Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Terms & Conditions

Jekk jogħġbok aqra dawn it-termini u l-kundizzjonijiet b'attenzjoni billi fihom informazzjoni importanti dwar id-drittijiet u l-obbligi legali tiegħek waqt li tkun qed tuża s-servizzi online (bħas-siti web u l-applikazzjonijiet ta’ tagħmir mobbli) tal-Portal għaż-Żgħażagħ Ewropej u inizjattivi relatati, inkuż il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Dawn it-termini dwar l-użu jistgħu jinbidlu minn żmien għal żmien u għalhekk għandek tiċċekkjahom b’mod regolari.

Dawn is-servizzi online huma proprjetà tad-Direttorat-Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea, li hu responsabbli wkoll mill-amministrazzjoni tagħhom.

Introduzzjoni

Sabiex ikun hemm dejjem atmosfera ta’ ħbiberija u pjaċevoli f’dawn is-servizzi online, aħna implimentajna xi regoli bażiċi ta’ mġiba, li jistgħu jiġu aġġornati minn żmien għal żmien u mingħajr avviż minn qabel. Kull min iżur is-sit filwaqt li jipparteċipa u juża dawn il-faċilitajiet online hu mistenni li jkun qara u qabel ma’ dawn ir-regoli u politiki tal-użu u li ma jmurx kontrihom. Jekk jogħġbok ħu ftit tal-ħin biex tiffamiljarizza ruħek mal-linji gwida.

ekk jogħġbok ara hawnhekk Nota Legali dettaljata tal-Kummissjoni Ewropea.

Kontenut Xieraq

L-imġiba mistennija tal-membri u suġġerimenti għal ippowstjar aħjar:

  • Żomm il-kontribuzzjonijiet kollha fil-limiti xierqa tal-qasam ta’ interess tal-komunità.
  • Uża titli qosra u konċiżi meta tippowstja l-entrati.
  • Jekk jogħġbok agħmel sforz biex tikkomunika bl-aktar mod ċar possibbli.
  • Uża biss immaġnijiet li għandek drittijiet sħaħ għalihom, u kun ċert li għandek il-permess ta’ kull min jista’ jiġi identifikat fl-immaġni (ara t-taqsima hawn taħt dwar id-“Drittijiet tal-awtur u ta’ partijiet terzi” għal aktar dettalji).
  • Tużax diskors baxx jew offensiv.

Dawn li ġejjin jitqiesu bħala kontenut mhux xieraq. L-ippowstjar ta’ kontenut bħal dan jista’ jirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-kont jew il-projbizzjoni kif ukoll it-tneħħija jew l-emendar ta’ posts offensivi:

  • Posts li fihom xi materjal jew dikjarazzjonijiet li jiksru d-drittijiet pubbliċi jew privati ta’ persuni oħrajn.
  • Posts jew immaġnijiet ta’ natura indiċenti, diffamatorja, abużiva, vulgari, ta’ mibegħda, ta’ fastidju, oxxena, profana jew ta’ theddid. Dawn jinkludu kwalunkwe messaġġ jew materjal li jkun offensiv, ta’ insult jew li jnaqqas mid-dinjità tal-persuna mil-lat etniku, razzjali, reliġjuż jew sesswali.
  • Posts jew immaġnijiet li jinkoraġġixxu l-kondotta jew huma ta’ tip ta’ kondotta li tikkostitwixxi offiża kriminali, jirriżultaw f’responsabbiltà ċivili, jew li b’xi mod ieħor jiksru xi liġi jew regolament.
  • Reklamar espliċitu ta’ prodotti jew servizzi mingħajr il-kunsens bil-quddiem jew il-kuntest adegwat.
  • Reġistrazzjoni bl-għan li tippowstja/tapprova/tippromwovi għall-akkwist personali tiegħek.
  • Posts li jkun fihom l-informazzjoni ta’ kuntatt personali tiegħek jew ta’ persuni oħrajn (pereż. in-numri tat-telefown, l-indirizzi, eċċ) fil-forums.
  • Kull ħaġa oħra li aħna nqisu mhix xierqa.
  • Links għal xi ħaġa minn dawn imsemmija hawn fuq.

Il-kontenut kollu ppowstjat mill-utenti jesprimi l-opinjonijiet tal-awtur u l-Unjoni Ewropea ma tistax tinżamm responsabbli għal xi messaġġ ippowstjat. 

Uri rispett lejn l-utenti l-oħrajn u kun edukat il-ħin kollu, anke meta ma taqbilx ma’ dak li jkun.

Filwaqt li dawn ir-regoli jkopru s-sitwazzjonijiet l-aktar komuni, ma jistgħux jantiċipaw kollox. Għalhekk nirriservaw id-dritt li nieħdu kull azzjoni li nqisu xierqa biex niżguraw li s-servizzi online ma jkunux imfixkla u ma jiġux abbużati.

Drittijiet tal-awtur u ta’ partijiet terzi

Meta jissottometti test, filmati, immaġnijiet jew kwalunkwe materjal ieħor, l-utent jiggarantixxi li għandu d-drittijiet ta’ proprjetà tal-materjal kollu sottomess, u li mhu qed jikser ebda dritt tal-awtur, dritt għall-privatezza, dritt tal-immaġni, jew kwalunkwe dritt ieħor ta’ xi parti terza.  

