Operazzjoni tal-ipproċessar: Promozzjoni u ffaċilitar tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) permezz ta’ Pjattaforma Kollaborattiva Online (il-Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej)

Kontrollur tad-Data: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kontrollur tad-Data Operazzjonali: Unità SG.DSG1.A.1 “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma”

Referenza tar-rekord: DPR-EC-00828

1. Introduzzjoni

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data personali tiegħek. Hi tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din id-dikjarazzjoni ta’ privatezza tikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ pproċessar tal-Pjattaforma Kollaborattiva Online (“Pjattaforma”) tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) imwettqa mill-Unità SG.DSG1.A.1. “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma”

L-operazzjoni tal-Pjattaforma jiġi esternalizzat mill-Kummissjoni lil kuntrattur estern (“Operatur tal-Pjattaforma”). Il-kuntrattur hu s-SERVIZZ TA’ AZZJONI TAĊ-ĊITTADINI EWROPEJ, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ irreġistrata skont il-liġijiet tal-Belġju, li għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu f’Avenue de la Toison d’or, 77, B-1060 Brussels, Belgium. F’isem il-Kummissjoni, l-Operatur tal-Pjattaforma jaġixxi bħala proċessur tad-data fir-rigward tad-data personali tal-Utenti Reġistrati.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Għan tal-operazzjoni tal-ipproċessar:

Il-Pjattaforma toffri appoġġ għall-preparazzjoni ta’ inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej u tistimula d-dibattitu madwarhom kif ukoll madwar l-istrument bħala tali u l-implimentazzjoni tiegħu [1].

Il-Pjattaforma sservi l-organizzaturi tal-ECI kurrenti u potenzjali, l-esperti, il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħrajn u b’mod ġenerali għaċ-ċittadini interessati kollha fl-ECI.

Hi intenzjonata biex tgħin organizzaturi (potenzjali) interessati li jibdew ECI biex isibu sħab fl-Ewropea biex jifformaw il-kumitat tal-grupp ta’ organizzaturi meħtieġ, jifformulaw il-kontenut tal-inizjattiva tagħhom flimkien ma’ parteċipanti b’aktar esperjenza, jippreparaw il-kampanji, jitgħallmu kif jiġbru l-fondi u jmexxu kampanja u jiskambjaw esperjenzi u l-aħjar prattiki ma’ organizzaturi oħrajn. Il-Pjattaforma tippermetti wkoll liċ-ċittadini kollha interessati jipparteċipaw, u jsegwu d-diskussjonijiet li jikkonċernaw kemm l-inizjattivi fl-istadji differenti tagħhom kif ukoll dawk relatati mal-aspetti orizzontali tal-funzjonament tal-istrument tal-ECI.

Il-kompiti ewlenin tal-Pjattaforma huma:

  • Forum ta’ Aħbarijiet u ta’ Diskussjoni, jiġifieri diskussjoni u blog online dwar it-temi tal-ECI bl-għan li titrawwem l-interazzjoni bejn il-membri tal-komunità tal-ECI, l-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-identifikazzjoni tas-sħab, eċċ.

  • spazju ta’ tagħlim li joffri materjal ta’ gwida dwar aspetti rilevanti dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tal-ECI, u

  • Helpdesk, li toffri mekkaniżmu għall-mistoqsijiet u ta’ appoġġ dirett.

Niġbru u nużaw l-informazzjoni personali tiegħek biex nippermettu l-konnessjoni tiegħek u aktar interazzjoni mal-Pjattaforma u l-Utenti reġistrati l-oħrajn tagħha, u biex niffaċilitaw il-bini tal-komunità, il-kollaborazzjoni u l-iskambju fost l-Utenti. B’mod partikolari, ismek, u r-ritratt tiegħek jekk ikun hemm, se jidher maġenb l-inputs li għandek imnejn tipprovdi fuq il-Pjattaforma u l-Utenti l-oħrajn se jkunu jistgħu jikkonsultaw l-informazzjoni fil-Profil tiegħek (bl-eċċezzjoni tal-indirizz tal-email tiegħek). Tista’ wkoll tidher fir-riżultati tat-tfittxija magħmula mill-Utenti l-oħrajn abbażi tal-kriterji “pajjiż ta’ residenza” u “qasam ta’ interess”. 

