-talbiet tas-suġġetti tad-data.

    Barra minn hekk:

  • Id-data tal-organizzaturi tista’ tkun ipproċessata b’mod manwali bl-użu ta’ mezzi elettroniċi, li jinkludi l-iskambju bil-posta elettronika;

  • Xi dokumenti li jikkonċernaw l-inizjattiva u li fihom data tal-organizzaturi jistgħu jkunu rreġistrati fis-sistema Ares li timmaniġġja d-dokumenti tal-Kummissjoni;

  • Data li tinsab fid-deċiżjonijiet dwar talba għal reġistrazzjoni u komunikazzjonijiet bi tweġiba għal inizjattiva valida hi soġġetta għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

  • Id-data personali tiegħek mhix se tintuża għat-teħid awtomatizzat tad-deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta’ profili.

 

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

1.      F’każ li int organizzatur tal-ECI (membru tal-grupp ta’ organizzaturi jew persuna ta’ kuntatt addizzjonali) għal inizjattiva li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni lill-Kummissjoni, id-data personali sottomessa tiegħek f’dan il-kuntest tkun ipproċessata mill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 5(1), sa (4) u l-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament tal-ECI. Id-data personali tiegħek tista’ tiġi pproċessata wkoll jekk tkun ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-Punt 7 tal-Anness II tar-Regolament tal-ECI. Barra minn hekk, f’każ li int rappreżentant jew is-sostitut tal-grupp ta’ organizzaturi, ismek jista’ jiġi ppubblikat bħala parti mid-deċiżjoni tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament tal-ECI.

2.      F’każ li r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta tiegħek ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni, ismek bħala organizzatur tal-ECI (membru tal-grupp tal-organizzaturi) se jkun disponibbli fis-sit web pubbliku tar-Reġistru tal-ECI. L-istess, f’każ li int rappreżentant jew is-sostitut tal-grupp ta’ organizzaturi ta’ inizjattiva ta’ din ix-xorta, l-indirizz tal-posta elettronika tiegħek se jkun ippubblikat ukoll. Pubblikazzjoni ta’ din ix-xorta hi prevista mid-dispożizzjonijiet tan-nota f’qiegħ il-paġna (1) tal-Anness II u VII tar-Regolament tal-ECI.

3.      Jekk inti sponsor tal-ECI (fil-kapaċità personali tiegħek), jew jekk tissottometti lment dwar it-trasparenza ta’ finanzjament ta’ inizjattiva, id-data tiegħek tista’ tiġi pproċessata abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-ECI.

Fit-tliet każijiet kollha t’hawn fuq l-ipproċessar tad-data personali tiegħek hu legali skont l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2018/1725 għax:

(a) l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni; kif ukoll

(b) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih hu soġġett il-kontrollur.

Meħuda weħidha, id-data pproċessata tiegħek ma taqa’ f’ebda kategorija speċjali ta’ data personali sensittiva elenkata taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Madankollu, il-fatt li qed tiġi organizzata jew iffinanzjata inizjattiva speċifika jista’ jiżvela l-opinjonijiet politiċi tal-organizzaturi jew tal-isponsors. Is-sensittività tad-data tiegħek tista’ għalhekk tirriżulta mis-sensittività politika tal-inizjattiva kkonċernata. Skont is-sensittività tal-inizjattiva proposta minnek id-data personali pproċessata tista’ tkun għalhekk ikkunsidrata bħala data li tiżvela opinjonijiet politiċi.

F’dan il-każ l-ipproċessar mhux ipprojbit, billi hu meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, abbażi tal-liġi tal-Unjoni (ir-Regolament tal-ECI) li hi proporzjonata għall-iskop segwit, jirrispetta l-essenza tad-dritt tal-protezzjoni tad-data u jipprovdi miżuri adatti u speċifiċi biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi fondamentali tiegħek skont l-Artikolu 10(2)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Int intitolat li toġġezzjona għall-pubblikazzjoni tad-data personali tiegħek għal raġunijiet leġittimi konvinċenti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek kif previst fin-nota ta’ qiegħ il-paġna (1) tal-Anness II u VII tar-Regolament tal-ECI.

 

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw iktar?

Sabiex jiġi implimentat ir-Regolament tal-ECI niġbru u nipproċessaw il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

·        Fil-każ li inti wieħed mill-membri obbligatorji tal-grupp ta’ organizzaturi jew wieħed mill-persuni ta’ kuntatt addizzjonali tal-grupp ta’ organizzaturi, maħtur skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-ECI:  

  •         l-isem sħiħ,

  •         l-indirizz postali,

  •         id-data tat-twelid,

  •         in-nazzjonalità.

    ·        Barra minn hekk, jinġabru u jiġu pproċessati l-kopji ta’ dokumenti adatti biex tingħata prova tal-identità tiegħek u tat-twettiq tar-rekwiżiti tan-nazzjonalità, tar-residenza u tal-età.

    ·        F’każ li int wieħed mill-persuni ta’ kuntatt (rappreżentant jew sostitut) tal-grupp ta’ organizzaturi, niġbru u nipproċessaw addizzjonalment l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown tiegħek.

    ·        F’każ li inti wieħed mill-membri addizzjonali tal-grupp ta’ organizzatur, aħna niġbru u nipproċessaw l-isem sħiħ tiegħek.

    ·        F’każ li d-dettalji personali tiegħek jidhru bħala parti mid-dokumentazzjoni li jkun ippreżenta l-grupp ta’ organizzaturi fil-kuntest tal-Punt 7 tal-Anness II tar-Regolament tal-ECI, it-tip ta’ data li tkun qed tiġi pproċessata jiddependi mil-liġi nazzjonali applikabbli,

    ·        Jekk inti sponsor tal-inizjattiva (fil-kapaċità personali tiegħek), jew jekk tissottometti lment dwar it-trasparenza ta’ finanzjament ta’ inizjattiva, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament tal-ECI:

  •         l-isem sħiħ,

  •         id-dettalji ta’ kuntatt li pprovdejt (bi preferenza għall-indirizz tal-posta elettronika).

 

5. Għal kemm żmien inżommu d-data personali tiegħek?

Id-data personali li mhix ippubblikata, inkluża d-data personali relatata ma’ inizjattivi mhux reġistrati, tinżamm fir-Reġistru tal-ECI għal perjodu massimu ta’ 5 snin.

Dan il-perjodu għandu normalment jingħadd mill-aħħar azzjoni mwettqa rigward l-inizjattiva kkonċernata fir-Reġistru tal-ECI. Madankollu, f’każ li l-inizjattiva kkonċernata hi soġġetta għal proċeduri ġudizzjarji l-perjodu ta’ 5 snin jingħadd mit-tmiem tat-tali proċeduri. F’każ ta’ inizjattivi li kellhom suċċess li għalihom il-Kummissjoni wettqet azzjonijiet ta’ segwitu, il-perjodu ta’ 5 snin jingħadd mill-aħħar azzjoni mwettqa rigward l-inizjattiva inkwistjoni.

Id-data ppubblikata ma titħassarx u tinżamm fuq is-sit web għal raġunijiet ta' trasparenza u ta' arkivjar.

 

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (ittri elettroniċi, dokumenti, bażijiet ta’ data, batches applowdjati ta’ data, eċċ.) jinħażnu fis-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta' data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għal persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-attività ta’ pproċessar.

 

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

·        Id-data kollha kkonċernata hi disponibbli fil-Kummissjoni għall-membri tal-istaff awtorizzat li huma inkarigati mill-immaniġġjar tar-reġistru tal-ECI u dawk involuti fis-segwitu tal-inizjattivi, u staff tal-Kummissjoni ieħor awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

·       Xi data personali hi disponibbli għall-pubbliku inġenerali permezz tal-pubblikazzjoni fil-paġna web individwali tal-inizjattiva korrispondenti fir-Reġistru tal-ECI u ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan jikkonċerna:

  • kemm l-ismijiet tal-membri tal-grupp ta’ organizzaturi għall-inizjattivi rreġistrati kollha kif ukoll l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta’ kuntatt (rappreżentant jew sostitut),

  • l-ismijiet tar-rappreżentant u tas-sostitut, li huma inklużi fid-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva (inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni).  

 

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Ir-Regolament tal-ECI jagħtik id-drittijiet li ġejjin:

 o   Int intitolat li toġġezzjona għall-pubblikazzjoni ta’ ismek u tal-indirizz tal-posta elettronika tiegħek bħala l-organizzatur ta’ inizjattiva abbażi ta’ raġunijiet leġittimi konvinċenti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek.

o   Int intitolat li titlob it-tneħħija tad-data tiegħek mir-reġistru online tal-Kummissjoni wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Barra minn hekk, għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari:

o   Int għandek id-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek u li tirrettifikaha f’każ li d-data personali tiegħek mhix eżatta jew mhix kompluta. F’ċerti każijiet, għandek id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek, li tillimita l-ipproċessar, li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek u d-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data Operazzjonali, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tinsab fl-Intestatura 9 hawn taħt.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ attività ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 hawn taħt).

Kull talba għall-aċċess għal data personali tiġi ttrattata fi żmien xahar minn meta tasal it-talba. Kwalunkwe talba oħra msemmija hawn fuq se tiġi indirizzata fi żmien 15-il jum tax-xogħol.

 

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

-      Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data Operazzjonali, billi tuża l-informazzjoni ta’ kuntatt li ġejja:

European Commission

Secretariat General

Directorate A 'Strategy, Better Regulation & Corporate Governance'

Unit A.1 'Policy Priorities & Work Programme'

B – 1049 Brussels

Tel. +32 2 29 92165

Posta elettronika: SG-ECI-mailing@ec.europa.eu

-      L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Inti tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) fil-każ ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

-      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu), jekk jidhirlek li d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

 

10. Fejn tista’ ssib informazzjoni iktar dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-attivitajiet kollha ta’ pproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: https://ec.europa.eu/info/about-european-commission/service-standards-and-principles/transparency/data-processing-register_mt.

Din l-attività ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-00068.

Tista’ ssib informazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-ECI fuq:

https://europa.eu/citizens-initiative/how-it-works/data-protection_mt

 

11. Informazzjoni addizzjonali  

-      Pubblikazzjoni tad-data personali tal-isponsors fir-Reġistru tal-ECI

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-ECI, hu meħtieġ li l-organizzaturi jipprovdu għall-pubblikazzjoni fir-Reġistru tal-ECI (u jaġġornaw sistematikament) l-informazzjoni dwar is-sorsi ta’ finanzjament u ta’ appoġġ għall-inizjattiva tagħhom li jaqbżu il-€500 għal kull sponsor, kif ukoll dwar l-organizzazzjonijiet li qed jassistu fuq bażi volontarja fejn appoġġ bħal dan ma jistax jiġi kkwantifikat ekonomikament. Fil-każ li inizjattiva hi sponsorjata minn persuni privati, din l-informazzjoni tinkludi l-ismijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati. Għall-ipproċessar tad-data rilevanti, l-organizzaturi tal-inizjattiva huma l-kontrolluri tad-data skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

L-organizzaturi tal-inizjattivi differenti jistgħu jkunu kkuntattjati bl-użu tad-dettalji ta’ kuntatt tagħhom ippubblikati fuq il-paġna ddedikata ta’ kull inizjattiva fis-sit web pubbliku tar-Reġistru tal-ECI: https://europa.eu/citizens-initiative/home_mt.

Ir-rwol tal-Kummissjoni hu limitat biex jipprovdi l-mezzi tekniċi (ir-Reġistru tal-ECI) għall-pubblikazzjoni tad-data sottomessa mill-organizzaturi; għalhekk hi taġixxi bħala l-proċessur tad-data. Bħala riżultat, l-ipproċessar tad-data miġbura rigward l-isponsors ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istqarrija ta’ privatezza.

-      Informazzjoni addizzjonali – stqarrija ta’ privatezza preċedenti

Din l-istqarrija ta’ privatezza ma tkoprix aspetti speċifiċi għall-ipproċessar ta’ data personali skont l-ewwel Regolament tal-ECI (ir-Regolament (UE) Nru 211/2011), li jistgħu jkunu differenti minn dawk attwali. Din id-data xorta tista’ tiġi pproċessata u jew ippubblikata fir-Reġistru tal-ECI. L-istqarrija ta’ privatezza preċedenti li tapplika għal dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data tinsab fuq: https://europa.eu/citizens-initiative/privacy-policy_mt