Meta jissottometti post, l-utent jagħti liċenzja dinjija, mhux esklussiva, mingħajr drittijiet tal-awtur u perpetwa lill-Unjoni Ewropea biex juża l-materjal sottomess fir-rigward tal-programmi u l-inizjattivi tagħha. B'mod partikolari, il-parteċipanti jagħtu d-dritt lill-Unjoni Ewropea li taħżen, tirriproduċi, timmodifika, toħloq xogħlijiet derivattivi, turi, tistampa, tippubblika, xxerred, ixxandar, tikkomunika lill-pubbliku jew b’xi mod ieħor tagħmel il-materjal sottomess pubblikament disponibbli, fi kwalunkwe format, medium u lingwa fuq l-internet jew il-midja soċjali. 

Jekk il-materjal sottomess fih xogħlijiet ta’ partijiet terzi (bħal mużika, diżinni arkitetturali, ritratti li l-propjetà tagħhom mhijiex tal-utent) min qed jippowstja għandu jiddikjara li kiseb id-drittijiet kollha meħtieġa li jippermettu lill-Unjoni Ewropea tuża l-materjal sottomess kif speċifikat hawn fuq. L-Unjoni Ewropea għandha d-dritt li titlob evidenza tal-approvazzjoni tad-drittijiet tal-partijiet terzi. L-utent jassumi r-responsabbiltà sħiħa għal kwalunkwe ħsara jew telf li jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet tal-partijiet terzi. 

Kull użu mill-Unjoni Ewropea ta’ materjal sottomess se jsir bir-rikonoxximent debitu lill-awtur/i. 

Meta jissottometti post, l-utent jiggarantixxi lill-Unjoni Ewropea li (i) kiseb kunsens bil-miktub mingħand kull individwu identifikabbli u, jekk jissemma’ jew jidher minuri (li ġeneralment ifisser xi ħadd taħt l-età ta’ 16-il sena, iżda din id-definizzjoni tista’ tvarja minn pajjiż għal ieħor), li għandu l-kunsens bil-miktub tal-ġenituri/tutur legali; (ii) l-applikazzjoni tiegħu mhux se twassal għal xi klejm ta’ ksur, invażjoni tal-privatezza jew reklamar, jew ksur ta’ kwalunkwe dritt u/jew interess ta’ xi parti terza, jew twassal għal kwalunkwe tip ta’ klejm, u lanqas ma tikser kwalunkwe liġi jew regolament applikabbli. Hija r-responsabbiltà tal-utent li jiżgura li nkiseb il-kunsens meħtieġ. Hu jrid iżomm il-formoli ta’ rilaxx kollha li jkun kiseb peress li jista’ jintalab jagħti prova li ngħata l-kunsens. Jekk l-utent jissottometti materjal li ma jkollux il-permessi xierqa għalih, l-utent jaċċetta r-responsabbiltà għal kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta.

L-utenti kollha huma responsabbli għall-kostijiet u l-ispejjeż li jġarrbu meta jipproduċu l-kontenut tal-posts tagħhom.

Irrapporta Ksur ta’ Regola

Jekk tħoss li utent ieħor qed jikser dawn il-politiki u t-termini ta’ użu, jekk jogħġbok irrappurtah permezz tal-paġna tas-sit web Ikkuntattjana, jew permezz tal-karatteristika “Irrapporta dan il-post” fl-applikazzjoni tat-tagħmir mobbli.

Miżuri Dixxiplinari

Nirriservaw id-dritt li nimmonitorjaw il-posts tas-servizz online u nħassru jew nemendaw kull post li ma jirrispettax dawn ir-regoli u t-”It-Termini u l-Kundizzjonijiet” standard tal-użu tal-portal. Dan jinkludi posts li jfixklu jew jinterferixxu mal-operazzjonijiet tekniċi tagħna.

Nirriservaw id-dritt li nagħlqu jew nissospendu b'mod immedjat, għal żmiem temporanju jew b'mod permanenti, kwalunkwe kont tal-utent mingħajr preavviż, kif inqisu xieraq.

Jekk tħoss li ttrattajniek b'mod inġust, tista’ tappella direttament magħna. Meta tikkuntattjana, jekk jogħġbok agħtina l-indirizz tal-email li użajt biex ippowstjajt entrata, jew in-Numru ta’ Referenza tal-Parteċipant tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Ma niddiskutux is-sospensjoni ta’ membri tal-portal mal-pubbliku ġenerali.

Nota dwar id-dritt tal-awtur: l-istampi deskrittivi użati fuq dan is-sit web (barra dawk mibgħuta mill-utenti) huma ©Kummissjoni Ewropea jew il-fornituri tagħha.

©Unjoni Ewropea 2014-2020. Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata sakemm iġi rikonoxxut is-sors, ħlief fejn speċifikat mod ieħor. Fejn irid jinkiseb permess minn qabel għar-riproduzzjoni jew l-użu ta’ informazzjoni testwali jew multimedjatika (ħoss, immaġnijiet, softwer, eċċ...) dan il-permess jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b'mod ċar kull restrizzjoni fuq l-użu.