Niġbru u nkomplu nipproċessaw l-informazzjoni personali tiegħek bil-mod li ġej:

  • Xi data personali tiegħek hi pproċessata permezz ta’ operazzjonijiet awtomatizzati. B'mod partikolari:

    • mal-ewwel konnessjoni tiegħek mal-Pjattaforma, ladarba titlob ir-reġistrazzjoni ta’ Utent Reġistrat tal-Pjattaforma (billi tikklikkja l-qasam rilevanti fil-formola tal-web), ismek, kunjomok u l-indirizz tal-email jiġu importati awtomatikament skont il-Profil tal-Utent mill-applikazzjoni tal-“EU Login” (fejn l-Utenti Reġistrati jeħtieġ li l-ewwel jiġu reġistrati u lloggjati) [2]

    • ladarba tkun reġistrat, ismek u r-ritratt tiegħek, jekk ikun hemm, jiġu ppubblikati awtomatikament ħdejn kull kontribuzzjoni li tippubblika fuq il-Pjattaforma;

  • Timla, tissejvja u teditja manwalment id-data personali u informazzjoni oħra fil-Profil tal-Utent tiegħek (bl-eċċezzjoni ta’ data importata minn “EU Login”);

  • Il-komunikazzjoni tal-indirizz tal-email tiegħek lil Utent Reġistrat ieħor teħtieġ l-awtorizzazzjoni speċifika tiegħek;

  • Operazzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw id-data tiegħek isiru manwalment (f’forma elettronika) mill-Operatur tal-Pjattaforma. L-operazzjonijiet li ġejjin huma kkonċernati b’mod partikolari:

    • l-immaniġġjar tal-protezzjoni tad-data tiegħek relatata mat-talbiet tiegħek (b’mod partikolari t-talbiet għat-tħassir tal-Profil tal-Utent mibgħutin bl-email).

Id-data personali pproċessata tista’ terġa’ tintuża għall-finijiet ta’ proċeduri quddiem il-Qrati tal-UE, il-qrati nazzjonali, l-Ombudsman Ewropew jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Id-data personali tiegħek mhix se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

Il-Pjattaforma hi implimentata abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

Jekk inti utent estern, l-ipproċessar tad-data li tintalab tipprovdi bħala waħda mandatarja hu legali skont l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2018/1725, li jirreferi għal sitwazzjoni fejn “l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni” u “(...) għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett”.

L-ipproċessar ta’ data addizzjonali li tista’ tipprovdi b’mod fakultattiv hu bbażat fuq il-kunsens tiegħek, u għalhekk hu legali skont l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1725, li jirreferi għal sitwazzjoni fejn “is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal għan speċifiku wieħed jew aktar”.

Meħuda waħedha, id-data pproċessata tiegħek ma taqax f’waħda mill-kategoriji li għalihom l-ipproċessar hu pprojbit mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (“kategoriji speċjali ta’ data personali”) sakemm ma tkunx tapplika kwalunkwe raġuni skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Madankollu, il-fatt tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Pjattaforma bil-ħsieb li tiġi organizzata inizjattiva speċifika jista’ jiżvela l-opinjonijiet politiċi tiegħek. Is-sensittività tad-data personali tiegħek tista’ għalhekk tirriżulta mis-sensittività tal-inizjattiva kkonċernata.

Skont il-materja tat-tema u s-sensittività tal-inizjattiva proposta tiegħek id-data personali pproċessata tista’ tkun għalhekk ikkunsidrata bħala data li tiżvela opinjonijiet politiċi.

F’dan il-każ l-ipproċessar mhux ipprojbit, peress li hu bbażat fuq il-kunsens espliċitu tiegħek għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal finijiet speċifikati, f’konformità mal-Artikolu 10(2)(a).

Jekk inti Amministratur tal-Pjattaforma, id-data tiegħek tiġi pproċessata fuq il-bażi kuntrattwali kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(c) (“Operatur tal-Pjattaforma”) u l-Artikolu 5(1)(a) u (b) (il-persunal tal-Kummissjoni inkarigat mill-ECI jew l-għodda tal-IT tal-Pjattaforma) tar-Regolament 2018/1725.

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw aktar?

Sabiex tikkonnettja mal-Pjattaforma bħala Utent Reġistrat (inklużi l-Amministraturi tal-Pjattaforma) tagħha jeħtieġlek l-ewwel tirreġistra permezz tas-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-“EU Login” tal-Kummissjoni Ewropea.

Id-data pprovduta f’din l-okkażjoni hi soġġetta għall-istqarrija ta’ privatezza tas-Servizz tal-Immaniġġjar tal-Identità u tal-Aċċess tal-Kummissjoni Ewropea (IAMS)[3].

Meta tkun irreġistrat u identifikat permezz tas-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-“EU Login”, mal-ewwel konnessjoni tiegħek mal-Pjattaforma, jinħoloqlok Profil tal-Utent fil-bażi tad-data tal-Pjattaforma, fejn jiġu importati awtomatikament ismek, kunjomok u l-indirizz tal-email tiegħek mill-bażi tad-data mmaniġġjata mill-IAMS.

