Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

A picture
© shutterstock.com - LHF Graphics

Il-vot huwa l-aktar arma qawwija

Tinsab fl-età li tista' tivvota? X'taf dwar l-elezzjonijiet? Il-vot huwa l-ogħla forma ta' parteċipazzjoni għaċ-ċittadini tas-soċjetajiet demokratiċi u dritt li għandu jintuża bis-sħiħ.

Fis-soċjetajiet demokratiċi, il-gvernijiet huma magħżula permezz tal-elezzjonijiet, fejn iċ-ċittadini jistgħu jagħżlu bejn diversi kandidati jew partiti politiċi. Il-vot huwa espressjoni formali tal-appoġġ tiegħek għal deċiżjoni, kandidat, għażla ta' kandidati jew partit. Skont il-pajjiż fejn tgħix, normalment tista' tivvota fil-livell muniċipali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi l-età tal-vot hija ta' 18-il sena, iżda meta d-dritt għall-vot ġie stabbilit għall-ewwel darba l-età tal-vot kienet ta' 21 sena. Issa, il-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej nieda kampanja madwar l-Ewropa biex titbaxxa l-età tal-vot għal 16-il sena, fuq l-eżempju tal-Awstrija, fejn l-età tal-vot hija diġà ta' 16.

 

L-Elezzjonijiet Ewropej

Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009, 29% biss taż-żgħażagħ (bejn 18-24 sena) ivvutaw; u 50% ta' dawk li ġew mistoqsija stqarru li ma kinux irċevew biżżejjed informazzjoni dwar l-elezzjonijiet. Iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità jżidu dawn in-numri fl-elezzjonijiet Ewropej li jmiss. F'Ġunju 2014 tkun tista' tagħżel il-membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) ta' pajjiżek.

Biex issir taf dwar il-kwistjonijiet fl-elezzjoni jkun tajjeb li taqra l-programmi tal-kandidati tiegħek, u titkellem mal-ġenituri jew l-għalliema tiegħek. Xi wħud mill-kandidati għandhom ukoll il-paġna Facebook tagħhom fejn ikunu jistgħu jwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek. Għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss tista' tikkuntattja l-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew l-iktar qrib tiegħek.

Jekk qed tgħix barra minn pajjiżek, xorta tista' tivvota fl-elezzjonijiet nazzjonali ta' pajjiżek, filwaqt li għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tkun tista' tagħżel il-pajjiż fejn tixtieq tivvota. Id-drittijiet tal-vot tal-UE jippermettulek ukoll tivvota u toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fil-pajjiż fejn tgħix.

 

Meta darb'oħra tgerger jew tħoss li hemm xi ħaġa ħażina fis-soċjetà, għaliex ma tippruvax tivvota?