You are here

flag

Pubblikat: 23/04/2013 11:11

Apprendistati Eurodyssée – ibda l-vjaġġ Ewropew tiegħek hawn!

Ikseb esperjenza ta’ xogħol filwaqt li ttejjeb l-għarfien ta' lingwa barranija. Għal iktar minn 25 sena, il-programm Eurodyssée jipprovdi liż-żgħażagħ b'korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali mħallsa f'reġjun Ewropew barrani.

A picture

© fotolia.com - goodluz

Eurodyssée hu mmirat lejn iż-żgħażagħ bejn 18 u 30 sena li huma residenti f’wieħed mir-reġjuni membri tal-programm. M'hemmx bżonn kwalifiki speċifiċi, peress li l-applikazzjonijiet jitqabblu mar-rekwiżiti tan-negozji. Madankollu għandu jkollok xi tip ta' kwalifika (taħriġ vokazzjonali, edukazzjoni ogħla, eċċ.) u għarfien bażiku ta' lingwa barranija.

L-apprendisti jkunu intitolati għal apprendistat ta' 3-7 xhur, kors tal-lingwa, akkomodazzjoni, somma fix-xahar jew salarju, kopertura tal-assigurazzjoni u ċertifikat tat-taħriġ.

 

Kif tapplika

Imxi ma' dawn it-3 passi sempliċi:

1. Sib jekk ir-reġjun tiegħek jagħmilx parti mill-programm mil-lista ta' reġjuni membri.

2. Oħloq il-profil Eurodyssée tiegħek.

3. Iċċekkja l-offerti ta' apprendistati disponibbli u agħżel dak li jidhirlek li hu l-aħjar għalik.

 

"Dan l-istadju ta' ħajti se nibqa' niftakru għal dejjem grazzi għall-esperjenza li ksibt mill-Programm Eurodyssey. Ċertament kien pass 'il quddiem għat-tkabbir personali tiegħi. Skoprejt kulturi ġodda, għamilt ħbieb ġodda, tgħallimt lingwa ġdida. Kelli l-opportunità nivvjaġġa ħafna u sirt naf nies u postijiet eċċezzjonali! Spanja se tibqa' fil-memorja tiegħi u Valencia ħa nżommha dejjem f'qalbi.

Nagħti l-parir liż-żgħażagħ biex igawdu minn din l-opportunità. Ovvjament, mhux dejjem kollox ward u żahar. Dejjem tiltaqa' ma' xi ostakli li trid tegħleb … iżda mhux dawk jgħinuna nikbru u nsiru iktar b'saħħitna? Din hi sfida li mhux ta' min jitlifha.”

Andreia Tavares, mill-Portugall, għamlet l-apprendistat tagħha fil-Comunidad Valenciana, fi Spanja, fl-2009.

 

Matul l-apprendistat

L-apprendisti jirċievu jew għotja jew inkella jitħallsu salarju skont kif jitmexxa l-programm Eurodyssée f'dak ir-reġjun.

Matul iż-żjara barra pajjiżek, il-koordinaturi tal-programm tar-reġjun li jospitak ikunu jistgħu jgħinuk. Dan ifisser li tkun tista' tieħu sehem fi żjarat, eskursjonijiet u avvenimenti oħra biex jgħinuk tadatta u tapprezza l-kultura tar-reġjun.

Ftakar dejjem li wara l-apprendistat ikollok tissottometti rapport lir-reġjun li jospitak. Jekk ma tagħmilx dan ir-rapport x'aktarx li ma tirċevix iċ-ċertifikat għall-apprendistat tiegħek.