Imbagħad int se tkun mistieden biex tipprovdi d-data/l-informazzjoni personali sabiex tikkompleta l-Profil tal-Utent tiegħek (fakultattiva):

  • nazzjonalità

  • lingwa ppreferita

  • pajjiż ta' residenza

  • grupp ta’ età

  • sess

  • qasam ta’ interess

  • professjoni/rwol

  • sfond u motivazzjoni biex tuża l-Pjattaforma

  • ritratt

Il-kontribuzzjonijiet u l-kummenti tiegħek dwar il-Pjattaforma kif ukoll l-iskambji mal-helpdesk jistgħu jinkludu wkoll data personali jew jitqiesu bħala tali.

5. Għal kemm żmien inżommuha d-data personali tiegħek?

Aħna nżommu d-data personali tiegħek biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-iskop tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri. Għandhom japplikaw il-limiti ta’ żmien li ġejjin:

  1. Informazzjoni li pprovdejt bħala parti mir-reġistrazzjoni tiegħek mas-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-EU Login

Il-limiti ta’ żmien taż-żamma tad-data fis-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-EU Login huma definiti fl-istqarrija ta’ privatezza tas-Servizz tal-Immaniġġjar tal-Identità tal-Kummissjoni Ewropea [4].

  1. Data li pprovdejt bħala parti mill-Profil tal-Utent tiegħek (bħala Utent Reġistrat inkluż l-Amministratur tal-Pjattaforma)

Id-data personali misjuba fil-Profil tal-Utent tiegħek, inklużi l-kontribuzzjonijiet u l-kummenti fuq il-Pjattaforma kif ukoll l-iskambji mal-helpdesk, se tinżamm fis-sit għall-perjodu taż-żmien li int tibqa’ attiv, sakemm int ma tħassarx data mill-Profil tiegħek int stess u sakemm int ma titlobx lill-Amministratur tal-Pjattaforma biex ineħħi l-Profil tal-Utent tiegħek mill-Pjattaforma.

Wara sentejn ta’ inattività kontinwa, il-Profil tal-Utent tiegħek jitħassar awtomatikament mingħajr il-ħtieġa li titressaq talba speċifika biex dan isir.

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-Pjattaforma u l-koerenza tal-kontenut tagħha, wara t-tħassir eventwali tal-Profil tal-Utent, il-kontribuzzjonijiet u l-kummenti tiegħek kif ukoll l-iskambji mal-helpdesk se jinżammu fuq il-Pjattaforma f’verżjoni anonima f’każ ta’ tħassir eventwali tal-Profil tal-Utent tiegħek (fuq talba tiegħek jew awtomatikament wara sentejn li ma tkunx attiv fuq il-Pjattaforma). 

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet numru ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa li jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) jinħażnu jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-kuntratturi (u sottokuntratturi) tagħha.

Il-bażi ta’ data tal-Pjattaforma hi ospitata b’mod sigur fis-Servizz tal-Hosting taċ-Ċentru tad-Data tal-Kummissjoni. Patches u updates huma regolarment installati mit-tim tal-IT biex jinżammu protetti s-servers kontra intrużjoni u aċċess malizzjuż. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar kollha li jitwettqu bl-użu tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea huma soġġetti għad-Deċiżjoni dwar is-Sigurtà tal-IT tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-Kummissjoni u lill-membri tal-istaff tal-Operatur tal-Pjattaforma li jwettqu din l-operazzjoni ta’ pproċessar. L-aċċess hu limitat ibbażat fuq il-prinċipju ta’ “ħtieġa ta’ tagħrif” u l-membri tal-istaff ikkonċernati jirrispettaw il-ftehimiet statutorji (fil-każ tal-Kummissjoni), u ftehimiet ta’ kunfidenzjalità kuntrattwali (proċessur).

Ismek u kunjomok, kif ukoll ir-ritratt tiegħek jekk ikun hemm, se jintwerew maġenb kwalunkwe kontenut li tippubblika fuq il-Pjattaforma u b’hekk se jkunu viżibbli għall-pubbliku ġenerali.

Id-data u l-informazzjoni misjuba fil-Profil tal-Utent tiegħek (bl-eċċezzjoni tal-indirizz tal-email tiegħek) se jkunu viżibbli għall-Utenti Reġistrati kollha.

Il-kontenut sħiħ tal-Profil tal-Utent tiegħek inkluż l-indirizz tal-email tiegħek se jkun viżibbli għall-Amministraturi tal-Pjattaforma.

L-indirizz tal-email tiegħek bħala parti mill-Profil tal-Utent tiegħek se jkun biss ikkomunikat lill-Utenti Reġistrati individwali l-oħrajn, jekk int b’mod espliċitu taqbel li tikkomunika din id-data permezz tal-funzjonalità ddedikata tal-Pjattaforma:

  • F’każ li Utent Reġistrat jixtieq jikkuntattjak individwalment hu jista’ jimla formola ta’ kuntatt ipprovduta fuq il-Pjattaforma billi jipprovdi ismek u l-kontenut tal-messaġġ li għandu jintbagħat. Imbagħad tirċievi l-messaġġ mingħand dan l-Utent fl-indirizz tal-email użat mill-kont tal-EU Login tiegħek. L-indirizz tal-email tal-Utent li kkuntattjak se jidher jekk twieġeb il-messaġġ tiegħu. Int u tibgħatlu tweġiba tkun qed tipprovdilu l-indirizz tal-email tiegħek.

