Innutajna li qed tuża verżjoni antika tal-Microsoft Internet Explorer. Dan is-sit web huwa ottimizzat għal Internet Explorer verżjoni 9 jew aktar reċenti, għaldaqstant nitolbuk tikkunsidra li taġġorna l-brawżer tiegħek sabiex tkun tista' tgawdi l-aspetti kollha ta' dan is-sit. Żur is-sit ta' Microsoft http://www.microsoft.com biex tniżżel verżjoni aktar reċenti ta' Internet Explorer.

Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.


flag

Xjenza u innovazzjoni

A picture
© European Space Agency

Tħossok kurjuż/a dwar l-univers?

L-Aġenzija Spazjali Ewropea toffri varjetà ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ mill-Istati Membri tal-ESA u mill-Istati ta’ Kooperazzjoni. Sib liema taħriġ hu l-aktar adatt għalik!

Apprendistati għall-Żgħażagħ Gradwati (YGT)

Il-programm joffrilek l-opportunità ta' taħriġ imħallas, flimkien mal-ħlas għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-assigurazzjoni fuq is-saħħa, biex taħdem f’ambjent internazzjonali u multikulturali verament interessanti. Bil-YGT, tkun tista’ takkwista esperjenza prezzjuża fl-iżvilupp u l-operazzjoni tal-missjonijiet spazjali. Bħala Apprendist/a Gradwat/a, tkun responsabbli għall-appoġġ ta’ proġett, u tibbenefika mill-esperjenza ta’ konsulent espert tal-ESA.

Kull sena f’nofs Novembru postijiet vakanti għal taħriġ ġdid jiġu ppubblikati fil-websajt tal-Aġenzija, iżda postijiet addizzjonali jiġu ppubblikati matul is-sena. Għalhekk żomm għajnejk miftuħin!

Biex tkun eliġibbli, jeħtieġlek li tkun gradwajt reċentement, jew tinsab fl-aħħar sena, tad-diploma tiegħek f'dixxiplina teknika jew xjentifika. Jeħtieġlek tkun ukoll ċittadin/a ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-ESA jew mill-Istati Ewropej ta’ Kooperazzjoni

Biex tapplika, imla l-formola tal-applikazzjoni onlajn mehmuża ma' kull post vakanti, flimkien mas-CV tiegħek u ittra ta’ spjegazzjoni. Żomm f'moħħok li tista’ tibgħat biss formola ta' applikazzjoni waħda onlajn!

 

Programm għall-Fellowship fir-Riċerka Postdottorali

Jekk int student/a jew enġinier żagħażugħ/a, l-ESA tagħtik il-possibbiltà li twettaq fellowship fir-riċerka għal sentejn f'varjetà ta' dixxiplini relatati max-xjenza spazjali, l-applikazzjonijiet u t-tekonoloġija spazjali.

Biex tapplika jeħtieġlek li tkun akkwistajt id-dottorat tiegħek f’qasam konness mill-qrib mal-attivitajiet spazjali u tkun ċittadin/a ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-ESA jew mill-Istati ta’ Kooperazzjoni.

Tista’ tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek meta trid matul is-sena, iżda l-proċess ta’ valutazzjoni normalment jibda f’Ottubru.

Ibgħat il-formola ta' applikazzjoni mas-CV tiegħek, flimkien mal-lista ta' pubblikazzjonijiet, ir-referenzi, iċ-ċertifikat tad-dottorat u deskrizzjoni dettaljata tal-proġett ta’ riċerka tiegħek lil temp.htr@esa.int.

 

Inserzjonijiet għall-Istudenti

Jekk għadek qed tistudja, l-ESA toffrilek taħriġ intern minn 3 sa 6 xhur bħala parti mill-kors tad-diploma tiegħek. Dawn l-apprendistati bla ħlas huma disponibbli għall-oqsma sew tekniċi jew mhux.

Biex tapplika, għandek tkun qed toqrob lejn it-tlestija tad-diploma tal-Baċċellerat tiegħek, jew fl-ewwel nofs tal-kors tal-Masters fil-matematika, l-inġinerija, il-fiżika, ix-xjenza u t-teknoloġija tal-informazzjoni, il-liġi, il-finanzi, eċċ.

Jeħtieġlek timla l-formola ta' applikazzjoni onlajn u tibgħatha b'email lil wieħed mill-istabbilimenti ewlenin tal-ESA. Għandek tinkludi s-CV tiegħek u ittra ta’ spjegazzjoni li fiha turi għaliex tixtieq taħdem mal-ESA.