Mur għall-kontenut ewlieni
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma hu ġid pubbliku, mhux komodità!

Sottomissjoni u eżami

Right2Water kienet l-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li ġabret in-numru meħtieġ ta’ firmatarji. Ġiet sottomessa lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2013. Ara l-istqarrija għall-istampa.

L-organizzaturi ltaqgħu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič fis-17 ta’ Frar 2014. Ara l-istqarrija għall-istampa.

Fis-17 ta’ Frar 2014 seħħ smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew

Fid-19 ta’ Marzu 2014 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu b’reazzjoni għall-inizjattiva. Ara l-istqarrija għall-istampa.

Tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni impenjat ruħha, b’mod partikolari, li tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

  • issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma, billi tibni fuq l-impenji ppreżentati fis-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP) u l-Water Blueprint;
  • tniedi konsultazzjoni fl-UE kollha dwar id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, b’mod partikolari bil-ħsieb li ttejjeb l-aċċess għal ilma ta’ kwalità fl-UE;
  • ittejjeb it-trasparenza għall-immaniġġar tad-data tal-ilma urban mormi u tal-ilma tax-xorb u tesplora l-idea ta’ benchmarking tal-kwalità tal-ilma;
  • toħloq djalogu aktar strutturat bejn il-partijiet ikkonċernati dwar it-trasparenza fis-settur tal-ilma;
  • tikkoopera ma’ inizjattivi eżistenti biex jingħata sett usa’ ta’ benchmarks għas-servizzi tal-ilma;
  • tistimola metodi innovattivi għall-għajnuna fl-iżvilupp (eż. appoġġ għal sħubiji bejn operaturi tal-ilma u sħubiji pubbliċi-pubbliċi); tippromwovi l-qsim tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri (eż. dwar strumenti ta' solidarjetà) u tidentifika opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni.
  • tippromwovi l-aċċess universali għall-ilma tax-xorb sikur u għas-sanità bħala qasam ta' prijorità għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli.

Dokumenti uffiċjali relatati mad-deċiżjoni:

Segwitu

Din it-taqsima tipprovdi informazzjoni aġġornata b’mod regolari dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li ttieħdu mill-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra wara t-tweġiba tal-Kummissjoni.

Azzjoni leġiżlattiva:

L-implimentazzjoni u r-rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE:

  • Rapporti ta’ implimentazzjoni sussegwenti dwar id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar ġew ippubblikati fl-2015, fl-2019 u fl-2021. Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web iddedikat.
  • Il-Kummissjoni tipprepara rieżami tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali:

  • Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17/11/2017 jipprevedi referenza espliċita għad-dritt taċ-ċittadini għall-ilma u s-sanità taħt il-prinċipju 20 - “L-aċċess għal servizzi essenzjali”.

It-trasparenza u l-benchmarking:

  • Fid-09/09/2014 u t-12/10/2015, fi Brussell saru laqgħat mal-partijiet ikkonċernati dwar il-benchmarking tal-kwalità u s-servizzi tal-ilma. Dan id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati hu wieħed mill-azzjonijiet imħabbra fil-Komunikazzjoni u għandu l-għan li jżid it-trasparenza dwar il-prestazzjoni tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità. Id-dokumenti relatati kollha jinsabu fir-repożitorju.

Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-iżvilupp sostenibbli:

  • Il-Kummissjoni identifikat "l-ilma u s-sanità" bħala prijorità ewlenija tal-qafas ta’ żvilupp għal wara l-2015, fil-Komunikazzjoni tagħha “Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva" (COM(2014) 335) adottata fit-02/06/2014. L-isforzi tal-UE kkontribwew sostanzjalment sabiex jinżamm l-aċċess universali għall-ilma u għas-sanità fil-lista tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-"Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030" (Għan 6: Niżguraw id-disponibbiltà u l-immaniġġar sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25/09/2015.
  • Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem ukoll ma' sħab differenti biex tistimola metodi innovattivi għall-assistenza fl-iżvilupp (eż. appoġġ għal sħubiji bejn operaturi tal-ilma u sħubiji pubbliċi-pubbliċi); tippromwovi l-qsim tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri (eż. dwar strumenti ta' solidarjetà) u tidentifika opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni. Dan id-djalogu qed iseħħ f’laqgħat ta’ ħidma u fora internazzjonali apposta. Europaid organizza sessjoni ta' ħidma dwar "Is-sħubijiet innovattivi u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament" bħala mezzi biex jippromwovu l-aċċess għall-ilma tax-xorb u s-sanità f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan l-avveniment kellu wkoll l-għan li jesplora r-rwol potenzjali ta’ atturi u istituzzjonijiet tal-UE biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. Il-Kummissarju Mimica enfasizza wkoll l-impenn tal-UE għal din il-kwistjoni matul is-Sessjoni tematika dwar il-"Finanzjament innovattiv għall-intrapriżi żgħar u operaturi u atturi tal-ilma u s-sanità deċentralizzati" fis-7 Forum Dinji dwar l-Ilma fil-Korea t’Isfel.

Aktar informazzjoni

  • Il-Parlament Ewropew adotta rapport fuq inizjattiva proprja dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Right2Water fit-08/09/2015.
  • Fil-laqgħa tas-sessjoni plenarja tiegħu fil-15/10/2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bi tweġiba għall-inizjattiva Right2Water.
Tixtieq titgħallem u tikkollabora?