  • Bil-maqlub, f’każ li tixtieq tikkuntattja individwalment Utent tal-Pjattaforma ieħor se jkollok tuża l-istess funzjonalità tal-Pjattaforma u b’hekk tipprovdi lill-Utent ikkonċernat bl-indirizz tal-email tiegħek.

L-informazzjoni li niġbru mhi se tingħata lil ebda parti terza, ħlief sal-punt u għall-iskop li jista’ jkun hemm bżonn li nagħmlu hekk bil-liġi.

8. X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom?

Għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek u li tirranġaha f’każ li d-data personali tiegħek ma tkunx eżatta jew ma tkunx kompluta. Għandek id-dritt li titlob it-tħassir tad-data personali tiegħek, li tirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali tiegħek u li toġġezzjona għall-ipproċessar.

L-ipproċessar tad-data personali fakultattiva li inti pprovdejt fil-Profil tal-Utent tiegħek hu bbażat fuq il-kunsens tiegħek. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tħassar l-informazzjoni rispettiva fil-Profil tal-Utent tiegħek jew billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data jew/u lill-Proċessur tad-Data (Operatur tal-Pjattaforma), jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u, jekk ikun neċessarju, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, billi tuża l-informazzjoni ta’ kuntatt mogħtija fl-Intestatura 9 hawn taħt.

Fir-rigward tal-informazzjoni li pprovdejt bħala parti mir-reġistrazzjoni tiegħek għand is-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-EU Login, jekk jogħġbok ikkonsulta l-istqarrija ta’ privatezza speċifika tas-Servizz tal-Immaniġġjar tal-Identità tal-Kummissjoni Ewropea[4].

Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-Rekord tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 9 hawn taħt) fit-talba tiegħek.

Kull talba għal aċċess għal data personali tiġi ttrattata fi żmien xahar li tkun riċevuta t-talba. Kwalunkwe talba oħra msemmija hawn fuq se tiġi indirizzata fi żmien 15-il jum tax-xogħol.

Tista’ wkoll teżerċita direttament id-drittijiet tiegħek fir-rigward tal-informazzjoni li pprovdejt bħala parti mill-Profil tal-Utent Reġistrat tiegħek: tista’ tiċċekkja, timmodifika, taġġorna u tħassar online l-informazzjoni fil-Profil tal-Utent tiegħek int stess b’mod dirett (bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni importata mis-Servizz tal-Awtentikazzjoni tal-EU Login).

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja:

  • Il-Kontrollur tad-Data operazzjonali:

Il-Kummissjoni Ewropea

Is-Segretarjat Ġenerali

Id-Direttorat A “Strateġija, Regolamentazzjoni Aħjar u Governanza Korporattiva”

Unità A.1 “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma”
B – 1049 Brussels, Belgium

Tel. +32 2 29 92165

Fax. +32 2 29 66655

Email: SG-ECI-mailing@ec.europa.eu

  • Il-Proċessur tad-Data (Operatur tal-Pjattaforma tal-ECI):

IS-SERVIZZ TA’ AZZJONI TAĊ-ĊITTADINI EWROPEJ,

Avenue de la Toison d’or, 77

B-1060 Brussels, Belgium

Email: ECIforum@ecas.org

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar iddettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew dokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru bil-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-Rekord li ġejja: DPR-EC-00828.

Tista’ ssib informazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-ECI fuq: https://europa.eu/citizens-initiative/how-it-works/data-protection

[1] Għal aktar informazzjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, ara https://europa.eu/citizens-initiative

[2]    Ara n-notifika tal-ipproċessar tad-data DPO-839.4 Servizz tal-Immaniġġjar tal-Identità u tal-Aċċess (IAMS) f’http://ec.europa.eu/dpo-register u l-Istqarrija ta’ Privatezza ta’ “EU Login” speċifika korrispondenti.

[3]    Ara n-notifika tal-ipproċessar tad-data DPO-839.4 Servizz tal-Immaniġġjar tal-Identità u tal-Aċċess (IAMS) f’http://ec.europa.eu/dpo-register u l-istqarrija ta’ privatezza speċifika korrispondenti. Jekk jogħġbok ikkonsulta din l-istqarrija ta’ privatezza speċifika għall-informazzjoni rilevanti li tikkorrispondi mal-punti 4-9 tal-istqarrija ta’ privatezza preżenti.

[4] https://intragate.ec.europa.eu/cas/privacyStatement.html

Ixxerja din il-paġna