You are here

flag

Pubblikat: 07/05/2013 10:25

UNICEF: nipproteġu lit-tfal kollha

B'ħidma favur it-tfal għal kważi 70 sena, il-UNICEF hi preżenti f'aktar minn 190 pajjiż fid-dinja kollha u taħdem għall-ġid tat-tfal.

A picture

© UNICEF

X'tagħmel il-UNICEF?

Il-UNICEF (United Nations International Children’s Emergency Fund) tiddefendi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u taġixxi biex tiżgura l-ugwaljanza għal dawk li jsofru mid-diskriminazzjoni, speċjlament il-bniet u n-nisa.

Il-UNICEF taħdem mal-oħrajn biex tegħleb l-ostakli li jxekklu l-ħajja tat-tfal, bħall-faqar, il-vjolenza, il-mard u d-diskriminazzjoni. L-organizzazzjoni tippromwovi l-edukazzjoni tal-bniet u taħdem biex tipprevjeni t-tixrid tal-AIDS / HIV fost iż-żgħażagħ.

Il-UNICEF taġixxi wkoll biex tipprovdi għajnuna f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kulfejn it-tfal ikunu mhedda. L-organizzazzjoni temmen li t-tfal m'għandhomx ikunu esposti għall-vjolenza, l-abbuż jew l-isfruttar.

Waħda mill-kwistjonijiet tal-UNICEF bħalissa hi l-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal. Il-UNICEF Goodwill Ambassador, l-attur Jackie Chan, iltaqa' ma' tfal mill-Mjanmar li kienu ġew traffikati u li issa qed jirċievu l-għajnuna biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom:

"It-tfal mhumiex għall-bejgħ. F'ġieħ it-tfal tad-dinja, għandna naħdmu qatigħ biex neliminaw darba għal dejjem dawn il-prattiki ta' kriminali li jagħmlu ħsara kbira. Hu importanti ħafna li ż-żgħażagħ jitgħallmu jipproteġu ruħhom. Affarijiet sempliċi, li m'għandek tafda lil ħadd li jwiegħdek xogħol tal-ħolm f'pajjiż ieħor; li qatt m'għandek tmur f'post li ma tafx waħdek; li tkun taf lill-ġenitruri tiegħek u l-isem sħiħ u l-età tiegħek; u li tkun kapaċi tispjega fejn tgħix, jgħinu lit-tfal kontra t-traffikanti."

 

 

 

Sib x'inhi tagħmel il-UNICEF f'pajjiżek jew ikkuntattja l-uffiċċju nazzjonali tiegħek direttament.

 

Kif tista' tinvolvi ruħek?

Fuq il-websajt tal-UNICEF Voices of Youth tista' ssib kif qed jinvolvu ruħhom żgħażagħ oħrajn, titgħallem dwar il-kwistjonijiet li jolqtu liż-żgħażagħ u tingħaqad f'diskussjonijiet.

Interessat f'approċċ aktar dirett? Tista' tgħin permezz tal-volontarjat jew billi tagħmel apprendistat.

 

Il-UNICEF kienet stabbilita fil-11 ta' Diċembru 1946 min-Nazzjonijiet Uniti biex tilħaq il-bżonnijiet ta' emerġenza tat-tfal f'pajjiżi meqruda minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija.